Flimkien għamilna passi kbar 'il quddiem - il-President Metsola tiċċelebra 20 sena ta' Malta fl-UE 

 

Illum, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet Malta biex tiċċelebra l-20 sena ta' sħubija fl-Unjoni Ewropea. Hi u tindirizza attività organizzata mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta, il-President Metsola inkoraġġiet in-nies biex isemmgħu l-vuċi tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa u ta' Malta fiha.

Bonġu lil kulħadd.

Bħala President tal-Parlament Ewropew, niġi mistiedna nitkellem f’kull xorta ta’ avvenimenti. Imma ppermettuli ngħidilkom li ftit minnhom jagħtuni daqstant ferħ u sodisfazzjon bħal dan f’Ta’Qali f’festa pubblika l-ġmiel tagħha li fih nara tant nies, tant tfal, igawdu minn dak li l-20 sena ta’ Malta membru tal-Unjoni Ewropea ġabu lil dan il-pajjiż.

Nirringrazzja b’mod partikolari lil kull min hu wara s-suċċess ta’ din il-Fiera Ewropea.

Meta naħseb fil-vjaġġ li għamlet Malta fl-Unjoni Ewropea dejjem jiġuni f’moħħi tifkiriet għeżież għalija. Il-karriera politika tiegħi bdiet matul dik li konna nsejħu l-kampanja tal-“iva”. Niftakar li meta kont studenta kelli mmur nitkellem ma’ tant nies – nipprova nikkonvinċi lil tant nies – dwar dak li s-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet tfisser għal Malta. U x’kienet tfisser għall-Ewropa.  

Għoxrin sena wara, nistgħu ngħidu li fissret ħafna. 

Ir-rwol kruċjali li kellha l-Ewropa biex tattira lejn Malta ċittadini ta’ tant Stati Membri oħra għen biex Malta u Għawdex tpoġġew fuq il-mappa Ewropea u tad-dinja. Huwa bis-saħħa tal-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-UE li l-ekonomija ta’ Malta mas-snin kibret esponenzjalment. Huwa bis-saħħa tal-investimenti Ewropej li l-Belt Valletta, bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, għadha tattira t-talent kulturali mill-Unjoni kollha. U huwa bis-saħħa tal-Erasmus, il-programm għall-edukazzjoni li prattikament huwa sinonimu mal-Ewropej tal-ġenerazzjoni tiegħi, li l-istudenti u ż-żgħażagħ jistgħu jgawdu minn tant vantaġġi tal-Ewropa f’Malta u barra minnha. Imxejna triq twila flimkien.

Tant twila li prattikament tlift il-kont tal-mijiet ta’ stejjer li qawwuli qalbi u li smajt minn ħafna minnkom fl-Ewropa kollha li għażiltu lil Malta u Għawdex bħala darkom. Ta’ wliedkom li jiġu lura d-dar b’xi kelma Maltija tiżdied mal-vokabularju tagħhom, tal-kontributi konkreti li tagħtu lill-ħajja, lin-negozju, lis-soċjetà u lill-kultura ta’ Malta. Għalhekk, ikun xi jkun l-Istat Membru minn fejn tiġu, irridkom tkunu tafu kemm aħna grati li qegħdin hawn. 

Malta hija l-Ewropa u għandkom kull dritt tqisu lil Malta bħala darkom. 

Dak ifisser li għandkom ukoll id-dritt li ssemmgħu leħinkom dwar il-futur tal-Ewropa u l-futur ta’ Malta fi ħdanha. Jien kburija b’dak kollu li għamel il-Parlament Ewropew f’dawn l-aħħar ħames snin biex jagħmel ħajjet iċ-ċittadini ftit aktar sikura, ftit aktar ugwali u ftit aktar prospera. Imma l-Unjoni Ewropea mhijiex perfetta u għad fadal ħafna xogħol xi jsir.

F’Malta u Għawdex se nivvutaw nhar is-Sibt 8 ta’ Ġunju biex neleġġu 6 Membri tal-Parlament Ewropew li se jirrappreżentaw l-interessi tan-nies f’dawn il-gżejjer. Bħala ċittadini tal-UE, irrid nisħaq fuq il-fatt li għandkom id-dritt li tivvutaw. Il-Membri Maltin tal-PE jistgħu jirrappreżentawkom, kif fil-fatt jagħmlu. U jekk għandkom xi mistoqsija dwar dan, inħeġġiġkom tagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet, li jkunu jistgħu jagħtukom aktar tagħrif. Għaliex, fi kwalunkwe każ, fid-9 ta’ Ġunju, se jiġu eletti 6 Membri tal-Parlament Ewropew. Jekk dawn il-Membri jemmnux f’dak li temmnu intom, jekk fehmiethom jirrappreżentawx fehmietkom, dan kollu jiddependi minnkom. 

Grazzi.