Waqt li kienet qed tindirizza lill-Assemblea Nazzjonali tas-Slovenja, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li, li jkun hemm politika Ewropea komuni ma jfissirx li jkollok one-size-fits all. "Ix-xogħol tagħna llum huwa li nkomplu ntejbu l-proġett tagħna, li nirranġaw fejn meħtieġ u ngħinu lin-nies jerġgħu jkollhom l-entużjażmu tagħhom għall-Ewropa."
President Urška Klakočar Zupančič, Membri distinti tal-Assemblea Nazzjonali, Għeżież Ewropej,
Huwa pjaċir għalija li erġajt qiegħda hawn, fil-belt sabiħa ta’ Ljubljana. Nirringrazzjakom talli tajtuni l-unur li nitkellem f’din id-Dar distinta tad-demokrazija. Hvala.
L-ewwel ħaġa li tgħallimt dwar l-Unjoni Ewropea hija li s-sugu tal-argumenti tiegħek huwa bil-wisq aktar importanti mid-daqs ta’ Stat Membru. L-ideat dejjem jegħlbu lill-ġeografija, u m’hemmx post aħjar mis-Slovenja biex nisħaq fuq dan. Pajjiż li, anki fl-aktar żminijiet diffiċli, wera sens ta’ tmexxija straordinarju biex jiddefendi l-valuri komuni tagħna, biex jindirizza l-isfidi klimatiċi u biex iqarreb lill-Balkani tal-Punent lejn l-UE.
Ġimgħa biss ilu, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jiftaħ in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina. Dan ma kienx faċli, imma rnexxielna, fil-biċċa l-kbira, bis-saħħa tal-impenn tas-Slovenja matul dawn l-aħħar għaxar snin.
Sinjuri,
L-istorja tal-Ewropa s’issa għadha ma nkitbitx iżda f’dawn l-aħħar għoxrin sena li ilha membru tal-UE, is-Slovenja żvolġiet rwol fundamentali fil-kapitoli li fihom komplejna niżviluppaw u nissaħħu, li għandhom il-forza tal-Ewropa li tagħmel liċ-ċittadini aktar prosperi, aktar protetti u aktar siguri. Fl-Ewropa tagħna, m’hemmx Stati qodma u Stati ġodda. M’hemmx pajjiżi kbar u pajjiżi żgħar. Kull nazzjon, kull reġjun, kull persuna għandhom rwol importanti x’jiżvolġu. F’Jannar 2022, meta dħalt fil-kariga, semmejt il-mod kif iċ-ċittadini tal-Ewropa kollha se jħarsu lejn il-Parlament Ewropew għal tmexxija u direzzjoni. Qatt ma stajt nobsor kemm kien se jkun brutali dak it-test meta fl-24 ta’ Frar 2022 il-karrijiet armati Russi invadew l-Ukrajna, Stat sovran u indipendenti. Ninsab kburija li l-Membri tal-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri ngħaqdu b’għaqda liema bħalha. U ninsab grata b’mod speċjali lis-Slovenja, lilkom u liċ-ċittadini tagħkom, għall-appoġġ b’saħħtu u sod li tajtu lill-Ukrajna. Ftit ġimgħat wara l-invażjoni, il-mexxejja Sloveni kienu f’Kiev. Kontu ta’ ispirazzjoni għall-bqija tal-Ewropa biex iżżomm sod.
Nafu x’qed nissugraw fl-Ukrajna.
Għalhekk se nkomplu nikkundannaw l-aggressjoni tar-Russja. Se nkomplu nimponu sanzjonijiet fuq il-magna tal-gwerra tagħha. Se nkomplu nassistu lill-Ukrajna biex issir membru tal-UE. Se nkomplu nagħtu assistenza politika, ekonomika, militari, finanzjarja u umanitarja lill-Ukrajna. U se nibqgħu nagħmlu dan sakemm ikun hemm bżonn.
