Fil-Forum Trilaterali tan-Negozji f'Pariġi, il-President tal-PE Metsola qalet li t-titjib tal-produttività tal-ekonomija huwa l-punt tat-tluq biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-Ewropa.
President tal-MEDEF, Sur Patrick Martin, President tal-Confindustria, Sur Emanuele Orsini, CEO tal-BDI, Sinjura Tanja Gönner, Ministru Tajani, caro Antonio, Membri u parteċipanti f’dan il-Business Forum Trilaterali,
Nirringrazzjakom tal-opportunità li tajtuni biex inkellimkom illum. Ippermettuli nibda billi ngħid kemm huwa importanti għall-Parlament Ewropew li jkollu dawn id-diskussjonijiet mal-industrija Ewropea. B’mod partikolari fil-bidu ta’ ċiklu leġiżlattiv ġdid, jgħinuna nifhmu x’qed jaħdem, x’mhuwiex qed jaħdem u, aktar importanti minn hekk, ’il fejn irridu nimxu.
Il-kuntest li fih qed niltaqgħu mhuwiex wieħed faċli. Ix-xitwa li ġejja se tkun ir-raba’ waħda minn mindu r-Russja invadiet l-Ukrajna; bl-iżolazzjoniżmu jsir aktar attraenti, bil-firdiet ġeopolitiċi jikbru, bit-teknoloġija miexja ġmielha ’l quddiem u bil-mod kif il-potenzi ekonomiċi dinjin jipperċepixxu lill-industriji tagħhom jinbidlu meta mqabblin ma’ tagħna, il-pożizzjoni tal-Ewropa fix-xena dinjija għandha quddiemha pressjoni straordinarja. Ma nistgħux ma nagħmlu xejn jew inħallu lilna nfusna nintrassu f’din il-morsa.
Jeħtieġ li naġixxu. Mhux biss b’viżjoni ekonomika, iżda anki b’rieda politika li nitgħallmu, nadattaw u nirriformaw.
L-aqwa żminijiet tal-Ewropa għandhom ikunu fil-ġejjieni.
Sinjuri,
Jiena ottimista minni nnifsi, iżda llum qiegħda hawn biex nitkellem bħala realista. Nafu x’inhuma l-isfidi u nafu x’hemm bżonn li jsir. Jeħtieġ biss li nsibu t-triq it-tajba biex naslu.
Qed ngħid dan kollu biex nagħti l-kuntest għal dawk li, fil-fehma tiegħi, għandhom ikunu l-prijoritajiet tagħna matul iċ-ċiklu leġiżlattiv li jmiss. Biex inkun ċara, diffiċli ssibu persuna aktar Ewropeista mill-President tal-Parlament Ewropew. Imma naħseb li ċertu livell ta’ analiżi awtokritika, il-fatt li nisimgħu aktar, u li nbiddlu r-rotta meta jkun meħtieġ, huma preċiżament dawk l-affarijiet li se jsaħħu l-proġett Ewropew tagħna fuq terminu twil u li se jgħinuna nerġgħu niksbu l-vantaġġ tagħna f’termini ta’ kompetittività.
Meta nitkellmu dwar il-ħtieġa li nistimolaw il-kompetittività Ewropea, il-punt tat-tluq tagħna jrid ikun il-produttività. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-produttività tax-xogħol tal-Ewropa żdiedet biss b’0.8% fis-sena. Din mhijiex biss statistika, hija sinjal biex nieħdu azzjoni. Peress li l-popolazzjoni tagħna qed tixjieħ u għandna inqas ħaddiema kull sena biex jixprunaw l-industriji tagħna, minkejja li qed ninvestu fit-tiġdid u fit-titjib tal-ħiliet taċ-ċittadini tagħna, it-titjib fil-produttività mhuwiex biss għażla, huwa neċessità.
L-innovazzjoni, il-prevedibbiltà u l-iżgurar tal-profittabbiltà għall-industriji tagħna huma ċ-ċavetta biex dan id-distakk jingħalaq. Huma l-garanzija tagħna biex nirkupraw iż-żmien mitluf. Billi naċċeleraw it-tranżizzjoni diġitali tagħna u billi ninvestu f’setturi strateġiċi bħat-teknoloġija nadifa, is-settur farmaċewtiku, it-trasport u s-semikondutturi, nistgħu nagħtu spinta lit-tkabbir sostenibbli u naraw li l-industriji tagħna jibqgħu rilevanti fil-futur.
L-industrija Ewropea tista’ tistagħna biss fl-ambjent tajjeb u bil-qafas xieraq. U dan ifisser regolamentazzjoni intelliġenti u effettiva. Ifisser li niffukaw fuq l-implimentazzjoni u l-prevedibbiltà, u li ma nbiddlux ir-regoli spiss wisq.
Għaliex, spiss wisq, politiki b’intenzjonijiet tajbin jispiċċaw bla ma jridu joħonqu l-progress. U l-piżijiet tqal, eċċessivi u l-ħin kollu jinbidlu tar-rapportar jew tal-konformità ħafna drabi jkollhom l-akbar impatt fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs tagħna.
Jiena rrid li l-Unjoni Ewropea tkun magħrufa għar-regolamentazzjoni effiċjenti tagħha u mhux għall-burokrazija żejda li għadha preżenti wisq. U bħala koleġiżlatur, il-Parlament Ewropew jiżvolġi rwol fundamentali fl-iżgurar ta’ qafas regolatorju prevedibbli u simplifikat u ta’ aċċess aktar rapidu għall-fondi.
Jekk tgħallimna ħaġa waħda bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, hija li għandna bżonn regoli aktar intelliġenti, aktar effiċjenti u aktar prevedibbli. Se jkollna bżonn ukoll l-għajnuna tagħkom biex inkellmu lill-parti l-oħra madwar il-mejda, lill-Kunsill, lill-Ministri u lill-Kapijiet ta’ Gvern meta nieħdu deċiżjonijiet dwar l-istrumenti leġiżlattivi li semmejna.
Matul il-ġimagħtejn li għaddew, organizzajna s-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji nnominati u l-għan kien li jkollna Kummissjoni ġdida sal-1 ta’ Diċembru. Il-proċess ma kienx faċli, iżda l-iskeda li pprevedejna hija l-istess bħal dik li kellna 5 snin u 10 snin ilu. Qegħdin fil-ħin – il-proċess la mhu se jispiċċa tard u lanqas mhu se jispiċċa kmieni. L-għan tal-iskrutinju ta’ dawn il-kandidati huwa preċiżament biex niżguraw li l-pjanijiet u l-pjattaformi tagħna jiġu implimentati. Nafu wkoll li l-kostijiet tal-enerġija qed iżommuna lura. Huma parti kruċjali mis-sitwazzjoni kumplessa li jeħtieġ li nsolvu. Il-kumpaniji tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma’ kostijiet tal-elettriku li huma sa tliet darbiet ogħla minn dawk f’reġjuni oħra, u dan iżid il-kostijiet tal-produzzjoni, inaqqas il-marġnijiet u jagħmel ħsara lill-kompetittività. Jeħtieġ li, mingħajr dewmien, nagħmlu aktar biex niddiversifikaw is-sorsi tal-enerġija tagħna permezz ta’ sħubijiet prevedibbli u affidabbli, filwaqt li nżommu f’moħħna li jeħtieġ li aħna wkoll inkunu prevedibbli u affidabbli. Is-sitwazzjoni fin-naħa tal-oħra tal-Atlantiku kkontribwiet biex din il-kwistjoni tiġi ttrattata b’urġenza. Jiena tal-fehma li meta nitkellmu dwar l-enerġija, il-progress waħdu mhuwiex biżżejjed – neħtieġu l-integrazzjoni. Suq Ewropew tal-elettriku interkonness bis-sħiħ jista’ jnaqqas il-ħtiġijiet ta’ investiment għall-kapaċità ta’ ħżin u ta’ riżerva b’madwar 20 sa 30%. Bl-adozzjoni ta’ politiki komuni, bħar-riforma tas-suq tal-elettriku tal-UE li l-Parlament Ewropew ivvota dwarha din is-sena, nistgħu noħolqu sistema li permezz tagħha nibbenefikaw ilkoll. Din tkun verament awtonomija strateġika. Naturalment, dan kollu jista’ jsir biss permezz tal-finanzjament. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni Ewropea jiġi fi tmiemu fl-2027, u dan jagħtina opportunità fundamentali biex infasslu baġit modern li jkun flessibbli, li jirrispondi għall-kriżijiet u li jkun allinjat mal-investimenti li neħtieġu. Bħala awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew se jagħti sehmu f’dan ir-rigward ukoll.
Għalkemm il-finanzjament pubbliku jgħinna ferm, ir-realtà hi li mhux se jkun biżżejjed. Huwa għalhekk li t-tlestija tal-Unjoni tat-tfaddil u tal-investimenti hija prijorità urġenti. Għaliex ifisser li nkunu nistgħu ninċentivaw lill-kumpaniji tagħna jibqgħu u jikbru fl-Ewropa. Ifisser li nkunu nistgħu nimmobilizzaw il-kapital privat biex ninvestu fil-prijoritajiet tagħna u li nagħmluha aktar faċli għas-settur pubbliku biex jiffinanzja s-sehem li jmiss lilu.
F’dan ir-rigward, ippermettuli nagħmel osservazzjoni dwar il-frammentazzjoni fis-swieq tagħna.
Fi ftit kliem: hija l-agħar għadu tagħna nfusna. Naraw il-konsegwenzi tagħha fis-setturi tal-enerġija, tal-banek u tas-swieq kapitali. Iżda narawha wkoll f’industriji oħra bħat-telekomunikazzjoni u d-difiża.
Is-sena li għaddiet iċċelebrajna t-30 sena mill-ħolqien tas-suq uniku. L-ostakli u l-isfidi qatt ma waqfu iżda l-vera sfida kienet, u dejjem se tkun, kemm is-suq ikun kapaċi jkompli jadatta ruħu. Jeħtieġ inkomplu niżguraw li s-suq uniku jkun kapaċi jwettaq dak li wiegħed.
U bir-rieda politika neċessarja, jiena fiduċjuża li dan jista’ jsir. Sempliċement għaliex ma baqagħlniex wisq ħin.
Il-Parlament Ewropew ma jibżax mit-tibdil. Jaċċettah. Għaliex konxju tar-responsabbiltà li jerfa’, mhux biss fil-konfront tal-ekonomija tal-Ewropa, iżda anki fil-konfront ta’ kull persuna li tiddependi minnu.
Irrid nassigurakom li, fil-ħames snin li ġejjin, il-Parlament Ewropew se jkompli jiffoka fuq Ewropa li taqdi lin-negozji, lill-industriji, lill-familji, lill-fabbriki u lill-bdiewa tagħha.
Ewropa li tiddefendi l-interessi Ewropej, li tixpruna t-tkabbir u li tiżgura l-istabbiltà. Ewropa lesta għall-isfidi tal-lum u mgħammra għall-inċertezzi tal-futur.
Grazzi.