Il-President Metsola onorata bil-Medalja tad-Deheb tal-Patroċinju Onorarji għall-kontribut tagħha fil-politika 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet onorata bil-Medalja tad-Deheb tal-Patroċinju Onorarju mis-Soċjetà Filosofika tal-Università ta' Trinity College. Hi u indirizza lill-istudenti tal-kulleġġ, il-President Metsola nkoraġġiet liż-żgħażagħ biex ibiddlu d-dinja.

Taoiseach,
Provost,
Sur President,
Membri "Phil",
Studenti,
Sinjuri,

Huwa unur kbir għalija li ġejt milqugħa mis-Soċjetà Filosofika Universitarja tat-Trinity College – l-eqdem soċjetà studenteska fid-dinja. Waħda li inkludiet kontributuri eċċellenti għad-dinja tal-arti u l-kultura, f'medda ta' tliet mija u sebgħa u tletin sena ta' storja.

Ninsab kburija immens li ġejt eletta mill-Kunsill tagħkom biex din is-sena nirċievi l-Midalja tad-Deheb tal-Patroċinju Onorarju, li ġentilment naċċetta f'isem il-Parlament Ewropew – istituzzjoni li qiegħda hemm biex issemma' leħinkom. U dan ir-rikonoxximent iqawwili qalbi, li l-azzjonijiet li wettaqna fl-aħħar sena jistħoqqilhom il-fiduċja tagħkom.

Se nagħmel l-almu tiegħi biex inkompli npatti għall-fiduċja tagħkom.
 
Go raibh maith agaibh.
 
Dan il-premju jagħti impetu mġedded biex nimxu 'l quddiem fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-ġustizzja – valuri tant għeżież għalina.

Valuri li, forsi ta' spiss, ma napprezzawhomx. Valuri li huma mhedda. Valuri li n-nies fl-Ukrajna huma mġiegħla jiġġieldu għalihom.

Ninsab fl-Irlanda biex niċċelebra magħkom il-50 sena mill-adeżjoni tal-Irlanda mal-Unjoni Ewropea.
L-istorja tal-50 sena tal-Irlanda fl-Ewropa hija storja ta' trasformazzjoni pożittiva u ta' suċċess. Kienet ta' ġid għal kulħadd. L-adeżjoni mal-UE ġabet magħha benefiċċji ekonomiċi u soċjetali enormi kemm għall-UE kif ukoll għall-Irlanda.

Huwa ta' sodisfazzjon enormi li wieħed ikun jaf li kienet ir-rieda tal-poplu Irlandiż, li wasslet lill-Irlanda biex fl-1973 tidħol f'dik li dak iż-żmien kienet il-Komunità Ekonomika Ewropea. U sal-lum il-ġurnata, maġġoranza kbira tal-poplu Irlandiż tappoġġja l-proġett tal-UE. Dan għax tafu li: flimkien aħna aktar b'saħħitna u flimkien kapaċi aktar biex nindirizzaw it-taqlib ġeopolitiku, l-isfidi ekonomiċi u l-emerġenza klimatika – kwistjonijiet li qed inħabbtu wiċċna magħhom illum.

U fuq dan il-punt, issa quddiemkom, ippermettuli nerġa' nafferma li l-politika hija l-mod kif nistgħu nilqgħu għall-isfidi tal-ġenerazzjoni tagħna. Huwa l-aħjar mod għal bidla pożittiva fil-komunitajiet u s-soċjetajiet. L-uniku mod għal bidla dejjiema reali. Jiena dejjem ottimista – forsi għalhekk inħossni komda l-Irlanda – iżda matul it-tlajja' u l-inżul ta' karriera fil-politika, naf li hija kawża nobbli. Fl-aktar livell bażiku tagħha, il-politika tfisser tagħmel li tista' biex tagħmel il-ħajja ta' dawk ta' madwarek ftit aħjar, ftit aktar ġusta, ftit aktar sikura.
Għalhekk, l-appell tiegħi llum huwa li tqawwu qalbkom, identifikaw il-kawża tagħkom u ġġieldu għaliha. Morru vvotaw. Emmnu.

Waħda mill-aqwa deċiżjonijiet f'ħajti kienet li għażilt karriera fil-politika. Niftakar li familti kienet pjuttost maħsuda bid-deċiżjoni tiegħi li nipposponi l-eżamijiet universitarji ta' tmiem is-sena tiegħi biex noħroġ għall-elezzjoni Ewropea fl-2004. Iżda għal darb'oħra, ommi dejjem qaltli: "Jekk trid bidla, tibqax tgorr u agħmilha".  Ħriġt għal dik l-elezzjoni tal-2004, u mbagħad għamilt l-eżamijiet tiegħi f'Settembru. Dik id-darba ma ġejtx eletta, iżda qatt ma qtajt qalbi.

Wara 50 sena, l-Irlanda hija Stat Membru konsolidat tal-UE. Pajjiżi Ewropej oħra għandhom x'jitgħallmu minnha: minn kif l-Irlanda tmexxi, mit-trasformazzjoni tagħha minn benefiċjarju finanzjarju nett, għal kontributur nett tal-baġit tal-UE u attur li jinfluwenza l-politika.

Din hija l-ġmiel tal-politika. Id-deċiżjoni tiegħi li nidħol fis-servizz pubbliku 20 sena ilu, imxiet id f'id mal-adeżjoni ta' pajjiżi mal-Unjoni Ewropea.

Din ġiet minn aspirazzjoni ġenerazzjonali li: "Nistgħu nibdlu d-dinja tagħna għall-aħjar". U wkoll li: "Ma nistgħux ma nkunux parti mill-proċess".
 
