Il-kuraġġ u s-saħħa tal-Ukrajna juru xi tfisser li tkun Ewropew - il-President Metsola tindirizza l-Verkhovna Rada 

 

F’Jum l-Ewropa, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kienet Kiev biex tiċċelebra l-valuri tal-paċi u l-għaqda mal-poplu tal-Ukrajna. Fl-indirizz tagħha lill-Verkhovna Rada, il-President Metsola tenniet l-appoġġ tal-Parlament għall-futur Ewropew tal-Ukrajna.

Sur President, għażiż Ruslan,
Għeżież membri tal-Verkhovna Rada,
Għeżież ħbieb, 
Għeżież Ewropej,

L-Unjoni Ewropea hija proġett politiku msawwar fil-kriżijiet. Hija proġett ta’ tama, ta’ libertà u ta’ demokrazija. Huma dawn il-valuri li l-Ukrajna qiegħda tiddefendi fil-kamp tal-battalja. L-UE hija proġett li minnu l-Ukrajna għandha tifforma parti. Proġett li jsir aktar b’saħħtu bl-Ukrajna fi ħdanu. 

U dak huwa l-objettiv li l-Parlament Ewropew se jkompli jappoġġja. 

Sinjuri, 

Meta tkellimt l-ewwel darba f’dan il-Parlament straordinarju ta’ eroj, sħaqt fuq il-fatt li l-futur tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea. Dan intennih illum ukoll. Konna magħkom dakinhar, qegħdin magħkom issa u se nkunu magħkom sakemm ikun hemm bżonn.

Dik hi l-aqwa risposta li d-dinja tista’ tagħti lill-aggressjoni kostanti tar-Russja. L-Ukrajna għamlet l-għażla Ewropea tagħha u l-Ewropa għamlet l-għażla Ukrena tagħha. U kull 9 ta’ Mejju se niċċelebraw flimkien din ir-rebħa ta’ vera. Illum.

Proprju llum, niċċelebraw l-Ewropa. U m’hemmx post aħjar jew aktar sinifikanti biex niċċelebraw minn hawn, fejn l-ispirtu tal-Ewropa huwa preżenti fil-bliet tagħkom, fl-irħula tagħkom u minqux fil-kuraġġ tal-poplu tagħkom. 

Ir-reżistenza tal-Ukrajna, il-kuraġġ tagħkom, il-forza tagħkom, jinkarnaw xi tfisser li tkun Ewropew.  Ninsab grata immens li rġajt qiegħda magħkom f’Kiev. 

Għaddew 806 ijiem minn mindu r-Russja bdiet il-gwerra illegali, inġustifikata u brutali tagħha kontra pajjiżkom. Bilkemm flaħna narawhom dawk ix-xeni ta’ qerda u tal-ħajja li tilfu dawk l-innoċenti kollha. Imma l-Ewropa u d-dinja ilhom ukoll 806 ijiem jaraw il-kuraġġ, ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħkom biex timbuttaw lura lill-aggressur. Kif jgħidu: huwa fl-aktar żminijiet mudlama li d-dawl tal-forza tagħna jiddi l-aktar.

Għeżież ħbieb, 

Meta l-Ewropa u d-dinja jaħsbu fl-Ukrajna, jiġuhom f’moħħhom l-eroj li jiġġieldu kontra kull diffikultà, bħal David u Gulija. Xogħli hu li ngħinkom terġgħu ssibu l-bilanċ bejn dawk id-diffikultajiet. L-Ewropa se tkompli tagħmel il-parti tagħha f’dan ir-rigward. 

Ġejt l-ewwel darba Kiev fl-1 ta’ April 2022, dakinhar li lliberajtu lill-belt ta’ Bucha. Qatt m’jien se ninsa x-xena, il-waħx li skoprejna flimkien. Iżda qatt m’jien se ninsa wkoll dawk iċ-ċittadini ordinarji kollha li saru eroj, jissugraw ħajjithom biex jgħinu lil min kien fil-bżonn, jibnu mill-ġdid dak li nqered u jiddefendu l-valuri li jagħmluna lkoll Ewropej.  

Nifhmu s-sagrifiċċju li qegħdin tagħmlu mhux biss biex tiddefendu djarkom, it-territorju tagħkom u l-poplu tagħkom, iżda wkoll biex tipproteġu l-libertà, id-dinjità u l-valuri kollha li huma l-essenza ta’ xi tfisser li tkun Ewropew. 

Għalhekk, l-aħħar darba li kont preżenti f’din il-Kamra, kont wegħidtkom tliet affarijiet, u b’wiċċi minn quddiem ngħid li l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew żammew kelmthom.

F’dawn l-aħħar sentejn, konna determinati u żammejna sod kontra t-tattika intimidatorja ta’ Putin, u qtajna d-dipendenzi tagħna mir-Russja. Adottajna 13-il pakkett ta’ sanzjonijiet ħorox kontra Putin u l-alleati tiegħu, u qegħdin naħdmu fuq l-14-il pakkett, li jfisser li l-assi Russi fl-UE, tal-valur ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ euro, issa huma ffriżati. 

