L-Ewropa hi destin komuni - l-President Metsola tindirizza l-Oireachtas 

 

Biex tfakkar il-50 sena tal-Irlanda fl-Unjoni Ewropea, l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żaret Dublin u ndirizzat sessjoni tal-Oireachtas. Fid-diskors tagħha, hi qalet li l-Ewropa u l-Irlanda mxew triq twila flimkien imma għad baqa ħafna xi jsir.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew tindirizza lill-Oireachtas f'Dublin, l-Irlanda

Sur President,
Taoiseach,
Tánaiste,
Onorevoli membri tal-Oireachtas,

Sinjuri,

Grazzi talli lqajtuni magħkom illum. Huwa unur għalija nkun f'Dublin's Fair City, fil-belt sabiħa ta' Dublin, nirrappreżenta lill-Parlament Ewropew, ħamsin sena wara l-Irlanda saret membru ta' dik li dak iż-żmien kienet għadha l-Komunità Ekonomika Ewropea. 

F'dawn il-ħamsin sena mxejna triq twila flimkien: mid-dħul fis-suq uniku għas-sħubija fl-ewro, mill-kontribut tagħkom fin-negozjati ta' paċi għall-finalizzazzjoni ta' protokoll għall-Irlanda ta' Fuq. Mill-opportunitajiet tal-kummerċ, tal-ivvjaġġar u tal-istudju għall-ħidma biex jiġu żgurati l-ġustizzja soċjali, ir-rispett tal-istat tad-dritt, tal-valuri u tad-drittijiet fundamentali u li dak li jkun jgħix b'dinjità u ħieles mill-periklu.

Dawn l-ideali Ewropej huma valuri Irlandiżi. L-UE mhijiex xi entità mbiegħda li tiddeċiedi għalikom. L-UE hija intom. L-Irlanda hija l-Ewropa. L-Ewropa hija l-Irlanda. M'hemm l-ebda deċiżjoni li tittieħed mingħajrkom. 

Dublin, Cork, Galway, huma fil-qalba tal-Ewropa. Meta 10 persuni tilfu ħajjithom fi Creeslough, bkejna magħkom. Meta ġurnalisti, bħal Veronica Guerin, jinqatlu talli semmgħu leħinhom, nirrabjaw bħalkom u bħalkom aħna ddeterminati li ssir ġustizzja. Meta l-Irlanda sabet ruħha f'sitwazzjoni ta' inċertezza fil-perjodu immedjatament wara l-Brexit, il-pożizzjoni tagħkom kienet il-pożizzjoni tagħna. Għexna dan kollu flimkien u se nibqgħu flimkien.

Qaluli li 50 sena ilu, in-nisa miżżewġin Irlandiżi ma kinux jitħallew jaħdmu fis-servizz pubbliku. Dak iż-żmien kien ikun inkonċepibbli li mara, aktar u aktar mara li twieldet fuq gżira f'nofs il-baħar tan-Nofsinhar tal-Ewropa, tkun hawn quddiemkom illum. Dan huwa eżempju ta' dak li tista' tagħmel l-Ewropa. Ta' kif tista' tagħmel trasformazzjonijiet. Ta' kif tista' tkun il-livellatur li għandna bżonnha tkun. 

Imxejna triq twila flimkien. Iżda fadlilna xi ftit x'nimxu. 

L-Ewropa ma tirrigwardax biss il-fondi għall-bdiewa Irlandiżi, il-koeżjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-irkupru, l-infrastrutturi, it-toroq jew it-teknoloġija nadifa. Tirrigwarda l-fatt fundamentali li nifhmu li meta l-affarijiet nagħmluhom flimkien, ikun ta' ġid għalina lkoll. Tirrigwarda d-destin komuni tagħna. Futur komuni.

Għandna lingwi, storji, kulturi, tradizzjonijiet, twemmin, kapaċitajiet differenti, iżda naqsmu flimkien valuri komuni li huma s-sisien ta' dak kollu li nagħmlu. Il-ġmiel tal-għaqda fid-diversità. 

L-Irlandiż Ewropew li kien John Hume darba qal "Id-differenza hija l-essenza tal-umanità. Għalhekk, id-differenza qatt ma għandha tkun l-għajn tal-mibegħda jew tal-kunflitt. Proprju hemm jinsab prinċipju ferm fundamentali tal-paċi: ir-rispett tad-diversità."  

L-Ewropea mhijiex entità omoġenja. Ma timmirax li tagħmel lil kulħadd l-istess. L-Ewropa tfisser li nippruvaw niżguraw opportunitajiet indaqs. Tfisser li ngħollu l-livell. Tfisser it-tmiem taċ-ċikli interġenerazzjonali ta' ġlied. Tfisser it-tiftix ta' paċi reali. 

U ftit huma l-postijiet fl-Ewropa fejn dan il-messaġġ huwa tant importanti u jinftiehem tant sewwa daqs kemm hu f'dan il-pajjiż straordinarju.  

Wara 343 ġurnata, l-invażjoni brutali u illegali tal-Ukrajna, pajjiż sovran u indipendenti, min-naħa tar-Russja u l-kuraġġ tal-poplu Ukren, ifakkruna li l-progress u l-ġustizzja ma nistgħux nagħmluhom fatta. Id-demokrazija ma nistgħux nagħmluha fatta. L-Ewropa ma nistgħux nagħmluha fatta.

Quddiem il-qerda, id-devastazzjoni u l-mewt, il-poplu Irlandiż għadu juri solidarjetà meta jgħin lil aktar minn 70 000 ruħ mill-Ukrajna li kellhom jitilqu minn pajjiżhom.

Il-poplu Irlandiż ilu żmien twil juri empatija, juri li jimpurtah minn ħaddieħor u li jiddefendi dak li jemmen fih. 

U tal-eżempju li tagħtu lid-dinja, nirringrazzjakom. Maith sibh.  

Għaliex l-Ewropa li rridu f'dawn il-50 sena li ġejjin hija Ewropa li jimpurtaha, Ewropa ta' paċi reali, Ewropa ta' ġustizzja.

Għalhekk se nkomplu nieqfu mal-Ukrajna fl-2023 u sakemm ikun hemm bżonn.

L-Unjoni Ewropea se tkompli tappoġġa lill-Ukrajna b'assistenza finanzjarja, umanitarja, b'appoġġ militari u b'solidarjetà prattika. 

Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Irlandiżi tal-pajjiż kollu għall-appoġġ kostanti li taw lill-kampanja "Ġeneraturi ta' Tama" tal-Parlament Ewropew, biex jinstabu ġeneraturi tal-elettriku li jippermettu lill-faċilitajiet essenzjali fl-Ukrajna jkomplu jaħdmu: fl-isptarijiet, fl-iskejjel, fix-xelters u fi bnadi oħra.

Għax dan il-pajjiż jimpurtah – diversi drabi tajtu xhieda li l-empatija hija sinjal ta' saħħa. 

L-ex President tal-Istati Uniti, Barack Obama, sewwa qal meta afferma li: "L-istorja tagħkom hija storja li spiss kienet ikkaratterizzata mill-agħar diffikultajiet u mill-akbar niket.  Iżda l-istorja tagħkom hija wkoll storja ta' reżistenza kburija u li żżomm sod. Ta' nazzjon li żamm ħajja l-fjamma tal-għerf fiż-żminijiet ta' dlam; li għeleb l-okkupazzjoni u baqa' ħaj anki meta r-raba' tħalla jistrieħ; li ttrijonfa fuq it-Troubles tiegħu – ta' poplu reżiljenti li għeleb kull diffikultà."

Kellu raġun. L-istorja tal-Irlanda hija storja ta' tegħlib tad-diffikultajiet, ta' sforzi kbar, ta' sagrifiċċju, ta' reżistenza u ta' poplu li joħroġ aktar b'saħħtu – kollha tagħlimiet li l-Ewropa teħtieġ li tuża biex taffronta s-sena li għandha quddiemha.

