Is-suq uniku hu pilastru ewlieni għall-integrazzjoni Ewropea 

 

Din is-sena, qed niċċelebraw it-30 anniversarju tas-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea. F’diskors waqt ċerimonja fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-ħolqien ta’ suq uniku fisser libertà, prosperità u opportunità.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
tindirizza ċ-Ċerimonja tas-sessjoni plenarja għat-30 Anniversarju tas-Suq Uniku

 

 
Fi Frar 1992, huwa u jindirizza lill-Parlament Ewropew, il-President tal-Kummissjoni ta' dak iż-żmien, Jacques Delors, irrefera għall-ħolqien tas-suq uniku bħala l-"bidu ta' era ġdida". 

U hekk ġara. 

Is-suq uniku huwa l-pedament tal-integrazzjoni Ewropea. Għaqqad l-Ewropa fi żmien meta l-piż tal-ħitan u tal-purtieri tal-ħadid tant inħass tqil. Ħattejna l-ostakli interni u minflokhom daħħalna valuri komuni, ħloqna spazju fejn l-oġġetti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital setgħu jiċċirkolaw liberament. 

Ma kienx biss att ta' għaqda simbolika. 
Kien xi ħaġa ferm akbar minn hekk.
Kien ifisser libertà, prosperità u, fuq kollox, opportunità. 

L-opportunità għaċ-ċittadini kollha li jkunu jistgħu jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jivvjaġġaw kullimkien fl-Unjoni tagħna, konxji li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom se jkunu mħarsa, ikunu fejn ikunu.

L-opportunità għall-impriżi, kbar u żgħar, li jistabbilixxu ruħhom fejn jagħżlu huma, u jingħataw aċċess għal suq akbar filwaqt li titrawwem il-kompetittività.

L-opportunità għall-konsumaturi li jkollhom għażliet usa', bi prezzijiet orħos u b'ħarsien tal-konsumatur aktar b'saħħtu li jqis l-interessi tagħhom.

U, forsi l-aktar waħda li nissottovalutaw: l-opportunità għall-interess kollettiv tagħna. Il-fatt li aħna l-akbar suq demokratiku uniku tad-dinja saħħaħ il-qagħda tagħna fid-dinja. U f'dan l-aspett, l-Ewropa teżerċita ħafna aktar influwenza minn dik li naħsbu li għandha. 

Għeżież kollegi, is-suq uniku huwa wieħed mill-akbar riżultati li kisbet l-Unjoni. U fir-realtà, sar indispensabbli għalina lkoll.

Illum il-ġurnata, is-suq uniku jirrappreżenta 56 miljun impjieg Ewropew. Bis-saħħa tiegħu, il-PDG tal-Unjoni Ewropea żdied b'medja ta' bejn 8 u 9 fil-mija. U rrappreżenta wkoll aktar minn miljun tarbija li twieldu lill-koppji Erasmus matul dawn l-aħħar 30 sena!

Minkejja dan, bil-gwerra li reġgħet tfaċċat fuq il-kontinent tagħna, bi provvisti tal-enerġija dejjem jonqsu u bl-inflazzjoni tiżdied, faċli taqa' fin-narrattivi perversi tal-ewroxettiċi. Ma nistax nitkellem dwar is-suq uniku mingħajr ma nsemmi t-tluq xejn feliċi tar-Renju Unit, fejn tassew fhimna xi jfisser tkun parti mis-suq uniku.

Rajna wkoll dak li s-suq uniku fisser matul il-pandemija tal-COVID-19. Minn banda, il-miżuri unilaterali tal-Istati Membri kkawżaw tħarbit u paniku. Mill-banda l-oħra, l-akkwist konġunt ta' vaċċini u l-adozzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza wrew il-kapaċità tal-Ewropa li tirreaġixxi malajr u b'mod effikaċi meta taġixxi b'għaqda. 

Għalhekk okkażjonijiet u ċelebrazzjonijiet bħal din huma importanti biex niftakru kemm hi twila t-triq li wittejna. Għalhekk l-istil tagħna ta' swieq u soċjetajiet miftuħa jaħdem. U għalhekk għandna bżonn inkomplu nissalvagwardjaw u nippromwovu s-suq uniku fit-totalità tiegħu. 

L-Ewropa bħalissa tinsab f'salib it-toroq. L-istil Ewropew tagħna ta' kif nagħmlu l-affarijiet qiegħed jiġi kkontestat. Dan hu eżattament il-mument meta hemm bżonn nibnu l-akbar riżorsa tagħna. Jeħtiġilna nħaffu l-investimenti fl-Ewropa, nerġgħu npoġġu lill-ekonomija Ewropea f'perkors stabbli ta' tkabbir. Imma biex dan isir, hemm bżonn ukoll li nagħmlu iżjed biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi, speċjalment aħna u nħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali tal-ekonomiji tagħna. L-adozzjonijiet tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tal-Att dwar is-Swieq Diġitali jirrappreżentaw passi importanti fid-direzzjoni t-tajba, li bihom nistgħu nkunu kburin.

Għeżież kollegi, f'dawn l-aħħar għexieren ta' snin għamilna ħafna. Ingħaqadna bħala Unjoni u ttrasformajna l-ħajja ta' miljuni ta' Ewropej. Iżda tletin sena minn mindu beda, is-suq uniku għadu qiegħed jiżviluppa u jadatta ruħu għall-isfidi l-ġodda. 

Għall-ġejjieni, it-tama tiegħi hija li nerġgħu nħaddnu dan is-sens ta' spirtu. U b'hekk, inġeddu l-impenn tagħna. Biex is-suq uniku jerġa' jkun taċ-ċittadini Ewropej. U b'dan il-mod inkunu nistgħu nserrħu rasna li mhumiex se jgħaddu 30 sena oħra biex inlestu dak li bdejna.