Waqqfu l-vjolenza fuq in-nisa, issa  

 

Waqqfu l-vjolenza fuq in-nisa, issa  

Strasburgu  
 
 

Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fil-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola spjegat kif il-Parlament appoġġja l-ommijiet, bniet u nisa kollha: mhux biss bid-diskorsi u s-simboliżmu iżda bil-leġiżlazzjoni.

       

Kollegi,

Iltqajna hawn fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa.  

Bħal-lum, kull sena, niftakru fin-nisa kollha li tlifna. Bħal-lum nimpenjaw ruħna ma’ dawk in-nisa kollha msawta iżda li jibqgħu ma jitkissrux. Bħal-lum nieqfu man-nisa kollha li jisfaw vittmi ta’ abbużi, trawmi, bullying u trattamenti b’mod vjolenti.

Bħal-lum intennu l-isforzi tagħna biex neqirdu u nipprevjenu l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet. Bħal-lum nifhmu lil dawk kollha li jħabbtu wiċċhom ma’ forom ġodda ta’ vjolenza online u offline hekk kif tiżviluppa t-teknoloġija. 

Se nkun dejjem kburija bil-mod kif dan il-Parlament waqaf man-nisa kollha li huma ommijiet, ulied u aħwa: mhux biss b’diskorsi u b’simboliżmi iżda bil-liġijiet.
 
F’Mejju adottajna liġijiet dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, dwar il-kriminalizzazzjoni tal-forom kollha ta’ abbuż offline u online fil-livell Ewropew. Issa, f’din il-leġiżlatura, hemm bżonn nagħmlu aktar, jeħtiġilna nagħmlu aktar. Jeħtieġ li nsaħħu l-protezzjoni fl-Ewropa kollha u niżguraw li dawk kollha li jattakkaw lin-nisa jittellgħu quddiem il-ġustizzja.

Dwar dan is-suġġett se jkollna dibattitu aktar tard illum. Maġenb il-bandiera Ewropea se tittajjar ukoll il-bandiera oranġjo u l-bini tagħna fi Strażburgu se jiddawwal bil-kulur oranġjo biex jinxteħet dawl fuq l-urġenza tal-impenn tagħna.

Il-vjolenza kontra n-nisa trid tieqaf. Issa.