Dan għaliex l-Ewropa dejjem, dejjem, se tibqa’ tiddefendi l-paċi. Iżda nafu b’dispjaċir kbir li l-paċi mingħajr dinjità, mingħajr ġustizzja mhi paċi reali xejn.
Hija l-istess loġika, l-istess umanità, li tiggwida r-reazzjoni tagħna għas-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, għall-mod kif qegħdin naħdmu biex nindirizzaw il-katastrofi umanitarja tal-waħx f’Gaża. Għalhekk il-Parlament Ewropew kien l-ewwel istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li għamlet appell għal waqfien mill-ġlied. Għalhekk konna dejjem fuq in-naħa tal-umanità. Għalhekk se nkomplu nfakkru u nitolbu li jiġu ritornati l-ostaġġi kollha u għalhekk nisħqu fuq il-fatt li Ħamas ma jistax ikompli jopera b’impunità, u li ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Palestinjan. Għalhekk se nimponu sanzjonijiet fuq l-abitanti estremisti tal-insedjamenti.
B’hekk aktar għajnuna tidħol f’Gaża, b’hekk insalvaw il-ħajja ta’ nies innoċenti u b’hekk nippromwovu l-bżonn urġenti ta’ soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tagħti prospettiva reali, Stat lill-Palestinjani u sigurtà lil Iżrael. Paċi li tagħti r-rikonoxximent xieraq lill-mexxejja Palestinjani paċifiċi u leġittimi u li tiżgura stabbiltà dejjiema fir-reġjun. Għalhekk nilqgħu r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adottata lbieraħ. U għalhekk it-tmexxija Slovena kienet ta’ importanza daqshekk kritika. Huwa pjaċir tiegħi nara li l-isforzi tagħkom kienu appoġġati minn pajjiżi stess.
Dawn l-aħħar snin tassew ma kinux faċli, imma kif jgħid il-qawl: “l-aħjar ħadid jinkewa fin-nar l-aktar jaħraq”. Huwa għalhekk li nsostni li l-Ewropa hija aktar b’saħħitha milli kienet fl-aħħar deċennji. Għalhekk illum aħna aktar reżiljenti, aktar vigorużi u aktar magħqudin grazzi għall-isfidi li kellna quddiemna u mhux minħabba fihom.
Hemm bżonn li nżommu r-ritmu anki meta s-sitwazzjoni ssir diffiċli. Dan hu wieħed mir-raġunijiet għaliex it-tkabbir jibqa’ prijorità. Għall-Ukrajna, għall-Moldova, għall-Georgia, għall-Bożnija-Ħerzegovina u għall-Balkani tal-Punent. Għalina lkoll. Għaliex fil-kuntest ġeostrateġiku l-ġdid, UE akbar, ibbażata fuq objettivi, kriterji u merti ċari, dejjem se tkun l-aqwa investiment fil-paċi, fis-sigurtà, fl-istabbiltà u fil-prosperità fil-kontinent tagħna. Matul din il-leġiżlatura, wara l-kliem li ntqal segwew il-fatti.
Ksibna riżultati fuq suġġetti bħas-saħħa, il-migrazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, it-tranżizzjoni doppja, is-sigurtà, il-libertà tal-media, ir-rispett tal-obbligi tagħna fid-dinja, id-difiża tal-istil Ewropew u l-għoti ta’ possibbiltajiet reali biex iċ-ċittadini Ewropej isiefru, jistudjaw, jaħdmu, joħolqu impriżi fi spazju kbir ta’ libertà. Qegħdin nagħtu lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ, l-opportunità li jiżviluppaw it-talenti u l-ġejjieni tagħhom.
Għax fl-ispazju komuni Ewropew tagħna, kulħadd għandu jkollu l-opportunità li jilħaq il-potenzjal massimu tiegħu u tagħha.
