Il-Parlament Ewropew isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Forzi Demokratiċi tal-Belarus 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kap tal-Kabinett Magħqud Transitorju tal-Belarus Sviatlana Tsikhanouskaya jiffirmaw Ittra li permezz tagħha se jsaħħu l-koperazzjoni.

F’ċerimonja li saret illum fl-Uffiċċju ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew tal-Belt Valletta, il-President tal-Parlament Ewropew u Sviatlana Tsikhanouskaya, Kap tal-Kabinett ta’ Tranżizzjoni Unit tal-Belarussja, iffirmaw ittra ta’ intenzjoni, li turi l-impenn qawwi tal-Parlament biex isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-forzi demokratiċi tal-Belarussja.
 
F’din l-okkażjoni, il-President Metsola qalet: “Dan huwa sinjal b’saħħtu li juri li l-Parlament huwa ddeterminat li jsaħħaħ ir-rabtiet ta’ bejnietna, li juri l-appoġġ tagħna lill-forzi demokratiċi u lis-soċjetà ċivili tal-Belarussja, fil-ġlieda tagħhom għal pajjiż liberu, indipendenti u demokratiku.”
 
Qabel iċ-ċerimonja, il-President Metsola u Svetlana Tsikhanouskaya kellhom laqgħa bilaterali li fiha ddiskutew il-bżonn urġenti li d-dinja demokratika tadotta pożizzjoni soda u ta’ solidarjetà mal-forzi demokratiċi tal-Belarussja.
 
“Il-Belarussja mhijiex se ssir ir-rokna minsija tal-Ewropa,” sostniet il-President Metsola.
 
Fl-intervent tagħha, Sviatlana Tsikhanouskaya rringrazzjat lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u lill-Membri tal-Parlament Ewropew talli offrew appoġġ prattiku u mfassal apposta lis-soċjetà ċivili u lill-forzi demokratiċi tal-Belarussja.
 
Iż-żewġ mexxejja għamlu appell biex il-priġunieri politiċi kollha fir-Russja jinħelsu immedjatament.