Il-Litwanja wriet determinazzjoni u impenn kbir fl-appoġġ tagħha lill-Ukrajna 

 

Hi u tiftaħ id-Dibattitu Plenarju "Din hija l-Ewropa" fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Mestola rringrazzjat lill-President tal-Litwanja Gitanas Nausėda għat-tmexxija ta’ pajjiżu u talli l-Litwanja laqgħet 74,000 Ukren.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
tilqa' lill-President tal-Litwanja Gitanas Nausėda
fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu fl-okkażjoni tad-dibattitu "Din hija l-Ewropa".

Għeżież kollegi,

Illum magħna għandna lill-President tal-Litwanja, Gitanas Nausėda. 

President, għażiż Gitanas, nirringrazzjak talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tindirizza lill-Parlament Ewropew bħala parti mis-sensiela ta' dibattiti tagħna "Din hija l-Ewropa". 

Għaddiet iktar minn sena minn mindu r-Russja bdiet l-invażjoni militari fuq skala kbira tagħha tal-Ukrajna, Stat indipendenti u sovran. Matul dan iż-żmien, il- Litwanja qatt ma żammet lura milli tibgħat għajnuna lill-Ukrajna u kienet waħda mis-sostenituri ewlenin tal-prospettiva Ewropea tal-Ukrajna. Il-poplu Litwan laqa' aktar minn 74,000 ċittadin Ukren f'daru u f'qalbu, f'dik li hi l-akbar fluss ta' rifuġjati li daħal fil-pajjiż fl-istorja. Is-solidarjetà tal-Litwanja mal-Ukrajna qatt ma battiet. Nirringrazzjak ukoll għall-impenn tiegħek fil-konfront ta' Belarussja demokratika.

Għeżież kollegi, diġà rajna b'għajnejna lill-Unjoni tagħna ssir aktar b'saħħitha u aktar reżiljenti. Sirna aktar magħqudin meta lqajna dawn l-isfidi flimkien. 

F'dan iż-żmien ta' instabbiltà globali, hemm bżonn li nħaffu l-investimenti fl-Ewropa, biex l-ekonomija tagħna terġa' taqbad it-triq tat-tkabbir. President, il-pressjonijiet tiegħek favur strateġija ta' kompetittività fit-tul, politika kummerċjali ambizzjuża u titjib tal-kundizzjonijiet għall-investimenti, kienu ċentrali għal din il-viżjoni ta' Ewropa aħjar u aktar prospera. 

Għażiż President, għażiż Gitanas, nagħtik il-kelma.