Fil-marġini taż-żjara tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament f’Varsavja qabel il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE, il-President Metsola tat dan id-diskors f’avveniment organizzat minn Polityka Insight.
Sinjuri, il-waranofsinhar it-tajjeb.
Huwa pjaċir għalija li ninsab hawn fil-belt il-ġmiel tagħha ta’ Varsavja f’dan il-mument deċiżiv għall-Ewropa. Hekk kif il-Kulleġġ tal-Kummissarji l-ġdid għadu kemm beda l-ħidma tiegħu, u l-Polonja qed tħejji ruħha biex tieħu f’idejha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, m’hemm la żmien aħjar u lanqas post aqwa biex niffissaw il-prijoritajiet tagħna għax-xhur li ġejjin.
Iżda t-tfassil tal-aġenda tagħna ma jfissirx biss li nqiegħdu pjan iswed fuq l-abjad. Jirrigwarda n-nies li nisimgħu u l-perspettivi li ninkludu. Għalhekk ippermettuli nibda billi nirringrazzjakom mhux biss talli lqajtuni, iżda għad-djalogu miftuħ u onest li naf li se jkollna.
Għeżież ħbieb,
Ilkoll kemm aħna f’Novembru segwejna l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti u l-eżitu tagħhom. Iċ-ċittadini Amerikani eleġġew lill-President elett Trump u ma naħsibx li għandna nistagħġbu li l-amministrazzjoni tiegħu se ssegwi l-interessi tagħha.
Onestament, iċ-ċittadini Ewropej ukoll jeleġġu lill-mexxejja tagħhom u li nista’ ngħidilkom hu li se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niddefendu lill-familji, lill-bdiewa, lill-impriżi u lill-prodotti Ewropej. Din hi r-responsabbiltà tagħna u m’aħniex se noqogħdu lura milli nġorruha. Nistgħu nagħmlu hekk b’mod li lkoll ingawdu minnu.
Il-mistoqsija hi kif se nsibu triqitna f’din ir-realtà l-ġdida? Se nduru kontra xulxin, bil-konsegwenza li s-sitwazzjoni tiddeġenera f’tellieqa protezzjonistika li tagħmel ħsara lit-tnejn? Jew ninjettaw doża ta’ realiżmu politiku u nikkonċentraw fuq it-tisħiħ tar-rabta trans-Atlantika fl-oqsma l-aktar importanti?
L-opinjoni tiegħi hija sempliċi: minflok ma nkunu esibizzjonisti fl-oqsma li fihom jaf ikollna prospettivi differenti, għandna ninsistu fuq sħubija aktar b’saħħitha fid-difiża, fil-kummerċ u fl-affarijiet internazzjonali. Iżda dan ifisser li hemm bżonn nibdew naġixxu pjuttost milli nirreaġixxu. Il-gwerer kummerċjali, b’dazji ogħla u kontrodazji, ma jagħmlu tajjeb lil ħadd, iżda dan ifisser li jeħtiġilna nkunu ppreparati u lesti għal kull eventwalità. U b’hekk nittama li l-Istati Uniti se jindunaw li l-għajta tagħhom “America First” ma tistax isseħħ jekk issir America only.
Li rrid ngħid hu li l-approċċ tal-Ewropa jeħtieġ li jkun wieħed ta’ sħubija bejn sħab indaqs – u dak ifisser li nissaħħu.
Dwar is-sigurtà: ifisser li nagħmlu aktar biex nonoraw l-obbligi tagħna fil-qafas tan-NATO u mmorru lil hinn minn hekk. Ifisser li nagħtu spinta lill-infiq għad-difiża u nibnu Ewropa li ma tkunx biss aktar sikura iżda aktar b’saħħitha, lesta għall-isfidi tal-lum u mgħammra għall-inċertezzi ta’ għada.