Naturalment, konna nafu li l-Unjoni Ewropea għandha l-imperfezzjonijiet tagħha. Għad għandha sal-lum. Għadni nirrabja bl-affarijiet ż-żgħar li ma jagħmlux sens. Għall-affarijiet li jispiċċaw huma fl-aħbarijiet minflok ix-xogħol eċċellenti li jsir ta' kuljum.

Iżda emminna fit-tama tal-Ewropa. F'li nbiddlu l-ħolma f'realtà. Hekk konna nemmnu u għadna nemmnuha.

Ta' spiss nitkellem ma' studenti f'pajjiżi differenti. Kull fejn immur, dejjem nixtieq niltaqa' magħkom.

Inwassal il-messaġġ li l-politika hija kawża meritevoli. Iżda mhix waħda faċli. Trid trabbi qoxra ħoxna, sens qawwi ta' ġustizzja u ħafna fortuna. U li tkun mara fil-politika ma tagħmilhiex aktar faċli.

Ilni 10 snin Membru tal-Parlament Ewropew u sena waħda President. Hija iebsa. Din is-sena kienet maħsuba li tkun is-sena tagħna ta' rkupru, ta' qawmien ekonomiku mill-ġdid. Iżda minflok, 6 ġimgħat wara li dħalt fil-kariga bħala President, quddiemna faqqgħet gwerra fil-kontinent tagħna. Il-prijoritajiet jinbidlu.  

M'iniex hawn biex ngħidilkom li l-politika hija faċli. Ninsab hawn biex ngħidilkom li vallapena.

Ninsab hawn biex inħeġġiġkom tinvolvu ruħkom. Involvu ruħkom fil-politika, fil-komunitajiet tagħkom, f'dak li tistgħu tagħmlu, biex tibqgħu leali għall-ideali li temmnu fihom.                                      

Il-gwerra illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna heżżet is-sisien tagħna fil-fond. Bl-invażjoni tiegħu ta' pajjiż indipendenti u sovran, il-Kremlin irrifjuta l-ordni dinji tagħna bbażat fuq ir-regoli. Għalhekk huwa daqstant importanti li nieqfu mal-Ukrajna. M'aħniex se nħallu lill-Ukrajna waħedha tiġġieled gwerra għall-valuri komuni tagħna. Dan hu dak li għedt lill-President Zelenskyy f'Kiev meta żort il-Parlament Ukren ftit ġimgħat wara li faqqgħet l-invażjoni.


Hekk kif l-Irlanda ngħaqdet mal-Ewropa fl-1973, dak iż-żmien it-Taoiseach tal-Irlanda, Jack Lynch qal: "Huwa konċepibbli li l-Ewropa u d-dinja kienu jinħelsu minn żewġ gwerer devastanti, li ma kienx ikollna l-qasma tal-Ewropa f'żewġ blokok"... li kieku, ikompli, il-mexxejja fis-siġġijiet tal-poter fil-bidu tas-seklu 20 "kienu jħaddnu l-istess viżjoni, l-istess dedikazzjoni għall-paċi, u l-istess sens ta' komunità" bħall-fundaturi tal-proġett Ewropew.

Il-valuri huma importanti. U bi gwerra fil-kontinent tagħna, jeħtiġilna nżommu l-valuri tagħna tal-ġustizzja, id-demokrazija u l-ugwaljanza dejjem quddiem għajnejna. Jeħtiġilna nappoġġjaw lill-Ukrajna b'kull mod li nistgħu.

Għandna dak li hemm bżonn biex insawru futur aħjar għalina nfusna fl-Ewropa, meta nemmnu fil-kapaċità tagħna li nibqgħu b'saħħitna.

Ħaġa waħda tibqa' tħassibni. Il-fatt li n-nisa f'pożizzjonijiet ta' tmexxija għadhom sottorappreżentati fil-biċċa l-kbira tal-postijiet, inkluż fil-politika Irlandiża.

Il-kommemorazzjonijiet statali reċenti ta' Deċennju ta' Ċentenarji fl-Irlanda enfasizzaw il-kawżi li n-nisa għad iridu jiġġieldu għalihom fis-seklu 21, biex iġibu l-ugwaljanza fl-aspetti kollha tal-ħajja tan-nisa Irlandiżi.

L-Irlanda diġà għandha btala nazzjonali unika ġdida – l-ewwel btala pubblika Irlandiża msemmija għal mara, il-festa ta' Santa Briġida tonora l-ħaddiema tal-kura tal-ewwel linja u n-nisa. Dan jimmarka r-ritorn tad-Dawl u t-Tama.

U lbieraħ fl-ewwel jum ta' Frar, l-ewwel jum tar-rebbiegħa, l-ewwel studjużi nisa dehru fil-Librerija Antika tal-Università, fil-forma ta' erba' statwi ġodda.
 
Il-busti tax-xjenzjata Rosalind Franklin, il-fundatriċi tat-teatru Augusta Gregory, il-matematika Ada Lovelace u l-avukata tad-drittijiet tan-nisa Mary Wollstonecraft – persuni li lkoll kienu minn ta' quddiem fil-qasam tagħhom.

Iż-żminijiet qed jinbidlu minħabba li qed nisimgħu u ninkludu l-vuċijiet kollha fis-soċjetà u fil-politika.

Għax in-nies jemmnu. Għax in-nies jinvolvu ruħhom. Għax in-nies bħalkom ixammru kmiemhom u jbiddlu d-dinja.

Biddlu d-dinja.
Jekk ma tbiddilhiex int, ħaddieħor se jbiddilha għalik.

Grazzi.