Il-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea waslet fi żmien importanti 

 

Waqt li kienet qed tilqa’ lill-Prim Ministru tal-Iżvezja Ulf Kristersson, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea waslet fi żmien fejn jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet b’saħħithom u tintwera tmexxija soda. “Inħares ‘il quddiem biex naħdmu flimkien u niksbu r-riżultati, biex nwasslu għal tkabbir, niddefendu l-valuri tagħna u nibqgħu nappoġġjaw lill-Ukrajna,” żiedet tgħid il-President Metsola.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
tilqa' lill-Prim Ministru tal-Iżvezja Ulf Kristersson fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu

Prim Ministru Kristersson,
Għeżież kollegi, 

Fl-1 ta' Jannar ilqajna lill-Iżvezja fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Illum, huwa ta' pjaċir għalina nilqgħu fostna lill-Prim Ministru Ulf Kristersson, biex jippreżenta l-programm ta' attivitajiet tal-Presidenza Żvediża.

Prim Ministru, għażiż Ulf, merħba bik fil-Parlament Ewropew.

Il-kwistjonijiet ekonomiċi se jiddominaw il-Presidenza Żvediża. Nemmen li fost il-kisbiet l-aktar importanti tiegħek jista' jkun hemm li nerġgħu lura għat-tkabbir ekonomiku. Bil-għan li l-ekonomija tingħata spinta, inti tirrappreżenta Ewropa miftuħa, moderna u kompetittiva. Il-Parlament Ewropew jirrappreżenta dan ukoll.

It-tkabbir se jiġi wkoll mir-riforma tas-suq tal-enerġija tagħna. Biex tibqa' valida fil-futur, għandhom isiru sforzi favur ir-rikonċiljazzjoni bejn is-sigurtà enerġetika u t-tranżizzjoni ekoloġika. L-Iżvezja diġà tinsab fuq quddiem nett f'dan il-qasam, fatt li jkun essenzjali meta niġu biex nikkonkludu l-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%" 

Is-sena l-oħra, il-Parlament Ewropew u l-ħames Presidenzi b'rotazzjoni impenjaw ruħhom li jikkollaboraw biex isibu qbil dwar il-pakkett tal-migrazzjoni u l-ażil qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss. Il-Presidenza tiegħek taħbat eżattament fin-nofs ta' din il-leġiżlatura. L-urġenza biex isir progress fil-fajls tal-migrazzjoni kollha qed issir ferm reali anki f'dan il-qasam. 

Iżda, minkejja dawn l-isfidi kollha, l-akbar theddida għall-Ewropa u għad-demokraziji tagħna għadha u se tkompli tkun l-invażjoni illegali min-naħa tar-Russja u l-bumbardament ma jaqta' qatt tal-Ukrajna. L-Iżvezja kienet ħabiba kbira tal-Ukrajna u minn dejjem kontu promoturi awtentiċi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri demokratiċi. Jeħtiġilna nkomplu nieqfu mal-Ukrajna.  

Prim Ministru, għażiż Ulf, xahar u nofs ilu lqajt lili u lill-kollegi tiegħi, il-kapijiet tal-gruppi, fil-belt kapitali stupenda tagħkom, Stokkolma. Huwa f'dan l-ispirtu kostruttiv li l-Parlament Ewropew se jkompli jaħdem mal-Presidenza Żvediża dwar il-ħafna inizjattivi importanti fuq il-mejda. F'isem din il-Kamra, nistenna b'interess li naħdmu flimkien miegħek u mal-kollegi tiegħek u nixtieqlek suċċess f'dawn is-sitt xhur li ġejjin.