Ifisser ukoll li nibnu qafas ta’ sigurtà komplementari għan-NATO, billi nsostnu lill-industrija tad-difiża tagħna, innaqqsu d-duplikazzjonijiet u nżidu l-interoperabbiltà. Għalhekk meta nappoġġjaw lill-Ukrajna u meta nieqfu ma’ Belarussja libera u demokratika ma nkunux biss altruwisti, iżda nkunu qed nagħmlu dan għas-sigurtà tagħna, għas-sigurtà tal-Ewropa u għall-arkitettura tas-sigurtà tad-dinja kollha kemm hi. Dan il-Polonja tifhmu aktar minn kulħadd.
Ilkom is-snin twissuna bir-Russja, sew fil-każ tal-Georgia, tal-Krimea sew fil-każ tal-Belarussja. U anki meta forsi ħassejtukom li ħadd ma kien qed jisma’, ma ċedejtux. Mill-ewwel ġurnata tal-gwerra illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Polonja kienet u għadha fuq quddiem nett f’dawk li huma difiża u sigurtà. Il-Polonja tifhem li l-livell ta’ preparatezza tal-Ewropa jrid jaqbel mal-livell tat-theddida. U t-theddida hija reali.
Dwar il-kummerċ: wasal iż-żmien għal ambizzjoni aktar kuraġġjuża. Il-forza tagħna tinsab fil-kummerċ miftuħ u ġust, ibbażat fuq regoli internazzjonali, mhux f’li ningħalqu fina nfusna. Dan ifisser li jeħtieġ li naħdmu, jeħtieġ li naraw f’liema fażi jinsabu l-pożizzjonijiet tagħna, jeħtieġ li ma nistennewx għexieren ta’ snin qabel ma nieħdu miżuri, mentri oħrajn jiġru jagħlqu l-bibien għall-impriżi tagħna.
Jeħtieġ ukoll li niżguraw aċċess għall-materja prima li hija essenzjali biex l-ekonomija tagħna tkun tista’ tikber. Jekk l-Ewropa ma ssaħħaħx postha mbagħad ma għandniex nistagħġbu jekk il-kompetituri tagħna jeħduhulha postha.
U filwaqt li l-kummerċ jiftaħ il-bibien, jeħtieġ li nibqgħu għassa biex ma jagħlaqhomx, forsi mingħajr ma jinduna, għal dawk li jsostnu lill-komunitajiet tagħna. Il-bdiewa u t-tħassib tal-produtturi tagħna: spejjeż dejjem akbar, pressjonijiet tas-suq u standards ta’ kwalità, ma jistgħux jiġu injorati. Jeħtieġ li nipproteġu s-setturi l-aktar sensittivi filwaqt li nħallu lill-industriji mmexxija mill-esportazzjonijiet jistagħnew. Soluzzjonijiet ibbilanċjati ta’ dan l-aħħar juru li jista’ jirnexxilna. Naf li jista’ jerġa’ jirnexxilna.
Dwar in-negozju fl-Ewropa: aħna kburin – u bir-raġun – bis-sistema ta’ swieq miftuħin u bix-xbieki ta’ sikurezza soċjali tagħna. Huwa dan li jagħmel l-istil Ewropew differenti mill-oħrajn, u jaħdem. Dan ma jfissirx li ma għandniex inkunu onesti magħna nfusna dwar is-setturi li fihom hemm bżonn ta’ titjib, xi kultant titjib kbir.
Il-wirt li tħalli din l-għaxar leġiżlatura tal-Parlament Ewropew, li għadha kemm bdiet, nixtieqha tkun is-semplifikazzjoni, l-implimentazzjoni u r-realiżmu. Jiġifieri nnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-burokrazija bla bżonn li jbiegħdu lin-nies u lill-impjiegi.
Regolamentazzjoni aktar intelliġenti ma tissarrafx f’aktar regolamentazzjoni. Tfisser li noħolqu politiki prattiċi u effiċjenti, faċli li jiġu implimentati u li jiksbu riżultati reali.
Ir-realtà hi li għadna ma konniex kapaċi nikkonsolidaw is-suq uniku vantaġġjuż tagħna f’wisq setturi. Id-differenzi politiċi juru li għadna m’aħniex fejn hemm bżonn li nkunu f’dak li għandu x’jaqsam mat-telekomunikazzjonijiet, mas-settur bankarju, mas-swieq kapitali u ma’ tant setturi oħra.
