“Opportunità biex nittrasformaw l-Ukrajna” – il-President Metsola 

 

Fl-okkażjoni tal-Jum tal-Istat tal-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Sur President Zelenskyy,
Sur President Nauseda,
Sur Speaker Stefanchuk,

Għeżież Membri tal-Verkhovna Rada,

Grazzi talli lqajtuni magħkom hawn illum. Huwa privileġġ, iżda aktar minn hekk, hija responsabbiltà għalija, bħala President tal-Parlament Ewropew, li għal darb'oħra jkolli l-unur nindirizza l-Verkhovna Rada f'din il-ġurnata importanti. 

Jum l-Istat Ukren huwa dejjem importanti, iżda l-anniversarju ta' din is-sena għandu tifsira ta' importanza akbar. L-Ewropa kollha tingħaqad magħkom f'dan il-jum. B'solidarjetà. Bi ħbiberija u f'relazzjoni ta' Ewropej li – nittama – ma ddumx ma tiġi formalizzata. 

Illum qed niċċelebraw mhux biss il-pedamenti tal-Ukrajna bħala Stat, iżda wkoll il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-Ukreni kollha li qed jiġġieldu biex jippreservaw l-istatus tal-Ukrajna bħala Stat u l-integrità territorjali tagħha. Għal dawk kollha li mietu u għal dawk li għadhom qed jagħtu ħajjithom.

Dan il-jum hu simboliku mhux biss għall-Ukrajna u għall-Ukreni iżda għall-Ewropa kollha kemm hi. Huwa l-jum li fih naffermaw mill-ġdid l-impenn tagħna favur l-Ukrajna bħala nazzjon Ewropew. Bħala nazzjon li jagħmel l-għażliet tiegħu liberament. Liberu li jagħżel id-destin tiegħu. Liberu u kburi li jiddefendi l-valuri li jgħaqqduna lkoll. 

Putin irid futur fejn l-istorja tista' tinkiteb mill-ġdid, futur fejn jeżistu sferi ta' influwenza, fejn jingħalqu l-purtieri tal-ħadid, fejn jirbaħ min hu b'saħħtu, u fejn il-libertà u d-dinjità tal-persuna jiġu miċħuda. Bl-azzjonijiet tagħha, huwa ċar li r-Russja tridna nerġgħu lura għal passat li konna rfajna għall-kotba tal-istorja. Passat fejn l-integrità ġeografika tal-Ewropa u l-libertà li tagħżel ma' min tikkoopera u kif tintegra huma kkontestati. Għal Putin, l-għedewwa veri huma d-demokrazija, il-libertà u l-verità. L-istil ta' ħajja tagħna hu meqjus bħala theddida għall-awtokrazija. Fin-nofs hemm dan kollu.

Dan hu passat li ma nistgħux nerġgħu lura għalih. Qatt m'aħna se naċċettaw l-invażjoni ta' pajjiż Ewropew paċifiku u indipendenti bħall-Ukrajna. 

Qatt m'aħna se nagħlqu għajnejna quddiem l-atroċitajiet u r-reati mwettqa mir-Russja fuq art Ukrena. Dak li ġara f'Irpin, f'Bucha, f'Mariupol, f'tant bliet oħra. 

Qatt m'aħna se ninsew li aktar minn 6 miljun Ukren ġew imġiegħla jaħarbu mill-pajjiż u 8 miljuni oħra sfaw spostati internament. 

U se nibqgħu dejjem niftakru l-kuraġġ, id-determinazzjoni u r-reżistenza tal-Ukreni li ssieltu minkejja l-uġigħ u l-weġgħat u kienu ta' ispirazzjoni għad-dinja kollha. 

Ħbieb, minn hawn ngħidilkom li aħna magħkom u se nkunu magħkom meta terġgħu tibdew tibnu u ġġeddu. 
F'dan il-jum importanti għal Ukrajna indipendenti u sovrana, nixtieq nassigurakom li post l-Ukrajna huwa magħna. Ma' nazzjonijiet li jgħożżu l-valuri tal-libertà, l-indipendenza, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. 

Postkom, bħalma ġa kien iddetermina l-Prinċep Vladimiru l-Kbir, huwa fost in-nazzjonijiet Ewropej. 
U issa, sta għalikom biex tkomplu għaddejjin.

