Invest EU funds in our workers - President Metsola marks Workers' Day 

 

Addressing a conference marking International Workers' Day, the President of the European Parliament Roberta Metsola said that the European Parliament led in taking action for increased workers' rights, social protection and equality.

Sinjuri,

Grazzi ħafna tal-istedina tagħkom biex nindirizza din il-konferenza annwali lejliet ġurnata importanti għalina l-Ewropej. 

Għada nfakkru Jum il-Ħaddiem kif ukoll l-20 anniversarju mis-sħubija ta’ Malta u disa’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. 

Dakinhar, 20 sena ilu konna qed naraw li s-sħubija se tgħin lill-ħaddiema u lil pajjiżna fil-mixja tagħna ‘l quddiem b’aktar opportunitajiet fosthom ta’ taħriġ u xogħol, żieda fl-investiment privat lokali u barrani li jwasslu għal aktar impjiegi, u spinta qawwija lil proġetti soċjali, ambjentali u infrastrutturali. It-tama tagħna kienet li dan kollu jissarraf f’opportunitajiet aħjar. L-ebda triq ma hi għal wita imma meta nħarsu lejn dawn l-20 sena żgur li nistgħu nikkonkludu li dik kienet id-deċiżjoni t-tajba. 

Jekk inħarsu biss lejn l-isfidi li għaddiet minnhom l-Ewropa u d-dinja fl-aħħar ftit snin u xhur nirrealizzaw li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea serviet ta’ ġid għall-ħaddiema. B’għaqal għelibna l-kriżi finanzjarja. Ħabbatna wiċċna ma’ pandemija li ħolqot problemi ekonomiċi u soċjali, imma li l-Unjoni Ewropea għenet lil kull pajjiż. Għaddejna mill-Brexit. U filwaqt li kien qiegħed isir dan kollu fil-Parlament Ewropew konna qed niddiskutu u napprovaw liġijiet soċjali biex per eżempju jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema, il-work life balance, b’aktar leave għall-ġenituri. Approvajna wkoll liġi li tassigura li n-nisa u l-irġiel jitħallsu l-istess għall-istess xogħol, introduċejna disability card li tkun rikonoxxuta f’kull pajjiż membru. Approvajna wkoll fondi biex il-pajjiżi Ewropej iwettqu inizjattivi ambjentali u jagħmlu bidliet biex tintuża aktar it-teknoloġija/

Il-Parlament Ewropew hu l-Parlament tagħna,. U għalhekk ma jaħdimx f’iżolament. L-eżempji li semmejt ta’ għajnuna finanzjarja u liġijiet soċjali jridu jiġu mħaddma tajba fuq livell nazzjonali, anki permezz ta’ djalogu soċjali reali u effettiv. 

Dan japplika kemm għall-istandards li rridu nilħqu kif ukoll għal mod kif jiġu investiti l-fondi Ewropej biex indawwru r-rota ekonomika u b’hekk tikber l-ekonomija għal kulħadd u bit-tkabbir ekonomiku titwettaq politika ta’ ġustizzja soċjali, li jgawdu minnha l-ħafna, li għandhom verament bżonn.

Għalija t-tkabbir ekonomiku u t-tħaddim tal-ġustizzja soċjali m’humiex miri astratti, imma għandhom ifissru bidla għall-aħjar fil-ħajja tal-ħaddiema u l-pensjonanti. 

Għandhom ifissru żieda fid-dħul tal-ħaddiema. It-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali  għandhom ifissru żieda fil-pensjonijiet għaliex ma jistax ikun li l-anzjani, wara li jkunu ħadmu għal tant snin, jispiċċaw f’sitwazzjoni fejn tonqsilhom il-kwalità tal-ħajja u ma jlaħħqux maż-żieda fil-prezzijiet. 

Hemm bżonn li ttittieħed azzjoni biex intejbu l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.

Għalhekk ġranet bħal dawn, fejn infakkru l-bżulija tal-ħaddiema u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea joffrulna opportunità biex mhux naqgħu fin-nostalġija tal-passat, imma biex nanalizzaw fejn qegħdin, kif se nkomplu ntejbu fuq dak li għamilna u aktar importanti x’se nagħmlu biex naslu fid-destinazzjoni li rridu. Jekk ħarsitna ma tkunx ‘il quddiem, naqgħu lura.

Fil-qasam ekonomiku nistgħu nibnu fuq dak li nbena tul is-snin - it-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, is-settur tal-avjazzjoni, l-industija tal-farmaċija, imma nafu wkoll li dinja ta’ għada se tkun differenti minn tal-bieraħ u anki minn tal-llum. Il-futur diġa beda. Il-futur ma tistax tifirdu mill-llum. Neħtieġu trasformazzjoni li għandha ġġib żieda fl-attivita’ ekonomika b’aktar opportunitajiet ta’ impjiegi.