L-Ewropa ma tfissirx li kulħadd isir l-istess. F’kull pajjiż li żort jagħmluhieli din il-mistoqsija. Nonoraw id-drawwiet, il-kulturi, l-istorja, il-lingwi differenti tagħna. Dawn huma l-forza tagħna, u dan imissna ntennuh aktar spiss.
Ninsab kburija tar-riżultati li ksibna, tar-rieda politika u tas-solidarjetà li wrejna flimkien, tal-ħidma tal-kollegi Sloveni tiegħi fil-Parlament Ewropew.
Madankollu, b’dan ma jfissirx li l-Unjoni Ewropea hi perfetta, altru li le. U għandna nkunu onesti dwar dan. Onesti dwar fejn morna wisq ’il bogħod, fejn ma ssodisfajniex il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-impriżi, tal-bdiewa u taż-żgħażagħ tagħna. Onesti wkoll dwar fejn forsi m’għamilniex biżżejjed, dwar fejn il-burokrazija żejda biegħdet liċ-ċittadini.
Le, l-Unjoni Ewropea mhijiex perfetta, iżda tibqa’ l-aqwa garanzija għaċ-ċittadini kollha tagħna. Forsi maż-żmien ma qgħadniex biżżejjed għassa. Forsi xi kultant il-vantaġġi tal-Ewropa qisnihom evidenti minnhom infushom tant li nsejna ngħallmu lil uliedna, li ma jiftakrux il-battalji tal-imgħoddi, jiġġieldu għalihom. Għalhekk, f’tant postijiet, rajna ġenerazzjoni ġdida li hi aktar xettika minn qabel, li hija aktar ċinika fil-konfront tal-politika, li tinsab aktar waħedha, li d-drittijiet li l-Ewropa tipproteġi tgħoddhom bħala fatta. Hemm bżonn li nitkellmu u li nisimgħu aktar.
Fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, is-Sloveni li marru jivvotaw kienu ftit wisq. U filwaqt li issa s-sinjali jqawwulna aktar qalbna, għadni ninkwieta meta nara li wisq nies għadhom ma jħossux, forsi saħansitra ma jemmnux, għala l-vuċi tagħhom hija importanti għall-futur li jixtiequ jaraw.
Din hi l-isfida li għandna quddiemna fix-xhur li ġejjin qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fid-9 ta’ Ġunju, li fihom il-poplu Sloven se jintalab jagħżel disa’ rappreżentanti għall-Parlament Ewropew, wieħed aktar mil-leġiżlatura attwali.
Huwa għalhekk li ġejt hawn illum. Bħala President tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Membri tal-PE, uħud minnhom qed narahom quddiemi fil-pubbliku llum, għandna d-dmir li nxejnu l-mit ta’ Brussell u nqarrbu lill-Ewropa lejn iċ-ċittadini li nirrappreżentaw.
Ninsabu hawn biex nikkollaboraw mal-parlamenti nazzjonali u nsaħħu dik ir-relazzjoni. Biex nitkellmu man-nies, speċjalment maż-żgħażagħ, biex nisimgħu aktar dwar dak li għandu bżonn jissewwa u niksbu riżultati aktar malajr. B’hekk ngħinu lin-nies jerġgħu jsibu l-entużjażmu tagħhom għall-Ewropa.
Ma għandniex nagħmlu l-iżball li nassumu li dak kollu li bnejna u dak kollu li għamilna biex wasalna s’hawn, kienu kollha affarijiet li ġraw b’kumbinazzjoni. Ġraw għax kien hemm persuni li ssagrifikaw, persuni li emmnu, persuni li ġġieldu għal dak li emmnu.
Ġraw bis-saħħa taċ-ċittadini, taċ-ċittadini Sloveni, li marru jivvotaw.
U għandna bżonn l-għajnuna tagħkom, ta’ kull wieħed u waħda minnkom, biex dan tfakkruh lin-nies.
Grazzi.