Naħdmu flimkien biex nissalvagwardjaw Ewropa fil-paċi, ħielsa u demokratika 

 

Want li kienet qed tindirizza djalogu ta' Artiklu 17 dar ir-rispons umanitarju għall-gwerra fl-Ukrajna, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-għaqda u l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjoni tal-UE, l-Istati Membri, l-għaqdiet u ċ-ċittadini fir-rispons għall-gwerra bla sens tar-Russja fl-Ukrajna.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Viċi President Karas,
Kummissarju u Viċi President Schinas,
Rappreżentanti reliġjużi u filosofiċi, 
Kollegi u ħsieb,

Grazzi talli stedintuni biex inkellimkom illum. Minkejja li l-kuntest huwa globalment ferm differenti – u ferm aktar mudlam – mill-aħħar darba li kont hawn, tassew huwa pjaċir għalija li nerġa' nkun f'dan il-forum importanti. 

Il-knejjes, il-gruppi reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi fl-Ewropa kollha huma parti integrali tan-nisġa tal-komunitajiet tagħna fl-Unjoni kollha. Għaldaqstant, huwa tassew xieraq li llum dak li nirreferu għalih bħala d-djalogu fl-ambitu "tal-Artikolu 17" kien konxjament previst fit-trattat fundatur tal-Unjoni. 

Fil-fatt, jibgħat sinjal ċar. Sinjal li l-Unjoni Ewropea altru li mhijiex biss organizzazzjoni ekonomika. L-Unjoni tirrigwarda essenzjalment lin-nies, id-dinjità umana u l-ġid komuni. 

F'dawn l-aħħar erba' xhur, il-bombi Russi qatlu b'mod indiskriminat. Miljuni ta' Ukreni sfaw mġiegħla jħallu darhom u pajjiżhom. U dan kollu għadu għaddej waqt li qed nitkellmu llum.

Il-gwerra ta' Putin kontra l-Ukrajna, pajjiż sovran, mhux biss mhijiex ġustifikata u provokata, iżda hija wkoll bla sens u illegali. Kien għalhekk li l-Parlament Ewropew wera s-solidarjetà tiegħu mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha. Fi spirtu ta' għaqda, aħna waqafna mal-Ukreni, li mhumiex qegħdin jiġġieldu biss għall-patrija tagħhom, iżda qegħdin jiġġieldu biex iżommu l-valuri li jirfdu l-istil ta' ħajja tagħna: il-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Fl-aktar stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru, ippubblikat ftit ġimgħat ilu, 59% tal-parteċipanti jqisu d-difiża tal-valuri tagħna bħala prijorità, avolja għandha riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja.

L-Unjoni Ewropea mal-kliem abbinat il-fatti. Iddefendejna l-valuri tagħna fejn kien l-aktar importanti.

Minn mindu faqqgħet il-gwerra, aktar minn terz tal-Ukreni kellhom jaħarbu minn darhom f'dik li llum hija l-akbar kriżi ta' persuni spostati fid-dinja. L-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħna fetħu l-fruntieri tagħhom u fetħu darhom u qalbhom għal aktar minn 5.5 miljun Ukren u Ukrena, fatt li jista' jiġi biss deskritt bħala att notevoli ta' solidarjetà u impenn f'kull livell tas-soċjetà.

Iżda komplejna ngħinu wkoll lill-Ukreni f'pajjiżhom. Minn mindu faqqgħet il-gwerra, il-bżonnijiet umanitarji fl-Ukrajna żdiedu sa livelli liema bħalhom. Waqt li qed nitkellem, aktar minn 15.7-il miljun Ukren u Ukrena jeħtieġu assistenza umanitarja. Il-gwerra li għaddejja bħalissa mhijiex biss tipperikola ħajjet iċ-ċivili iżda qed tħalli lil miljuni ta' nies mingħajr aċċess għall-bżonnijiet bażiċi. Il-ħsara li għamel Putin lid-djar, lill-provvisti tal-ilma u l-elettriku, lis-sistemi ta' tisħin u lill-infrastrutturi pubbliċi bħall-iskejjel u l-faċilitajiet tas-saħħa kienet inkwantifikabbli. Il-provvisti tal-ikel qed isiru skarsi. 

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea mmobilizzat ir-riżorsi kollha possibbli biex tippermetti li l-assistenza ta' emerġenza tasal fl-Ukrajna. Oġġetti bħal provvisti mediċi u strutturi ta' kenn kif ukoll vetturi u tagħmir tal-enerġija ġew – u għadhom qed jiġu – kkonsenjati lill-Ukrajna direttament u permezz ta' ċentri loġisitiċi stabbiliti fl-Istati Membri tagħna. Mill-bidu ta' Lulju, kważi 45,000 tunnellata ta' assistenza in natura ġew ikkonsenjati permezz taċ-ċentri loġisitiċi.

Minn mindu faqqgħet il-gwerra, il-pajjiżi tal-UE biss biss immobilizzaw kważi €950 miljun f'assistenza umanitarja. L-Unjoni Ewropea speċifikament allokat €348 miljun fi programmi ta' għajnuna umanitarja biex tgħin liċ-ċivili li ntlaqtu mill-gwerra. L-aħħar statistika turi li aktar minn 8.9 miljun ruħ irċevew assistenza alimentari, filwaqt li kważi 2.9 miljun ruħ ibbenefikaw minn interventi jew provvisti fil-qasam tas-saħħa. Barra minn dan, aktar minn miljun ruħ ingħataw assistenza permezz ta' servizzi ta' protezzjoni kritika, filwaqt li 'l fuq minn 4 miljun ruħ issa għandhom aċċess għall-ilma nadif.

U dan ma jinkludix l-appoġġ kollu li jagħtu l-gruppi reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi, li nafu li taw kontributi enormi pereżempju billi kkoordinaw kampanji ta' ġbir ta' fondi u ta' donazzjonijiet. F'isem il-Parlament Ewropew, iżda wkoll fil-kapaċità personali tiegħi, nirringrazzjakom għas-servizz tagħkom. 

Għeżież Ewropej, Ewropa magħquda hekk tfisser. Istituzzjonijiet tal-UE, Stati Membri, organizzazzjonijiet u ċittadini li lkoll jaħdmu flimkien biex iħarsu dak li ngħożżu: Ewropa paċifika, ħielsa u demokratika. U din it-turija ta' għaqda u koordinament għal darb'oħra tixhed ir-raġuni għaliex id-djalogu fl-ambitu tal-Artikolu 17 huwa tant importanti. Ippermettuli naċċertakom li l-idejn li jinsab fihom dan il-forum altru jekk humiex kapaċi, issa li l-kollega u ħabib tiegħi, Othmar Karas, qed jassumi r-responsabbiltà li jmexxih għat-tieni darba. M'għandi l-ebda dubju li f'isem il-Parlament Ewropew, Othmar se jkompli jsaħħaħ dan id-djalogu importanti bil-għan li jgħin biex l-istituzzjoni tagħna tersaq eqreb lejn il-bżonnijiet taċ-ċittadini u dan, fl-aħħar mill-aħħar, se jagħmel l-Ewropa tagħna aktar magħquda.

Grazzi.