Għal kemm hemm bżonn  

 

Hi u tiftaħ Sessjoni Plenarja Straordinarja li tfakkar l-1000 jum mill-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jibqa’ jappoġġja l-Ukrajna, sal-libertà, sal-paċi, għal kemm hemm bżonn. Is-sessjoni kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy.

Illum infakkru l-1 000 jum minn meta r-Russja invadiet brutalment l-Ukrajna.

1 000 jum ta’ terrur, tbatija u telf inimmaġinabbli. 1 000 jum ta’ kuraġġ, reżiljenza u spirtu indistruttibbli.

Il-poplu tal-Ukrajna u int, President Zelenskyy, ilkom 1000 jum turu lid-dinja x’verament tfisser il-qlubija. Irreżistejtu, mingħajr ma ċedejtu. Il-poplu tiegħek huwa ispirazzjoni għal dawk kollha li jgħożżu l-libertà fid-dinja kollha.

U għal 1 000 jum, dan il-Parlament Ewropew baqa’ spalla ma’ spalla mal-poplu tal-Ukrajna u mar-rappreżentanti tiegħu fil-Verkhovna Rada, magħqud u deċiż. U se nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna – illum, għada u kuljum. Sakemm ikun hemm bżonn.

Dan huwa attakk mhux biss fuq l-Ukrajna iżda fuq l-ordni bbażat fuq ir-regoli. Attakk fuq il-valuri tagħna u fuq l-istil ta’ ħajja tagħna. Huma l-paċi, id-demokrazija u l-libertà li qed nissugraw nitilfu. U nafu s-sagrifiċċju li qed jagħmel il-poplu Ukren – mhux biss għalih iżda għalina lkoll.

Dejjem se nkun kburija li dan il-Parlament kien fuq quddiem nett fl-appoġġ għall-Ukrajna, b’assistenza politika, finanzjarja, umanitarja u militari. Dejjem se niddefendu l-paċi – paċi reali, ibbażata fuq il-ġustizzja, id-dinjità u l-prinċipju skont liema “xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna”.

Għalhekk imponejna sanzjonijiet ħorox fuq ir-Russja u nagħmlu appell biex saħansitra jiġu imposti aktar biex nolqtu l-magna tal-gwerra tar-Russja.

Għalhekk konna l-ewwel li sħaqna li post l-Ukrajna huwa, bi drittha, fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Għalhekk konna hemm, proprju f’Kiev, ftit ġimgħat biss wara li bdiet l-invażjoni.

Illum nibagħtu messaġġ ċar u sempliċi: se nappoġġaw lill-Ukrajna, sal-libertà, sal-paċi reali.

Sakemm ikun hemm bżonn. Slava Ukraini! 

You may find here the transcriptions of her speech per language: