Meta ngħidu ‘qatt iktar’ irridu nemmnuha - Il-President Metsola tindirizza s-Senat ta’ Spanja 

 

Fil-Jum Internazzjonali biex jitfakkar l-Olokawst, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat ċerimonja speċjali fis-Senat ta’ Spanja. Waqt id-diskors tagħha, l-President Metsola qalet li t-tifkira mingħajr rieda ma tiswa għal xejn u l-għarfien mingħajr azzjoni mhux se jwaqqaf mill-attroċitajiet jerġgħu iseħħu.

President Ander Gil,
Senaturi,
Għeżież ħbieb,

Huwa unur għalija nkun illum magħkom f'Madrid. F'dan il-post tal-istorja u tal-futur. L-Antiguo Salón de Sesiones del Senado għex l-istorja parlamentari sħiħa ta' Spanja. Mill-Kostituzzjoni Spanjola tal-1812, sad-deliberazzjonijiet tal-ewwel rappreżentanti Spanjoli, sal-monarki Spanjoli jaqdu d-dmirijiet kostituzzjonali tagħhom. Matul is-snin, is-senaturi pparteċipaw fid-demokrazija parlamentari fuq dawn l-istess siġġijiet. Biex jagħmlu ħajjet iċ-ċittadini Spanjoli ftit aħjar, ftit aktar ġusta, ftit aktar sikura. Dan hu l-istess ethos li nixtieq nara fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.

Aħjar. Aktar ġusta. Aktar sikura.

Huma dawn il-messaġġi li ġibt miegħi llum f'Jum it-Tifkira tal-Olokawst. Għaddew 78 sena mil-liberazzjoni tal-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz-Birkenau. Ir-reġim Nazista qatel miljuni ta' rġiel, nisa u tfal u ġiegħel lil miljuni oħra jgħixu fi tbatija u fi wġigħ inimmaġinabbli.

Illum – u kuljum – niftakru fl-akbar delitt tal-umanità li ra lin-nies massakrati sempliċement għax kienu Lhud. Jisfaw bersall minħabba l-oriġini etnika, ir-razza, id-diżabilità tagħhom. Assassinati għax kienu suwed jew għax kienu omosesswali.

L-Olokawst ma seħħx mil-lum għall-għada. It-triq li wasslet għal Auschwitz u għall-Olokawst bdiet qabel – bil-loġika skont liema twaħħal f'ħaddieħor li m'għandux ħtija, bil-bullying u bid-diżumanizzazzjoni. Kien proċess li beda ġenerazzjonijiet qabel, meta l-Lhud kienu jitqiesu "l-oħrajn".

Fil-bidu tas-snin tletin tas-seklu XX, kien ipprojbit għal-Lhud ipoġġu fuq bank fi ġnien pubbliku. Imbagħad kien ipprojpit jiffurmaw parti mis-servizzi statali jew militari. L-istudenti Lhud ma kinux jitħallew jagħmlu ċerti eżamijiet. Imbagħad iż-żwiġijiet interreliġjużi kienu pprojbiti. Il-Lhud ma kinux jitħallew joħorġu barra wara ċertu ħin. Ma setgħux iħallu l-pajjiż.

Kif darba qal ir-Rabbi Jonathan Sacks "dak li tassew iwaħħxek huwa li dak iż-żmien ma kien hemm kważi ebda waħx". Dan kien proċess li żviluppa bl-indifferenza ta' dawk li inzertaw kienu fil-qrib. Nies li dawru wiċċhom.

Elie Wiesel, rebbieħ tal-Premju Nobel u superstiti tal-Olokawst, fil-ktieb tiegħu kiteb: "Jeħtiġilna nżommu ma' naħa. In-newtralità tgħin lill-oppressur, qatt lill-vittma. Is-skiet iħeġġeġ it-turmentatur, qatt it-turmentat."

Jeħtiġilna nsemmgħu leħinna. U jiena kburija li l-Parlament Ewropew qatt ma baqa' sieket.

Illum qed naraw li l-antisemitiżmu qed jerġa' jqum fuq saqajh. Kuljum għadna naraw attakki fuq il-Lhud, fis-sinagogi...Postijiet ta' paċi, ta' Alla, ta' qima, għadhom bersalli. Il-mibegħda online sabet wisq postijiet biex tamplifika leħinha u tifrex il-portata tagħha. Jeħtieġ li, b'mod partikolari, il-kumpaniji tal-midja soċjali jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom bis-serjetà.