Magħna qegħdin fost sħab indaqs, qalb il-ħbieb. Se nkunu spalla ma' spalla mal-Ukrajna, sew fi żminijiet diffiċli u sew fi żminijiet ta' ġid.

Dan mhuwiex paroli biss.

L-għoti tal-istatus ta' kandidat lill-Ukrajna fit-23 ta' Ġunju jikkonferma l-impenn tagħna li nimxu id f'id lejn is-sħubija sħiħa tagħkom fl-Unjoni Ewropea. Tista' ma tkunx triq faċli, iżda l-Parlament Ewropew, l-aktar sostenitur b'saħħtu tagħkom, qiegħed hemm biex jgħinkom pass pass. Aħna lesti nipprovdu għarfien espert u pariri biex insaħħu d-demokrazija parlamentari tagħkom. Se nkomplu wkoll ngħinu lill-Verkhovna Rada bi kwalunkwe appoġġ li jista' jkollkom bżonn biex toperaw bla xkiel f'dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli ħafna u bi kwalunkwe assistenza meħtieġa biex jiġu miġġielda l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. 

F'isem il-Parlament Ewropew, nassigurakom li se niddedikaw ir-riżorsi, l-enerġija u l-għarfien kollu disponibbli biex ngħinu lill-Verkhovna Rada. Parlament b'saħħtu huwa kruċjali għall-istabbiltà ta' kwalunkwe demokrazija. 

U se mmorru oltre.

Meta indirizzajt il-Verkhovna Rada fl-1 ta' April, għidt li flimkien se nerġgħu nibnu l-Ukrajna – kull belt u raħal minn Mariupol sa Irpin, minn Kherson sa Kharkiv. 

Illum immur oltre minn hekk. Din hi opportunità biex l-Ukrajna tiġi ttrasformata. Biex tinbena mill-ġdid u aħjar. Ukrajna moderna. Ukrajna sostenibbli. Ukrajna reżiljenti.

Il-Fond Fiduċjarju ta' Solidarjetà għall-Ukrajna, flimkien mal-Pjattaforma ta' Rikostruzzjoni tal-Ukrajna u l-Pjan ta' Rkupru tal-Ukrajna, jikkostitwixxu l-pjan ewlieni tagħna. Iżda nafu wkoll li l-Ukrajna għandha bżonn riżorsi minn sorsi differenti – minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, iżda wkoll mis-settur privat u minn assi ffriżati. Serrħu raskom li l-Unjoni Ewropea se tkompli tesplora l-mezzi biex nagħmlu dan.

Il-Parlament Ewropew, flimkien mal-Verkhovna Rada, se jkompli jsegwi mill-qrib il-koordinazzjoni tal-finanzi u l-infiq għall-għajnuna u r-rikostruzzjoni. F'dan il-kuntest, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet statali tal-Ukrajna, li għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni ta' riformi konsistenti mal-perkors Ewropew tal-Ukrajna, huwa essenzjali.

Ħbieb, nafu li intom u ċ-ċittadini tagħkom mhux biss qed tiġġieldu għal-libertà tagħkom stess iżda għal-libertà tagħna wkoll. Naf kemm hu essenzjali li l-bqija tad-dinja demokratika tkompli tipprovdi appoġġ militari lill-Ukrajna, u kif wegħidt lilkom u lill-President Zelenskyy fl-1 ta' April f'Kiev, jien u l-Parlament Ewropew se nkomplu nagħmlu kulma nistgħu biex naraw li dan iseħħ. 

Sur President,
Sur Speaker,
Għeżież Membri tal-Verkhovna Rada,

Grazzi tal-impenn tagħkom favur l-Ewropa. 

Grazzi tal-isforzi straordinarji tagħkom, tas-sagrifiċċju eċċezzjonali tagħkom u tal-impenn personali li ħadtu biex issostnu viżjoni ta' futur Ewropew għal pajjiżkom, minkejja d-diffikultajiet kollha.

Grazzi tal-kuraġġ li wrejtu lid-dinja. 

Se toħorġu rebbiħin. 

Slava Ukraini.