Wegħidtkom li l-Ewropa kienet se tiftaħ il-fruntieri tagħha, djarha u qalbha għall-familji tagħkom, għal uliedkom, għall-għeżież tagħkom, li ma kellhomx triq oħra ħlief jaħarbu minn darhom. Illum, l-Ukreni qegħdin jibnu ħajjithom u jaqilgħu l-għajxien tagħhom bl-aċċess għall-impjiegi, għad-djar, għall-assistenza tas-saħħa, għall-appoġġ soċjali u għall-edukazzjoni fl-UE, filwaqt li ħafna qed imorru lura pajjiżhom. Għedna li konna se ngħinukom tibnu mill-ġdid il-bliet u l-irħula tagħkom. L-adozzjoni tal-Faċilità għall-Ukrajna, tal-valur ta’ EUR 50 biljun, hija l-aktar appoġġ konkret reċenti tagħna għal dan l-għan. 

Għedtilkom ukoll li stajtu sserrħu raskom minni u mill-Parlament Ewropew biex jiġu rikonoxxuti l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukrajna u biex nagħtukom l-appoġġ fil-progress li tagħmlu f’dik li hi l-integrazzjoni ta’ pajjiżkom fl-UE. U fuq dan il-punt, ippermettuli ngħid, u aħna kburin ħafna b’dan, li kien il-Parlament Ewropew l-ewwel istituzzjoni tal-UE li ppromoviet il-fatt li l-Ukrajna tingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat u li jinbdew in-negozjati ta’ adeżjoni s-sena li għaddiet. Mal-ewwel fhimna li dan kien jirrigwarda kemm l-istabbiltà tal-Ukrajna daqs kemm kien jirrigwarda t-tisħiħ tal-UE kollha kemm hi. Jagħmel sens mil-lat politiku, ekonomiku, soċjali, ġeografiku u strateġiku. U għalhekk il-Parlament Ewropew mhux se jegħja qatt milli jtenni li post l-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea, bir-ritmu tagħha, billi ssegwi l-perkors tagħha, iżda b’destinazzjoni ċara ferm. 

Sur President, għażiż Ruslan, l-aħħar darba li ltqajna konna ffirmajna Memorandum ta’ Qbil imġedded li jikkonferma r-rabtiet b’saħħithom u uniċi bejn iż-żewġ parlamenti. B’hekk, il-Parlament Ewropew kompla jagħti appoġġ konkret lill-Verkhovna Rada anki permezz ta’ rappreżentanza tal-Parlament Ewropew f’Kiev, li se tiftaħ f’qasir żmien.

Disat ijiem ilu, iċċelebrajna l-20 anniversarju tal-akbar tkabbir tal-UE fl-istorja tal-Unjoni Ewropea. Bħala mara li ġejja minn wieħed minn dawk l-10 pajjiżi, li tiftakar sewwa r-riformi mirquma u t-tul tal-proċess ta’ integrazzjoni, nista’ ngħidilkom li mhijiex se tkun faċli. Iżda jiena fiduċjuża li bl-impenn li turu u bir-ritmu rekord li mixjin bih, naf li se niċċelebraw flimkien l-istess anniversarju importanti tal-adeżjoni sħiħa tal-Ukrajna mal-UE. 

Għeżież ħbieb,

Huwa minnu li l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE diġà taw ħafna assistenza politika, finanzjarja, militari u umanitarja, iżda huwa minnu wkoll li għad fadal aktar xi jsir. F’din il-fażi kritika tal-gwerra, l-appoġġ internazzjonali lill-Ukrajna jrid ikompli, u jrid jiżdied. Ir-Russja mhi qed turi l-ebda sinjal li qiegħda tbatti, u lanqas aħna ma nistgħu. Ir-Russja se tkompli tagħmel dak li qiegħda tagħmel. U l-Ewropa jeħtiġilha tkun lesta tirrispondi bl-istess livell ta’ theddid tal-Kremlin. U hekk se nagħmlu, ċerta minn dan. 

Il-Kremlin irid futur differenti mill-futur li trid l-Ukrajna fl-Ewropa. Ir-Russja tara dinja fejn l-istorja tista’ tinkiteb mill-ġdid, fejn għal darb’oħra jeżistu sferi ta’ influwenza, fejn jingħalqu l-purtieri tal-ħadid, fejn jirbaħ min hu l-aktar b’saħħtu u fejn il-libertà u d-dinjità personali jiġu mċaħħda. B’azzjonijietha, huwa ċar li r-Russja tridna nerġgħu lura għal passat li konna rfajna għall-kotba tal-istorja. Passat li fih l-integrità ġeografika tal-Ewropa u l-libertà tal-Ewropa li tagħżel ma’ min tikkoopera u kif tintegra huma kkontestati. Għar-Russja, l-għedewwa veri huma d-demokrazija, il-libertà u l-verità. Dan hu passat li ma nistgħu qatt nerġgħu lura għalih. Qatt. Minkejja dan, qed nissugraw li nerġgħu lura għal dan il-passat. 

Għalhekk hemm bżonn li nqawwu d-determinazzjoni tagħna biex inġibu lura kull tifel u tifla tal-Ukrajna fil-familji tagħhom u fi djarhom. Għalhekk hemm bżonn nagħmlu aktar biex nipparalizzaw il-magna tal-gwerra ta’ Putin billi nagħlqu kull lakuna li fadal fir-reġim ta’ sanzjonijiet tagħna. U għalhekk hemm bżonn li nintensifikaw il-forniment ta’ tagħmir u sistemi ta’ difiża li teħtieġu. Għax, waħedha, il-qlubija mhijiex biżżejjed, u l-kuraġġ ma jistax ikun l-unika strateġija ta’ difiża tagħna. 

Ejjew inkunu ċari: l-Ewropa dejjem se tiddefendi l-paċi. Dejjem. Paċi reali b’dinjità, b’integrità, b’libertà u b’sovranità territorjali. Nafu li ma jista’ jeżisti qatt xejn relatat mal-Ukrajna, mingħajr l-Ukrajna. Qabel semmejt il-bżonn li t-tfal Ukreni jerġgħu lura d-dar; flimkien ma’ dan hemm bżonn li ssir enfasi urġenti fuq is-sigurtà tal-ikel u tal-impjanti nukleari. Dawn huma l-pedamenti tal-umanità. 

Iżda hemm bżonn ukoll li nkunu ċari dwar liema tip ta’ paċi qegħdin nitkellmu. Kif darba qal il-Kanċillier Scholz: “Il-paċi mingħajr il-libertà jisimha oppressjoni. Il-paċi mingħajr il-ġustizzja jisimha dittatura”. Dan hu l-appell li tagħmel l-Ewropa biex niddefendu l-paċi reali f’dan il-kontinent. U jeħtiġilna nirrispondu għal dan l-appell.

Għeżież ħbieb,

Fi żmien xahar, it-tiġdid tal-istituzzjoni li għandi r-responsabbiltà li nkun il-president tagħha se jkun diġà beda ġmielu hekk kif l-aħħar votanti fost l-400 miljun ċittadin fl-Unjoni Ewropea se jkunu qed jivvutaw biex jeleġġu Parlament Ewropew ġdid. F’dawn l-aħħar xhur, żort bosta Stati Membri, flimkien mal-kollegi tiegħi, biex nitkellem man-nies, speċjalment maż-żgħażagħ, ħalli nikkonvinċihom ma jgħodduhiex fatta d-demokrazija u nħeġġiġhom imorru jivvutaw. 

Mhijiex biċċa xogħol faċli, u ssir saħansitra aktar diffiċli f’ħafna Stati Membri fejn jiġu promossi d-diżinformazzjoni, il-miżinformazzjoni u l-propaganda li jkunu ġejjin minn atturi li, fl-apert jew bil-moħbi, huma ostili għall-proġett Ewropew. Atturi li speċifikament jimmiraw lejn setturi differenti fis-soċjetà u fil-komunitajiet tagħna u jbigħu narrattivi foloz dwar l-Ewropa b’tali mod u manjiera li qatt ma rajna fl-elezzjonijiet Ewropej preċedenti. Huwa fenomenu li naf li pajjiżkom u l-istituzzjoni tagħkom jafu sewwa, fenomenu li ċerta li dwaru l-Parlament tagħna u dawk fl-Unjoni Ewropea kollha għandhom ħafna x’jitgħallmu minnkom biex niġġilduh.

Dan kollu għamel xogħolna li nwasslu l-messaġġ Ewropew saħansitra aktar essenzjali. Iżda issa ma’ dak li għadni kemm għedt nixtieq inżid każ reali. Nista’ ngħidilkom li f’kull belt jew raħal li żort, in-nies, kemm żgħar kif ukoll kbar, ilkoll staqsewni dwar ir-risposta tal-Ewropa lill-Ukrajna. U fl-aħħar stħarriġ li għamel il-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini għadhom juru l-appoġġ qawwi ħafna tagħhom. 

Għalhekk nibqa’ konvinta li, ix-xahar id-dieħel, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea se jagħtu lura Parlament b’saħħtu li jkun determinat li jibqa’ jieqaf magħkom. 

Skont kliem l-innu tagħkom: 

Il-glorja u l-libertà tal-Ukrajna għadhom ma mitux.
  
Shche ne vmerla Ukrayiny, ni slava, ni volya.

Viva d-demokrazija.
Viva l-libertà.
Viva l-Ewropa.
Slava Ukraini.