Nafu li dan huwa sinjal ta' twissija għall-umanità. Dan huwa importanti għalina lkoll.

Dan għedtu lbieraħ mal-President tal-Istat ta' Iżrael, għedtu quddiem il-Knesset f'Ġerusalemm u se ntennih issa: li tkun antisemitiku jfisser li tkun anti-Ewropew.

Il-Parlament Ewropew huwa impenjat li jkisser iċ-ċiklu. Li jiġġieled kontra l-antisemitiżmu. Li jiżgura li niftakru fid-devastazzjoni tal-istorja u li l-lezzjonijiet tal-passat ma jintesew qatt. Għandna d-dmir li niftakru, anke meta l-ilħna ta' dawk li salvaw ma jkunux jistgħu jinstemgħu aktar.

Il-Parlament Ewropew jifhem ir-responsabbiltà tiegħu li jagħmel dan. L-ewwel President mara tal-Parlament tagħna, Simone Veil – numru 7-8-6-5-1 – kienet superstiti tal-orrur u tal-ħażen ta' Auschwitz u sawret Ewropa ġdida. L-impenn tagħna huwa personali daqs kemm huwa istituzzjonali.

Għalhekk jeħtiġilna nsemmgħu leħinna.  Għalhekk jeħtiġilna nieħdu azzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-mibegħda.

Meta ngħidu "qatt iżjed", jeħtiġilna ngħiduha b'konvinzjoni. It-tifkira mingħajr determinazzjoni hija fiergħa. Is-sensibilizzazzjoni mingħajr azzjoni ma timpedix li dawn l-atroċitajiet jerġgħu jseħħu.  

Diġà sħaqt fuq l-importanza li nsemmgħu leħinna kontra l-intolleranza u l-inġustizzja iżda t-tennija hija ġustifikata. Għax filwaqt li l-antisemitiżmu għadu jeżisti – filwaqt li t-tfal għadhom ikunu vittmi ta' bullying minħabba l-wirt kulturali tagħhom, filwaqt li s-sinagogi għad għandhom bżonn ta' gwardji tas-sigurtà għall-protezzjoni, filwaqt li l-oqbra tal-Lhud għadhom qed jiġu pprofanati u vandalizzati, filwaqt li l-għadd ta' teoriji ta' konfoffa antisemitiċi għadu jiżdied online – għalija huwa ċar li għadna ma semmajniex leħinna biżżejjed.

Sinjuri,

L-Unjoni tagħna taf li d-diversità hija dak li jsaħħaħna, mhux dak li jdgħajjifna. Id-diversità tagħmel lill-Unjoni Ewropea, minkejja d-diffikultajiet u l-imperfezzjonijiet kollha tagħna, superpotenza ta' valuri li jmissna nkunu kburin bihom.  

Unjoni li rnexxielha tlaqqa' 705 membri minn 27 Stat Membru fl-istess Kamra parlamentari biex, flimkien, inkunu nistgħu nibnu Ewropa aħjar, aktar ġusta u aktar sikura.

F'dawn l-aħħar għexieren ta' snin għamilna ħafna. Ingħaqadna bħala Unjoni u ttrasformajna l-ħajja ta' miljuni ta' ċittadini. Ħattejna ostakli interni u minflokhom daħħalna valuri komuni. Ksibna l-libertà, żgurajna l-prosperità u offrejna l-opportunità.

Bħalissa, waqt li l-Ewropa tinsab f'salib it-toroq, hemm bżonn li nkomplu niżviluppaw l-akbar riżorsa tagħna: il-persuni. Inħaffu l-investimenti, nipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, noffru soluzzjonijiet, naqbżu għal xulxin, nissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini u nżommu l-wegħdiet tagħna biex intejbulhom ħajjithom.

Issa huwa l-mument meta l-Ewropa ssaħħaħ l-azzjoni tagħha u tkun fuq quddiem nett fid-dinja, iġġedded l-impenn tagħha u terġa' tħaddan sens ta' ottimiżmu. Biex tiżgura li l-proġett ta' tama tagħna jsir realtà għal kulħadd.

Grazzi.