Funzjonijiet
Il-President tal-Parlament Ewropew
Il-President jippresjedi s-seduti plenarji tal-Parlament, il-Konferenza tal-Presidenti tal-gruppi politiċi u l-Bureau tal-Parlament (inklużi l-14-il Viċi President).
Il-President huwa responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament u, għal dan il-għan, jissorvelja l-attivitajiet kollha tal-Parlament u tal-korpi li jħaddan. Il-President jirrappreżenta lill-Parlament fil-materji ġuridiċi kollha.
Il-President jagħmel diskors lill-Kunsill Ewropew qabel kull waħda mil-laqgħat tiegħu u fih jesponi l-pożizzjoni tal-Parlament dwar is-suġġetti fuq l-aġenda fil-qafas ta' dibattitu mal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern.
Il-President jirrappreżenta lill-Parlament fir-relazzjonijiet internazzjonali u, b'rabta ma' dan, jagħmel żjarat uffiċjali fl-Unjoni Ewropea u barra minnha.
Il-President jiffirma l-baġit tal-UE wara l-vot tal-Parlament fit-tieni qari tiegħu. Matul il-proċedura, il-President jippresjedi d-delegazzjonijiet ta' konċiljazzjoni PE/Kunsill.
Il-President jista', skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni PE/Kunsill, jippresjedi l-kumitat ta' konċiljazzjoni PE/Kunsill. Flimkien mal-President fil-Kariga tal-Kunsill, il-President jiffirma l-atti leġiżlattivi kollha adottati b'kodeċiżjoni.
Meta ssir Konferenza Intergovernattiva għar-riforma tat-Trattati, il-President jieħu sehem fil-laqgħat tar-rappreżentanti tal-gvernijiet meta dawn jiġu organizzati f'livell ministerjali.