Metsola: Dan hu l-mument li nwieġbu għas-sejħa tal-Ewropa 

 

F'Jum l-Ewropa, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, flimkien mal-President Macron u l-President von der Leyen, irċeviet il-kontribuzzjoniet taċ-ċittadini għal Ewropa aqra, aktar b'saħħitha u aktar ġusta, waqt iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Fid-diskors tagħha, Metsola tkellmet dwar id-differenza li teżisti bejn dak li jistennew in-nies u dak li l-Ewropa tista' tiprovdi bħalissa, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, l-enerġija u s-sigurtà. Hi qalet ukoll li l-futur tal-Ewropa hu marbut mal-futur tal-Ukrajna.

© Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza ċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

President von der Leyen,
President Macron, 
Prim Ministru Costa,
Għeżież Ewropej,

Kemm jien kburija li qiegħda hawn illum, li lħaqna dan l-objettiv importanti f'dan l-eżerċizzju uniku ta' ċittadinanza attiva; ta' bini tal-Ewropa; ta' tiswir tal-pedamenti tagħna biex jibqgħu validi fil-futur. 

Fost il-bosta diskorsi li smajna llum, naħseb il-messaġġ li nistgħu nżommu f'moħħna llum huwa dan: il-futur tal-Ewropa għad irid jinkiteb u l-istorja tagħna tiddependi minnkom, minna lkoll. 

Dan id-dibattitu ħa bixra differenti fl-24 ta' Frar, meta l-President Putin ordna lill-armata tiegħu tinvadi lill-Ukrajna. Dan l-att ta' aggressjoni medjevali biddel id-dinja. 

Id-dinja ta' wara l-24 ta' Frar hija dinja ferm differenti. Dinja aktar perikoluża. Ir-rwol tal-Ewropa nbidel magħha. Ma għandniex aktar ħin x'naħlu. 

Il-mod kif nirrispondu għall-invażjoni u l-mod kif jeħtiġilna nkomplu nirrispondu huma test deċiżiv għall-valuri tagħna. L-għaqda u d-determinazzjoni tar-risposta tagħna wrew li min ikkritikana kien żbaljat u għamluna kburin li aħna Ewropej. Dak jeħtieġ li jkun il-mudell għall-futur tagħna.

Iżda aħna u nitħaddtu hawnhekk, l-invażjoni tal-Ukrajna għadha għaddejja. Il-bombi għadhom qed joqtlu b'mod indiskriminat. In-nisa għadhom qed jiġu stuprati. Miljuni ta' nies ħarbu u se jkomplu jaħarbu. In-nies għadhom magħluqin taħt l-art f'Mariupol.

L-Ukreni qed jitolbu l-għajnuna tal-Ewropa. Għaliex, bħal miljuni ta' Ewropej li kienu mġiegħla jqattgħu nofs seklu taħt il-madmad tal-purtiera tal-ħadid, jafu dak li alternattiva għall-Ewropa m'hemmx. 

Il-futur tal-Ewropa huwa marbut mal-futur tal-Ukrajna. It-theddida li għandna quddiemna hi reali. U l-prezz li jkollna nħallsu jekk nfallu huwa enormi. 

U nistaqsi: l-istorja kif se tiġġudika l-azzjonijiet tagħna? Il-ġenerazzjonijiet ta' għada se jaqraw dwar it-trionf tal-multilateraliżmu fuq l-iżolazzjoniżmu? Se jaraw il-konsolidament tar-relazzjoni ta' interdipendenza, bħalma qaltilna Laura qabel, bejn in-nazzjonijiet u l-popli li huma kburin bid-differenzi tagħhom, imma li jafu li, f'din id-dinja l-ġdida, il-futur jista' jkun biss flimkien? 

Dan kollu jiddependi minna. Ir-responsabbiltà hija tagħna. U ppermettuli ngħidilkom minn hawn illum li l-Parlament Ewropew se jiġġieled għal Ewropa aktar b'saħħitha u għal dak kollu li l-Ewropa tirrappreżenta, jiġifieri l-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-opportunitajiet indaqs.  