L-ispejjeż għall-enerġija huma parti kruċjali mis-sitwazzjoni kumplessa li jeħtiġilna nsolvu. Il-prezz tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea jista’ jkun sa tliet darbiet ogħla minn dak f’reġjuni oħra, u dan jagħmel ħsara lill-kompetittività, inaqqas il-marġnijiet u jżid il-kostijiet tal-produzzjoni. Dan ifisser anqas flus fil-bwiet taċ-ċittadini Ewropej. U jekk it-tbassir jiġi kkonfermat, din ix-xitwa se tkun ferm aktar kiesħa mis-snin preċedenti. Dan huwa fattur li jżid l-urġenza biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata.
Meta nitkellmu dwar l-enerġija, il-progress waħdu mhuwiex biżżejjed – neħtieġu l-integrazzjoni. Aħna kburin ħafna bl-ex President Pollakk tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek, li tant spiss għamel appelli għall-integrazzjoni fis-suq tal-enerġija. L-enerġija hija waħda mill-oqsma tal-azzjoni komuni li toffri l-akbar dividend. Dan rajnieh fil-ħżin tal-gass; dan rajnieh ukoll fir-riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE, li l-Parlament Ewropew ivvota għalih din is-sena.
Iżda suq tal-enerġija Ewropew totalment interkonness imur kieku saħansitra aktar ’il bogħod biex ibaxxi l-kostijiet u jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija. Hija sistema li nistgħu ngawdu minnha kulħadd, kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll mil-lat ta’ sigurtà. Din tkun verament awtonomija strateġika.
Jeħtiġilna nuru li l-Ewropa mhijiex il-“kontinent letarġiku li qabad it-triq għan-niżla” u, fl-aħħar mill-aħħar, ifisser li għandna nsibu r-rieda politika u l-kuraġġ li nieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji. Nafu li għandna l-istrumenti, nafu x’għandna nagħmlu – warajna għandna snin sħaħ ta’ esperjenza – kulma għandna bżonn huwa li nsibu l-kuraġġ biex dan nagħmluh.
U naturalment, mhux il-kuraġġ biss. Hemm bżonn ukoll ir-realtà politika li nagħmluh. Jiġifieri gvernijiet stabbli fl-Istati Membri. Għalhekk meta nitkellmu dwar il-valuri tagħna, dwar id-demokrazija, il-libertà u l-istat tad-dritt, ma nkunux qed nitkellmu dwar ideat elevati merfugħin fuq xi xkaffa tal-kotba qadima u miksija trab. Inkunu qed nitkellmu dwar dawk il-valuri li jagħtu stabbiltà u prevedibbiltà lil pajjiż, li jagħmluh sieħeb affidabbli fix-xena globali.
Se ngħidilkom dak li għedt qabel lill-Prim Ministru Tusk illum: kulħadd jista’ jara l-bidliet impressjonanti li għamlet il-Polonja f’din l-aħħar sena. Jekk xi ħadd ħaseb li kienu se jkunu passi ta’ nemla, minflok kienu passi ta’ ġgant. Żblokkajtu fondi Ewropej kruċjali biex isostnu lill-impriżi u liċ-ċittadini Pollakki, mexxejtu l-appoġġ tagħna lill-Ukrajna u kontu fuq quddiem nett fid-diskussjonijiet tagħna dwar is-sigurtà, id-difiża u l-kwistjonijiet l-aktar importanti. U bis-saħħa t’hekk wassaltu lil pajjiżkom proprju fil-qalba tal-Ewropa, fejn hu postha l-Polonja.
Fl-1 ta’ Jannar, meta l-Polonja se tieħu f’idejha l-Presidenza semestrali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inħarsu lejn dak li jiġri hawn bħala mutur għal dak li jiġri fl-Ewropa. Inħarsu lejn kemm il-Polonja hija kruċjali għat-tmexxija Ewropea. Meta nitkellmu dwar “Polonja b’saħħitha”, mhijiex sempliċement slogan faċli. Polonja b’saħħitha tfisser li Ewropa b’saħħitha hija reali.
Grazzi.