Għax emmnuni meta ngħidilkom li qegħdin ngħixu fi żmien ta' "polikriżi". Il-gwerra, l-iskarsezza tal-enerġija, prezzijiet tal-elettriku m'għola s-sema, żieda fl-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni li qed twaqqa' l-valur tal-assi, ir-rati tal-imgħax li jħallu impatt fuq il-fondi missellfa min-naħa tal-gvern u fuq is-swieq tad-djar, l-iskarsezza ta' materja prima u sitwazzjoni f'xifer ta' nuqqas ta' ikel fuq livell dinji. 

Dan kollu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li fiha għadna qegħdin nirpiljaw mill-pandemija, ta' emerġenza klimatika, perjodu ta' żieda fil-pressjonijiet ekonomiċi li ġejjin mil-Lvant u mill-Punent, b'riperkussjonijiet fuq il-kompetittività tagħna. 

Dan ifisser li lill-familji qajla qed isservihom il-paga sal-aħħar tax-xahar. Dan ifisser li l-pressjoni soċjali żdiedet, li n-nies fl-Ewropa jkollhom jagħżlu bejn li jitimgħu lil uliedhom jew li jsaħħnu djarhom. Dan ifisser aktar persuni mingħajr saqaf fuq rashom u aktar kundizzjonijiet ta' disprament. 

L-isfidi huma ċari, imma naf li lesti niffaċċjaw dan il-mument b'mod dirett. 

L-ebda pajjiż ma jiflaħ jiffaċċjah waħdu. Flimkien biss nistgħu nerġgħu nikbru ekonomikament u nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jagħmlulna n-nies bħala r-rappreżentanti tagħhom. 

U dmir il-Parlament Ewropew hu li jgħin billi jagħti qafas regolatorju Ewropew biex dawn l-isfidi jingħelbu. Biex nuru li nistgħu nsalvaw l-impjiegi, noħolqu niċeċ ekonomiċi, nimmodernizzaw u nindirizzaw it-tibdil fil-klima fl-istess ħin. Proprju dawn huma l-oqsma li jirrigwardaw il-fondi ta' Next Generation EU.

Hemm bżonn ngħinu lill-impriżi u lill-industriji tagħna jkunu kompetittivi. Nistgħu nirreżistu t-tentazzjoni li nkunu protezzjonisti żżejjed imma hemm bżonn li jkollhom: kundizzjonijiet ekwivalenti f'dik li hi kompetizzjoni kif ukoll prevedibbiltà u fiduċja.
 
B'hekk inkunu nistgħu niġbdu lejn l-Ewropa l-investimenti u l-industrija. Nistgħu nitgħallmu mill-irkupru makroekonomiku notevoli tal-Irlanda, mill-mod kif indirizzajtu l-isfidi marbuta mal-Brexit.

L-Irlanda se jkollha rwol ċentrali x'tiżvolġi fl-indirizzar tal-isfidi tal-futur, iktar u iktar minn mindu r-Renju Unit ħareġ mill-UE. L-Unjoni Ewropea jiddispjaċiha li dan seħħ; iżda tirrispettah, inkwantu għażla demokratika tal-maġġoranza tal-poplu Brittaniku. 

Ippermettuli ngħid li l-Unjoni Ewropea qatt ma naqqset is-solidarjetà tagħha mal-Irlanda. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit se jkomplu r-relazzjoni ta' bejniethom b'ċiviltà u b'rispett tal-istat tad-dritt. U se nibqgħu spalla ma' spalla magħkom. 

Onorevoli Membri,

Wara 50 sena, l-Irlanda għadha taħdem fit-tim tal-Unjoni Ewropea b'ħerqa kbira, issostni Unjoni Ewropea ta' valuri li tirsisti għal aktar ugwaljanza, ġustizzja u assistenza. 

Ġurnata wara l-festa ta' Santa Briġida, m'hemmx dubju li f'dan il-pajjiż, l-assistenza hija importanti. U l-assistenza fil-qasam tas-saħħa trid tkun aċċessibbli għal kulħadd. Matul il-pandemija, l-Unjoni Ewropea intensifikat l-assistenza fil-qasam tas-saħħa u kienet eżempju għall-oħrajn. Konna deċiżi li niżguraw il-vaċċini u l-ventilaturi għal kulħadd fl-Istati Membri kollha. Issa jeħtieġ li nkomplu nagħmlu progress u noħolqu Unjoni tas-Saħħa reali. Dan hu l-aqwa mod kif nistgħu nonoraw l-erojiżmu mhux iċċelebrat tal-professjonisti u tal-indokraturi tal-ewwel linja hawn fl-Irlanda u fl-Ewropa kollha.

Il-ġustizzja soċjali tingħata prijorità fl-aġenda tal-Membri Irlandiżi tal-Parlament Ewropew. U fuq dan il-punt ippermettuli ngħid li l-Membri Irlandiżi mexxew id-dibattitu fl-Ewropa rigward is-saħħa mentali, l-ambjent, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-agrikoltura u l-biedja, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika u l-femminiċidji u ħafna u ħafna temi oħra. L-Irlanda kienet eżempju. 

Naf li dawn l-aħħar ġimgħat kienu pjuttost diffiċli għall-Parlament Ewropew, imma nafda li se nsewwu s-sistemi tagħna u nerġgħu nibnu l-fiduċja. Naturalment kont nippreferi li kieku l-attenzjoni tad-dinja kienet fuq ix-xogħol straordinarju li l-Membri tal-Parlament jagħmlu kuljum. Fuq il-ftehimiet li lħaqna dwar il-klima, il-migrazzjoni u l-ażil, l-enerġija, il-finanzjamenti u l-appoġġ lill-Ukrajna; fuq dak li għamilna biex inħarsu l-istat tad-dritt u nsaħħu l-approċċ tagħna bbażat fuq il-valuri.

Kif it-Taoiseach tagħkom qal ftit ġimgħat ilu, il-proġett Ewropew huwa superpotenza ta' valuri. Dan m'għandniex ninsewh. Huwa importanti li nfakkru lin-nies xi tfisser l-Ewropa, u ngħinuhom jerġgħu jħaddnu s-sens ta' tama u ottimiżmu fil-proġett Ewropew tagħna. 

Is-sena d-dieħla l-poplu tal-Irlanda se jintalab imur jivvota għar-rappreżentanti tiegħu fi ħdan il-Parlament Ewropew. Nagħmlilkom appell, speċjalment liż-żgħażagħ Irlandiżi, biex tagħżlu. Morru vvutaw. Il-vot tagħkom huwa importanti aktar milli tobsru. Il-vuċi tagħkom hija importanti aktar milli tafu. 

L-Ewropa mhijiex ħielsa minn imperfezzjonijiet jew minn frustrazzjonijiet. Ħafna minnhom huma tiegħi wkoll. Naħseb li għandna nkunu onesti dwar il-fallimenti tagħna bl-istess mod li nkunu onesti dwar is-suċċessi tagħna. Hemm ħafna lok għal titjib li nistgħu nagħmlu flimkien. U ddeterminati nagħmlu dak li hu meħtieġ. 
Kunu parti minn dik il-konversazzjoni, iċċedux għall-kumdità ta' ċiniżmu faċli, imxerred minn dawk li jgħidu li xejn ma jinbidel qatt. 

Qed jarralhom. Dawn l-aħħar ħamsin sena jixhdu dan. 

U, għall-Irlanda fl-Ewropa u għall-Ewropa fl-Irlanda, naf li l-ħamsin sena li jmiss se jkunu storja ta' suċċess eċċezzjonali.

Għaliex l-Irlanda hija l-Ewropa u l-Ewropa hija l-Irlanda.