L-Ewropa tagħna tista' tkun aktar 

 

"Dan huwa l-mument tal-Ewropa. Flimkien – nistgħu nkunu iktar." Lejliet l-indirizz tal-Istat tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, f'artiklu ppubblikat f'27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, appellat għall-għaqda. "Għal darb'oħra, l-Ewropa qed tiġi ttestjata. Għal darb'oħra l-Ewropa jeħtieġ tirrispondi. Għal darb'oħra se jkollna bżonn naħdmu flimkien. Għal darb'oħra, l-Ewropa trid tadatta ruħha. U għal darb'oħra l-Parlament Ewropew huwa lest biex jagħti sehmu."

© Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

L-istorja tal-Ewropa hija waħda li ssawret f'perjodi ta' kriżi. F'kull punt tal-istorja moderna, meta l-Ewropa ffaċċjat sfida, irreaġixxejna billi ersaqna dejjem iktar lejn xulxin. Dan xprunana biex nindirizzaw l-agħar burraxki u għenet biex l-istituzzjonijiet tagħna jirrispondu għat-tħassib tan-nies.  Biex nagħmlu differenza li tinħass fil-ħajjiet tan-nies. Il-prinċipji tal-Ewropa jpoġġu il-kooperazzjoni qabel il-kompetizzjoni. Hu twemmin li ħoloq il-ġid, demokraziji b'saħħithom, u serva ta’ tarka li tiddefendi l-libertajiet personali. Fl-aħħar snin, iffaċċjajna kollassi bankarji, kriżijiet ta' dejn sovran, pressjonijiet ta' migrazzjoni segwiti minn pandemija globali li bħalhom qatt ma rajna qabel. Dawn l-avvenimenti kollha ġabu lill-istati tal-Ewropa dejjem eqreb ta' xulxin u ħriġna minnhom aktar b'saħħitna. 

Dik il-bażi, dik l-għaqda, qed terġa tħabbat wiċċha ma mument ieħor ta’ prova, minn taħlita ta' gwerra wara biebna, inflazzjoni bla preċedent, żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-enerġija, katastrofi klimatika li qed tikkawża n-nixfa tax-xmajjar u l-ħruq tal-foresti tagħna, inċertezza fis-sigurtà tal-ikel u kriżi tal-għoli tal-ħajja li qiegħda dejjem tikber. 

Għal darb'oħra, l-Ewropa qed tiġi ttestjata. Għal darb'oħra l-Ewropa jeħtieġ tirrispondi. Għal darb'oħra se jkollna bżonn naħdmu flimkien. Għal darb'oħra, l-Ewropa trid tadatta ruħha. U għal darb'oħra l-Parlament Ewropew huwa lest biex jagħti sehmu. 

Qed isir dejjem aktar diffiċli biex insaħnu djarna,  inżommu l-industriji għaddejjin u nibqgħu nsuqu l-karozzi tagħna. L-inflazzjoni qed iżżomm il-prezzijiet għoljin. Dan nafuh. Iżda meta nsibu ruħna taħt l-akbar pressjoni – dak ikun il-mument li fih irridu nqumu u nibqgħu sodi daqs qatt qabel. Dak huwa l-mument meta t-teorija li fuqha hi mibnija l-Ewropa trid timxi id f'id ma' tmexxija prattika. B'ħeffa, azzjoni u kuraġġ. U l-Ewropa trid tqum u tilqa' dik l-isfida. Kemm jekk qed tindirizza l-għoli tal-ħajja, kif ukoll il-prezzijiet tal-elettriku, it-tibdil fil-klima, id-difiża, is-sigurtà tal-ikel jew l-appoġġ lill-Ukrajna. L-għaqda hija l-unika triq 'il quddiem.

L-Ewropa trid tkun aktar minn hekk.  Din kienet is-sejħa ċara, espressa f'Mejju 2022 fil-Parlament Ewropew, fil-konklużjonijiet tal-Konferenza taċ-ċittadini dwar il-Futur tal-Ewropa li damet għaddejja sena. 

Din il-ġimgħa, il-President tal-Kummissjoni Ewropea se tressaq proposti fid-diskors annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea.

Għall-Parlament Ewropew, dawn il-kwistjonijiet ewlenin imqajma miċ-ċittadini jridu jkunu fil-qalba tal-proposti:

Irridu niksbu unjoni tas-sigurtà u d-difiża. L-apparat u l-infrastruttura tas-sigurtà u tad-difiża tagħna jridu jiġu rinnovati. L-invażjoni brutali, illegali u mhux ġustifikata tal-Ukrajna wriet kemm id-dinja nbidlet minn Frar 'l hawn. Jeħtieġ nagħmlu użu aħjar mill-infiq tagħna għad-difiża u nevitaw id-duplikazzjoni f'kapaċità ta' difiża pan-Ewropea, waqt li naħdmu flimkien man-NATO u mhux f'kompetizzjoni magħha. 

It-tieni, jeħtieġ nindirizzaw ir-reżiljenza u l-awtonomija enerġetika tal-Ewropa. Jeħtieġ innaqqsu d-dipendenzi fuq fornituri mhux affidabbli. Marbutin ma' dan insibu l-miżuri immedjati li rridu nieħdu biex innaqqsu l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku. Iż-żidiet fil-prezzijiet li qed jolqtu lill-familji mal-Ewropa kollha jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti, anke biex tiġi żgurata l-istabbiltà politika. Fl-istess ħin, irridu nkomplu nilħqu l-għanijiet klimatiċi ambizzjużi tagħna u nħaffu t-tranżizzjoni enerġetika u ekoloġika tagħna.

It-tielet, il-pandemija kixfet nuqqasijiet fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri. Il-Parlament Ewropew qed jitlob għal "dritt għas-saħħa" tal-UE. F'dak li għandu x'jaqsam mat-trażżin tat-tixrid tal-viruses jew l-iffaċilitar tal-aċċess għal trattamenti speċjalizzati, is-soluzzjoni spiss tinsab f'aktar kooperazzjoni fost il-pajjiżi. 

Din iż-żieda fl-isforzi għandha prezz. Biex inżidu r-rispons tagħna għad-diffikultajiet dejjem akbar, jeħtieġ nimmodernizzaw il-baġit tal-UE. Il-baġit tagħna għandu jkun aktar reżiljenti għall-kriżijiet u aktar effiċjenti biex ilaħħaq ma' prijoritajiet li jinbidlu malajr jew li ma jkunux mistennija. 

Ix-xhur li ġejjin se jkunu ta' prova għalina, iżda diġà urejna lilna nfusna li b'determinazzjoni ffukata, l-Ewropej huma kapaċi ferm jiġġieldu d-diffikultajiet. L-oriġini tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni Ewropea nibtet minn xewqa, b'solidarjetà ma' xulxin biex negħlbu t-tbatija ta' wara l-gwerra dinjija. L-Ewropa għandha tkun kunfidenti fil-kapaċità tagħha li tindirizza taqlib estensiv. Tat prova tas-saħħa tagħha. 

Dan huwa l-mument tal-Ewropa. Flimkien – nistgħu nkunu iktar.


 

You may find here the transcriptions of her opinion piece per language: