Il-President Metsola tirċievi l-unur tal-Mara tas-Sena f’Madrid 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rċiviet l-unur tal-Mara tas-Sena mill-għaqda tan-Nisa fid-Dinja Legali f’Madrid. Fid-diskors tagħha, l-President Metsola qalet li hija grata lejn in-nisa kollha li ġew qabilha u ħadmu biex infetħu l-bibien tal-opportunitajiet. Kompliet li issa l-isfida hi biex nagħmluha aktar faċli għal dawk li se jiġu warajna.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tirċievi l-premju "Woman of the Year" f'Madrid

Għażiża Marlén Estévez, President ta' Women in a Legal World,
Għażiża Viċi President, Nadia Calviño,
Għeżież ħbieb,

Huwa unur għalija nkun illum magħkom f'Madrid.

U huwa unur nirċievi l-premju "Woman of the Year" tal-organizzazzjoni Women in a Legal World, u li nkun fuq l-istess palk ma' tant nisa brillanti oħra, grazzi ħafna.

L-għażla ta' karriera fil-qasam legali x'aktarx kienet waħda mill-aqwa deċiżjonijiet ta' ħajti. Niftakar li l-familja tiegħi kienet pjuttost maħsuda bid-deċiżjoni, u żgur li kont l-eċċezzjoni fost ħuti li llum it-tnejn li huma huma xjenzjati straordinarji. 

Niftakar lil ommi tgħidli li jekk ridt li xi ħaġa tinbidel kelli nieqaf ingorr u nagħmilha jiena stess.  Għalija d-deċiżjoni li nimpenja ruħi fil-qasam legali u tal-politika kienet tirrigwarda l-fatt li pajjiżi jsir membru tal-Unjoni Ewropea. Kienet aspirazzjoni ġenerazzjonali li biddlet id-dinja tagħna. Ma stajniex ma nkunux parti mill-proċess. Konna nafu li anki bil-problemi u bl-imperfezzjonijiet kollha tagħha, l-UE kienet tfisser li ħajjitna kienet se tkun ftit aħjar. Ftit aktar ġusta. Ftit aktar sikura.

Dan hu l-ethos tal-Parlament Ewropew. Ikolli nammetti li mhux dejjem sibt triq lixxa quddiemi. Li tkun imdaħħal fil-politika qatt mhu faċli u li tkun mara fil-politika ma jagħmilx l-affarijiet eħfef. Spiss immur nitkellem fl-iskejjel u ma' tfajliet żgħar. Il-parir li nagħtihom huwa dejjem li jkunu involuti, minkejja kollox, fil-politika, fil-komunitajiet tagħhom, fl-azzjonijiet li jistgħu jieħdu. Ħajja fil-politika mhijiex dejjem faċli, trid trabbi qoxra ħoxna, sens ta' ġustizzja, impuls biex ittejjeb l-affarijiet.

In-nisa, b'mod partikolari, għadhom isibu quddiemhom standards doppji u soqfa ogħla – kliemek u l-intenzjonijiet tiegħek jiġu miflijin, saħansitra xi kultant anki mgħawġin, imma l-lat pożittiv tal-politika u l-bidla għall-aħjar fil-ħajja tan-nies li tista' tħalli impatt fuqha, jagħmluha vallapena. Il-politika tibqa' kawża nobbli u waħda li fiha hemm bżonn naraw aktar tfajliet involuti. Vallapena.

Trabbejt bil-mantra li jekk taħdem iebes biżżejjed; jekk trid dik il-ħaġa b'ruħek kollha; u jekk int lest titla' ma' dik il-muntanja, allura xejn ma jista' jżommok – la l-ġeneru tiegħek, la l-età u lanqas il-kuntest mnejn ġej – imma, iva, it-telgħa hija iktar wieqfa. 

Żammejt din il-mantra f'moħħi speċjalment matul din l-aħħar sena. 

Meta ġejt eletta President tal-Parlament Ewropew, kont naf li r-rwol il-ġdid tiegħi kien se jġibli quddiemi ħafna sfidi. Imma naħseb li xejn ma seta' jippreparani għal dak li kellu jiġri.

Il-gwerra illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna heżżet is-sisien tagħna fil-fond. Bl-invażjoni tiegħu ta' pajjiż indipendenti u sovran, il-Kremlin irrifjuta kategorikament l-ordni intenzjonali tagħna bbażat fuq ir-regoli. Għalhekk huwa importanti – u jibqa' importanti – li nieqfu mal-Ukrajna. M'aħniex se nħallu lill-Ukrajna waħedha tiġġieled gwerra għall-valuri komuni tagħna. Dan hu dak li għedt lill-President Zelenskyy f'Kiev meta żort il-Parlament Ukren ftit ġimgħat biss wara li faqqgħet il-gwerra.

Nipprova nagħmel il-parti tiegħi biex it-triq ta' dawk li jiġu warajna tkun aktar faċli, madankollu waħda mill-affarijiet li għadha tinkwetani hija l-fatt li n-nisa fil-pożizzjonijiet ta' tmexxija għadhom sottorappreżentati fil-biċċa l-kbira tal-postijiet. 

Dak li hemm bżonn huwa bidla reali tal-paradigma fil-mentalità u fil-kultura. Hemm bżonn nagħmlu aktar, ferm aktar, biex inħeġġu lin-nisa jieħdu pożizzjonijiet ta' tmexxija. U dan l-aspett ma jirrigwardax biss ir-responsabbilizzazzjoni, jirrigwarda l-opportunità. Opportunità awtentika, reali u effettiva. 

Opportunità mhux biss ippreżentata lin-nisa inkwantu nisa. Pjuttost, minkejja l-fatt li huma nisa. 

Huwa biss meta dan isir li nkunu nistgħu lkoll kemm aħna naraw, li suppost huwa evidenti minnu nnifsu, li post il-mara hu tassew fejn hi tridu jkun – sew jekk ikun quddiem parlament, fit-tmexxija ta' ditta legali, fil-presidenza ta' awla tal-qorti jew biex twassal nazzjon għall-prosperità.

Nirringrazzjakom għal darb'oħra għal dan l-unur kbir.