Dan ifisser li għandha nisimgħu iktar u nitkellmu inqas. Dan l-eżerċizzju għandu jikkonċerna lilkom. Jikkonċerna l-proġett tagħna għas-servizz tan-nies fl-irħula, fil-bliet u fir-reġjuni tal-Ewropa kollha.

L-Ewropa tista' tiftaħar bl-istorja tagħha. Ħloqna s-suq komuni, żgurajna diversi fażijiet tat-tkabbir għal membri ġodda, adottajna s-suffraġju universali, eliminajna l-fruntieri interni, ħloqna munita komuni u naqqaxna d-drittijiet fundamentali fit-trattati tagħna. Il-proġett Ewropew tagħna kien storja ta' suċċess. Jista' ma jkunx perfett, iżda nirrappreżentaw bastjun ta' demokrazija liberali, ta' libertajiet personali, ta' libertà tal-ħsieb, ta' sikurezza u sigurtà.  Dan huwa ta' ispirazzjoni għal miljuni fl-Ewropa u fid-dinja. 

Madankollu, din il-Konferenza turi li jeżisti distakk bejn dak li n-nies jistennew u dak li l-Ewropa hija kapaċi twettaq bħalissa. Din hi r-raġuni għala l-pass li jmiss jeħtieġ li jkun konvenzjoni. U l-Parlament Ewropew se jinsisti fuq dan. Hemm kwistjonijiet li ma jistgħux jistennew aktar.

Dan jgħodd għad-difiża. Għandna bżonn politika ta' sigurtà u ta' difiża ġdida għaliex nafu li għandna bżonn xulxin, li waħedna nkunu vulnerabbli. U f'dan il-qasam m'hemmx bżonn nibdew mill-bidu nett. Nistgħu nkunu komplementari minflok ma nikkompetu mal-alleanzi eżistenti. 

Dan jgħodd għall-enerġija. Għadna niddependu wisq fuq l-awtokrati. Fejn għadhom jeżistu gżejjer tal-enerġija. Fejn jeħtiġilna ngħinu lil xulxin hekk kif ninħallu mill-Kremlin u ninvestu f'sorsi tal-enerġija alternattivi. Fejn nifhmu li l-enerġija rinnovabbli tirrigwarda s-sigurtà daqs kemm tirrigwarda l-ambjent. Imma dan nistgħu nagħmluh biss flimkien. 

Dan jgħodd ukoll għat-tibdil fil-klima. F'din l-isfida li l-ġenerazzjoni tagħna kellha taffronta, l-Ewropa tista' tkun kburija li kienet fuq quddiem nett tal-attakk fuq livell dinji.

Dan jgħodd għas-saħħa, qasam li fih jeħtiġilna nagħtu kas ta' dak li għallmitna l-pandemija u nagħmlu s-sistemi tas-saħħa tagħna interkonnessi, naqsmu bejnietna l-informazzjoni u nakkomunaw ir-riżorsi. Meta l-virus li jmiss jaħbat għalina, ma nistgħux inħalluh iwaqqfilna ħajjitna. L-ewwel istint tagħna ma jistax ikun li nerġgħu noħolqu l-fruntieri tal-passat.

Dan jgħodd għall-mudell ekonomiku, li fih jeħtiġilna niżguraw biżżejjed flessibbiltà mingħajr ma norbtu idejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Fejn inkunu kapaċi noħolqu l-impjiegi jeħtieġ li niffjorixxu.

Dan jgħodd għall-migrazzjoni, kif smajna fil-filmati u fit-testimonjanzi, li fiha għad għandna bżonn sistema li tkun ġusta ma' dawk li jeħtieġu protezzjoni, soda ma' dawk li ma jeħtiġuhiex, iżda b'saħħitha kontra min jabbuża mill-persuni l-aktar vulnerabbli fid-dinja.

Dan jgħodd għall-ugwaljanza u għas-solidarjetà. L-Ewropa tagħna trid tibqa' post fejn tista' tkun dak li tixtieq tkun, fejn il-potenzjal tiegħek ma jkunx influwenzat mill-post fejn titwieled, mill-ġeneru tiegħek jew mill-orjentazzjoni sesswali tiegħek. Ewropa li tiddefendi lil drittijietna – għan-nisa, għall-minoranzi, għalina lkoll. Ewropa li ma tħalli lil ħadd jibqa' lura.