It-transizzjoni diġitali, ambjentali, il-green transition, u transizzjoni fl-enerġija diġa bdiet, biex insemmi tliet eżempji. F’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġla, hemm bżonn li mhux biss nitkellmu dwar upskilling u reskilling, imma li naraw li jsiru korsijiet ta’ taħriġ li jwasslu għal dan. 
Illum qed jinħolqu impjiegi li l-edukazzjoni formali u t-taħriġ ta’ ftit tas-snin ilu ma kienux qed jipprevedi għalihom. Daqshekk hi mgħaġla r-rata ta’ tibdil. Xejn ħażin f’dan kollu, għaliex l-edukazzjoni  u t-taħriġ għandhom iservu biex  jiftħu l-aptit għal kisba ta’ aktar ħiliet.

L-intelliġenza artifiċjali, mhix żvilupp ta’ llum il-ġurnata imma r-rata ta’ tibdil li qed naraw u li se jkompli jikber se jkun wieħed qawwi. Dan se jkompli jġib bidla fis-suq tax-xogħol. F’dan il-qasam tal-IT u l-intelliġenza artifiċjali neħtieġu wkoll trasformazzjoni sħiħa. Hemm bżonn li l-ħaddiema u kull persuna jiġu mgħejuna jużaw l-IT f’kull aspett tal-ħajja, għaliex dawn għandhom impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna. 

Ħbieb,

Nemmen li bħalma fil-passat konna kapaċi nisfruttaw l-opportunitajiet ġodda, hekk ukoll nemmen li jekk nagħmlu t-trasformazzjoni li hemm bżonn se nkunu kapaċi nieħdu l-akbar vantaġġ mill-isfidi tal-bidla. Bidla li fl-aħħar mill-aħħar qed iġibha l-bniedem stess. 

Bit-trasformazzjoni li hemm bżonn issir, kapaċi jkollna ħaddiema aktar imħarrġa b’ħiliet differenti u għalhekk ikollna ekonomija u suq tax-xogħol li jwasslu għal aktar inklussivita’ u diversifikazzjoni ta’ impjiegi mħallsa tajba. Dawn iwasslu għal ħajja aħjar.

Hemm bżonn ikunu strateġiċi fl-għażliet u d-direzzjoni li nagħtu. Minn issa.
Hemm bżonn nantiċipaw il-bżonnijiet fis-suq tax-xogħol. Minn issa.
Hemm bżonn li nfasslu l-futur, anki dak li jista’ jidher imbiegħed. Minn issa.
Hemm bżonn li t-trasformazzjonijiet li jridu jsiru, jibdew jitwettqu. Minn issa.

Bidliet oħra jridu jitwettqu fl-edukazzjoni. Minn issa wkoll. L-edukazzjoni fl-iskejjel trid tipprepara lill-istudenti u liż-żgħażagħ għall-impjiegi li għandhom lanqas biss jeżistu. Dan jista’ jsir billi t-tfal jitħarrġu u jiżviluppaw aktar ħiliet, kif jaħsbu, kif janalizzaw u jevalwaw, kif ikunu ħassieba kritiċi, kif ikunu strateġiċi, kif jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fil-mument u fit-tul, kif ikunu kapaċi jaddattaw għal realitajiet ġodda – bi skills transfers, ikunu multi-taskers u jkunu multi-skilled. Irridu nimmiraw li jkollna ġenerazzjoni li tkun aktar kreattiva u innovattiva f’dak kollu li tagħmel. 

Hemm sfidi oħra li rridu nindirizzaw. Meta nitkellmu dwar il-prosperita’ tal-ħaddiema m’għandiex nillimitawha biss għal dik finanzjarja u ekonomika. Il-prosperita’ għandha tinkludi l-mod kif ngħixu, l-istil ta’ ħajja, l-ambjent ta’ madwarna, is-saħħa fiżika u mentali tagħna, il-mobilita’ f’pajjiżna – wasal iż-żmien li nibdew nitkellmu dwar il-mobbilta’ aktar milli dwar it-trasport, jew it-traffiku, biss. U mobilita’ b’aktar ħeffa, f’anqas żmien, b’mezzi differenti u b’sigurta’ sħiħa. Inqis li dawn huma oqsma li għandhom ukoll ikunu fil-qalba tad-diskussjoni tal-unions. Aħna lkoll policy makers, jista’ jkun li għandha rwoli differenti imma l-interess tagħna hu l-bniedem sħiħ. Ma nistgħux nifirdu s-saħħa mentali jew l-ambjent fiżiku mill-ekonomija. Ma nistgħux nifirdu l-mobilita’ mill-impjiegi. Dawn jiddependu minn xulxin. Hu b’hekk biss li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-popli tagħna. 

Qegħdin fil-politika biex infasslu l-ġejjieni, biex inwettqu inizjattivi li jkattru l-prosperita’, f’soċjeta’ inklussiva li tagħraf id-diversita’ u soċjeta’ ġusta fejn kulħadd jirnexxi. Dan hu l-impenn tiegħi li lesta nkompli niddiskuti flimkien magħkom. 

It-tama tagħna tibqa’ qawwija u tħeġġeġ aktar minn qatt qabel, għal ġid tal-ħaddiema kollha, għall-ġid tal-poplu.

Grazzi.