Sassoli: L’Europe doit être loyale envers ses citoyens 
 

Diskors ta' David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021

Sinjuri,

 

Nixtieq napprofitta minn dan id-diskors biex naqsam magħkom l-impressjonijiet tiegħi u dawk tal-Parlament rigward l-isfidi li qegħdin jistennewna fi tmiem dan il-mandat, issa li ninsabu nofs triq iżda li għad fadlilna ħafna x'naqdfu.

Il-pandemija qiegħda ġġebbed fit-tul, id-dawl qajla qiegħed jidher wara d-dlam u qegħdin indumu biex naraw il-progress li l-Unjoni għandha bżonn, il-proġett Ewropew ta' tama li l-konċittadini Ewropej kollha tagħna qegħdin jistennew. Naturalment għandna proġetti ambizzjużi għall-Ewropa tagħna, li ilhom fuq il-mejda minn mindu bdiet il-leġiżlatura, u qegħdin nimmiraw lejhom b'mod stinat, billi nbiddlu l-affarijiet, insibu kunsens bejnietna, insomma, billi nħallu warajna d-differenzi tagħna. M'hemmx xi ngħidu, il-Patt Ekoloġiku, it-tranżizzjoni diġitali, Ewropa aktar b'saħħitha u demokratika, aktar ġustizzja soċjali, huma proġetti b'saħħithom u indispensabbli li l-Ewropa qiegħda tmexxi 'l quddiem, u għandna nirnexxu f'dan b'sens ta' lealtà lejn il-konċittadini tagħna.

Iżda l-Ewropa għandha wkoll u speċjalment bżonn proġett ta' tama ġdid, proġett li jgħaqqadna, proġett li jista' jinkarna l-Unjoni tagħna, il-valuri tagħna u ċ-ċiviltà tagħna, proġett li jkun ovvju għall-Ewropej kollha u li jħallina ningħaqdu flimkien.

Naħseb li dan il-proġett jista' jinbena fuq tliet pilastri sodi, fuq xewqa tripla ta' Ewropa li tkun unanimament kondiviża mill-Ewropej kollha: dak ta' Ewropa li tkun innovattiva, ta' Ewropa li tipproteġi u ta' Ewropa li tkun fanal (gwida).

 

Ewropa li qabel xejn tkun innovattiva

L-innovazzjoni f'dan is-sens mhijiex biss l-innovazzjoni teknoloġika, li tant hi meħtieġa għall-ekonomija tagħna. L-innovazzjoni li għandna bżonn hija dik fis-setturi kollha, sens imġedded ta' kreattività, għall-istituzzjonijiet tagħna, għall-politiki tagħna, għall-modi ta' kif naġixxu kif ukoll għall-istili ta' ħajja tagħna, billi dan huwa dak li t-tranżizzjoni ekoloġika teħtieġ.

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa trid tgħinna nsibu toroq ta' innovazzjoni possibbli biex nerġgħu noħolqu sens ta' proġett li fih l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jintgħarfu. Kif tafu, il-Konferenza bħalissa għaddejja bil-ħidma tagħha; dalwaqt jasal il-mument li nisiltu l-ewwel konklużjonijiet. Din se ngħidha bil-forza: mhux se nkunu nistgħu niskansaw ir-responsabbiltajiet tagħna meta jasal il-mument li ngħaddu mill-kliem għall-fatti, mix-xewqat għall-proġetti, mill-ideat għall-kisbiet konkreti.

Se jeħtiġilna nkunu innovattivi fis-setturi kollha!

Żgur fil-qasam istituzzjonali. L-Unjoni tagħna hija imperfetta, qiegħda dejjem tifforma ruħha. Il-Parlament ilu żmien li ppreżenta proposta konkreta biex l-istituzzjonijiet tagħna jsiru aktar demokratiċi, aktar b'saħħithom u aktar innovattivi, permezz tad-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva.

Se jeħtiġilna nkunu innovattivi fil-leġiżlazzjoni tagħna. L-Unjoni tagħna għandha tkun l-ewwel waħda li tistabbilixxi regoli f'oqsma li llum id-dinja kollha tara bħala mudell partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mar-regolamentazzjoni tas-setturi l-ġodda tal-ekonomija li attwalment huma ġungli leġiżlattivi. Dan għamilnieh għall-protezzjoni tad-data personali, u issa d-dinja qiegħda timxi fuq l-eżempju tagħna. Se nagħmluh, wasal iż-żmien li jsir, għas-swieq diġitali, biex nevitaw li jkunu l-ġganti tal-web li jkunu l-leġiżlaturi minflok iċ-ċittadini.

Se jeħtiġilna wkoll inkunu innovattivi fil-finanzjamenti tagħna. Fejn jidħol il-finanzjament tal-politiki u tal-azzjonijiet tagħna ma għandniex f'dan l-aspett ukoll nibżgħu mill-bidla, ma għandhiex nirtogħdu quddiem l-innovazzjonijiet. Nixtieq għal darb'oħra nfakkar li l-Parlament u ċ-ċittadini Ewropej qegħdin fuq ix-xwiek jistennew il-pubblikazzjoni tal-pakkett dwar ir-riżorsi proprji, li għandu jippermetti lill-Unjoni tlesti l-pakkett finanzjarju tagħha b'mod sostenibbli u tirrimborża d-dejn li ħadna flimkien. Din hija kwistjoni ta' kredibbiltà u li nirrispettaw il-wegħda li għamilna. U dawn l-innovazzjonijiet ma jeżentawniex lanqas milli nadattaw il-qafas finanzjarju tagħna għall-isfidi tas-seklu tagħna, billi nirriformaw b'mod realista l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Ma nistgħux inkomplu nagħlqu f'gaġġa l-futur tagħna u dak ta' wliedna fir-regola tat-3%.

 

Imbagħad Ewropa li tipproteġi.

Għandna nerġgħu ndaħħlu l-idea li l-Ewropa tipproteġina, l-Ewropa tipproteġi l-konfini tagħha, iċ-ċittadini tagħha, taġixxi għas-sigurtà tagħhom, għall-ġid komuni u għas-sovranità ta' kull wieħed mill-Istati Membri tagħha. Dan għamilnieh bil-politika komuni tagħna fil-qasam tal-vaċċini: irnexxielna nuru b'mod determinat li l-Ewropa kapaċi tindirizza l-kriżijiet l-aktar gravi biex tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk għandna nkomplu l-impenn tagħna għall-Ewropa tas-saħħa u nqawwu l-arkitettura sanitarja tagħna fil-livell dinji biex noffru aktar prevenzjoni, aktar protezzjoni u aktar preparazzjoni għall-kriżijiet. Nilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li tiftaħ negozjati dwar strument vinkolanti għall-ġlieda kontra l-pandemiji.

Li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej tfisser li tkun ippreparata aħjar biex tirreaġixxi għall-kriżijiet futuri, sew jekk ikunu sanitarji, naturali, kummerċjali, diplomatiċi jew militari.

Għalhekk, dan qabelxejn ifisser li nsaħħu l-politika ta' difiża u ta' sigurtà komuni tagħna b'mod li nkunu nistgħu nintervjenu flimkien aktar malajr u b'aktar qawwa meta l-interessi tagħna jisfaw mhedda. Naf li dan is-suġġett se jkun wieħed mill-aspetti fundamentali tal-Presidenza Franċiża li jmiss, u din hija ħaġa pożittiva.

Li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej tfisser ukoll li nkunu nistgħu nsaħħu b'determinazzjoni l-integrazzjoni tal-politiki tagħna ta' ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-fruntieri esterni. Fl-interventi tiegħi spiss qajjimt il-kwistjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil: mhu sigriet għal ħadd li l-migrazzjoni saret suġġett kruċjali fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġendi tagħha tal-politika barranija. Il-Parlament diġà qiegħed jaħdem biex itejjeb il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ewropew dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, abbażi ta' patt ġdid ta' solidarjetà u ta' responsabbiltà. Il-Kunsill se jagħmel il-parti tiegħu, u minn issa 'l quddiem għandna nsibu qbil b'mod urġenti, inkella l-populiżmu u s-soluzzjonijiet b'terminu qasir se jipprevalu f'dan il-qasam. Dak li ġara dan l-aħħar fil-fruntiera Belarussa wera b'mod ċar il-bżonn ta' azzjoni determinata u solidali f'dan il-qasam kruċjali.

Li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej tfisser li tistinka biex kulħadd ikun jista' jgħix b'dinjità minn xogħlu, b'salarju minimu deċenti u ġust. U għal darb'oħra nagħmlu appell biex jinstab kompromess ambizzjuż fil-materja. Nilqa' wkoll b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali, li għandha twassalna biex nerġgħu nistabbilixxu protezzjoni soċjali għal miljuni ta' ħaddiema Ewropej.

Li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej tfisser li jerġa' jiġi stabbilit bilanċ fir-relazzjonijiet kummerċjali żbilanċjati, meta xi pajjiżi jhedduna b'investimenti jew b'miżuri koerċittivi.

Li tipproteġi ċ-ċittadini Ewropej finalment tfisser li jinstabu risposti tekniċi u ekonomiċi effikaċi f'każ ta' kriżi enerġetika. L-ebda ċittadin Ewropew ma għandu jiġi abbandunat fil-faqar enerġetiku, anki meta kriżi internazzjonali tħarbat is-swieq dinjin: huwa anki f'mumenti kritiċi bħal dawn li l-Unjoni għandha ssib soluzzjonijiet kuraġġjużi biex tiżgura s-sigurtà tal-Ewropej kollha.

 

U fl-aħħar, Ewropa li tkun fanal bis-saħħa tal-mudell demokratiku tagħha.

Ilna diversi snin issa nisimgħu bil-kelma reżiljenza: l-Ewropa għandha ssir reżiljenti għall-iskossi ekonomiċi, għall-kunflitti fil-fruntieri tagħha, għall-kriżi ekoloġika, għall-kriżijiet soċjali, eċċ. Dażgur li rridu negħlbu dawn il-kriżijiet u nindirizzaw dawn l-isfidi: imma r-reżiljenza tassew hija l-uniku għan tal-azzjoni tagħna? Jekk nimmiraw lejn ir-reżiljenza qisu diġà jfisser li nistqarru li ħriġna telliefa, li ngħoddu lilna nfusna vittmi u vulnerabbli.

Iktar mir-reżiljenza, l-Ewropa għandha għalhekk terġa' ssib il-kburija tal-mudell demokratiku tagħha. Għandna nixtiequ b'ħerqa kbira li dan il-mudell ta' demokrazija, ta' libertà u ta' prosperità jinfirex, li jattira, li jġiegħel mhux biss lill-konċittadini Ewropej tagħna stess joħolmu bih, iżda wkoll lil dawk lil hinn mill-fruntieri tagħna.

Li l-mudell demokratiku tagħna jkun fanal tfisser li nkunu nistgħu nuru s-suċċess tiegħu, l-effikaċja tiegħu fil-politiki pubbliċi tiegħu u l-kapaċità li niksbu riżultati tanġibbli bis-saħħa ta' determinazzjoni tal-azzar.

Nittama li d-9 ta' Mejju li ġej, data li fiha niċċelebraw Jum l-Ewropa, tkun l-okkażjoni ta' manifestazzjoni komuni, b'saħħitha u unitarja, li tixhed l-impenn komuni tagħna għall-proġett Ewropew u għall-valuri u għaċ-ċiviltà li jittrażmetti.

Sinjuri,

Kif stajtu tifhmu, l-intervent tiegħi tal-lum mhuwiex limitat għat-temi ta' attwalità tal-mument. Deherli importanti napprofitta minn dan id-diskors biex niġbed l-attenzjoni ta' kulħadd għal-lakuni tal-proġett. .

"Innovazzjoni, protezzjoni, tixrid" hawn huma t-3 proposti li qiegħed inressqilkom biex jitmexxa t-tiġdid tal-proġett Ewropew tagħna. Għażiż Emmanuel, waqt iż-żjara tiegħi f'Pariġi nhar il-Ħamis li għadda, ħadt nota sewwa tal-motto li għażlet Franza għall-presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni: "Irkupru, potenza, appartenenza". Nikkonstata li din hija għażla għalkollox konsistenti ma' dak li tkellimt dwaru jien:

– għaliex ma nistgħux nirkupraw mingħajr ma nkunu innovattivi, – għaliex il-potenza li rridu għall-Unjoni tagħna għandha sservi biex naffermaw il-viżjoni tagħna tad-dinja u nipproteġu għalhekk iċ-ċittadini Ewropej;

– għaliex iċ-ċittadini Ewropej se jħossuhom li jappartjenu għall-Ewropa biss jekk il-mudell politiku tagħha jkun eżempju li jkaxkar.

Kuntent għalhekk li hemm konverġenza bejn dawn il-viżjonijiet differenti tal-futur. Sta għalina issa nsarrfu dawn il-viżjonijiet f'azzjonijiet konkreti, b'mod li l-Ewropa żżomm postha u wegħdietha għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej kollha.

Grazzi, u l-ħidma t-tajba!