F'dawn l-oqsma kollha, u f'oħrajn, irrid li l-Ewropa jkollha rwol ta' tmexxija. Għaliex jekk ma nkunux aħna li nagħmlu hekk, se jkun sempliċement xi ħadd ieħor. 

Għeżież Ewropej,

Din il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa involviet lil mijiet ta' eluf ta' persuni fl-Ewropa kollha. Kienet esperjenza intensa tal-poter tad-demokrazija parteċipattiva wara xhur ta' diskussjonijiet u dibattiti mqanqla. Nixtieq nirringrazzjakom talli emmintu fil-wegħda tal-Eworpa. 

U nixtieq nirringrazzja b'mod partikolari lil Guy Verhofstadt u lil Dubravka Šuica u lid-diversi Presidenzi tal-Kunsill – il-Prim Ministru Costa, il-Ministru Clément Beaune hawn preżenti – grazzi talli ggwidajtu dan il-proċess. Nixtieq ukoll nirringrazza lill-mibki President David Sassoli tagħna, li llum kien ikun tant kburi. U, m'hemmx xi ngħidu, xejn minn dan ma seta' jsir mingħajr il-membri kollha tal-persunal, u nitlobkom tagħtu ċapċipa lill-persunal tal-Parlament Ewropew u tal-istituzzjonijiet li tassew ħadmu biex dan kollu seta' jsir. Nirringrazzja lilkom ilkoll talli emmintu f'dan l-eżerċizzju, talli ġġilidtu għall-Ewropa, talli affrontajtu ċ-ċiniċi. 

Huwa aktar faċli tkun ċiniku, populist, magħluq, iżda l-populiżmu, iċ-ċiniżmu u n-nazzjonaliżmu għandhom jinkixfu għal dak li tabilħaqq huma: tama falza mibjugħa minn min ma għandux risposti. Dawk li jibżgħu jimxu fit-triq iebsa u twila tal-progress.

L-Ewropa qatt ma beżgħet. Issa wasal iż-żmien li nagħtu spinta 'l quddiem u mhux lura. 

Nerġgħu ninsabu f'mument deċiżiv tal-integrazzjoni Ewropea u l-ebda suġġeriment għal bidla ma għandu jitwarrab. Għandna nħaddnu kwalunkwe proċess meħtieġ biex naslu. 

Meta kont studenta, involvejt ruħi fil-politika għax emmint li post il-ġenerazzjoni tiegħi kienet l-Ewropa. U għadni nemmen l-istess. Ma nagħmlux distinzjoni bejn Ewropa qadima u Ewropa ġdida. Ma nagħmlux distinzjoni bejn Stati kbar u Stat żgħar. Nafu li l-ideat huma akbar mill-ġeografija.

Dik is-sensazzjoni, 18-il sena ilu, meta 10 pajjiżi, fosthom tiegħi, daħlu fl-UE, kienet mument li qatt m'jien se ninsa. Għoddejna s-sekondi sa nofsillejl tal-ewwel ta' Mejju u stajt tħoss il-ferħ, it-tama, il-passjoni li ħeġġew in-nies jemmnu. Illum in-nies fl-Ukrajna, fil-Georgia u fil-Moldova u anki fil-Balkani tal-Punent, qegħdin iduru fuqna bl-istess determinazzjoni. Naturalment, kull pajjiż għandu jsegwi l-perkors tiegħu, iżda ma għandniex nibżgħu nilliberaw il-forza tal-Ewropa biex tbiddel ħajjet in-nies għall-aħjar, kif għamlet għal pajjiżi.

Fl-aħħar nett, ninsabu miġburin hawn fl-okkażjoni ta' Jum l-Ewropa, matul is-sena ddedikata liż-żgħażagħ, fis-sede tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu. M'hemmx post ieħor li jissimbolizza daqshekk il-forza tad-demokrazija, il-forza tal-Ewropa biex tagħmel il-pass li jmiss, flimkien. 

Wasal il-mument li nirrispondu għall-appell tal-Ewropa. Wasal il-mument li naġixxu.

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: