Roberta Metsola
Roberta Metsola ġiet eletta President tal-Parlament Ewropew f’Jannar 2022, meta saret l-iktar persuna ta’ età żgħira li qatt okkupat dan ir-rwol. F’Lulju 2024, reġgħet ġiet eletta biex tmexxi l-istituzzjoni għal mandat ieħor, u kienet biss it-tieni persuna u l-ewwel mara li qatt serviet bħala President għal żewġ mandati. Bħala l-kap tal-unika istituzzjoni Ewropea eletta direttament, il-President Metsola tkellmet diversi drabi u b’mod sod rigward l-appoġġ tal-Ewropa lill-Ukrajna, wara l-invażjoni brutali min-naħa tar-Russja. Fl-1 ta’ April 2022, saret l-ewwel President ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li żaret l-Ukrajna mill-bidu tal-gwerra. Bħala President tal-Parlament Ewropew, mexxiet riformi favur Parlament aktar modern, effiċjenti u responsabbli. Sa mill-bidu tal-mandat tagħha, il-President Metsola għamlitha wkoll prijorità li ma tillimitax ruħha għal Brussell u Strażburgu, u qed tagħmel dan billi żżur l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi kandidati, tiltaqa’ man-nies, iżżur l-iskejjel u twassal il-messaġġ tal-Ewropa lid-diversi bliet, irħula u villaġġi. Hija stiednet ukoll Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE fil-Parlament Ewropew biex jiddiskutu l-isfidi u l-opportunitajiet attwali għall-Unjoni, fl-ambitu tad-dibattiti “Din hija l-Ewropa”. Ġiet eletta fil-Parlament Ewropew għall-ewwel darba fl-2013 u b’hekk saret waħda mill-ewwel Membri nisa Maltin tal-Parlament Ewropew. Il-President Metsola reġgħet ġiet eletta fl-2014 u mbagħad fl-2019 u fl-2024. Fl-2020, ġiet eletta l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew u b’hekk saret l-ewwel persuna ta’ ċittadinanza Maltija li okkupat din il-kariga. Kienet responsabbli mir-relazzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-parlamenti nazzjonali u mill-parteċipazzjoni tal-Parlament fid-djalogu interreliġjuż u mhux konfessjonali (Artikolu 17 tat-TFUE).
Fil-Parlament Ewropew, il-President Metsola kienet Koordinatriċi tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, minn Jannar 2017 sal-2020. Fl-2019, il-President Metsola kienet ir-rapporteur tal-Parlament għar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX). Kienet ukoll koawtriċi tar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament dwar il-bżonn li l-ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea jiġu protetti mill-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika (SLAPP). Qabel ma ġiet eletta Membru tal-Parlament Ewropew, il-President Metsola ħadmet fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea u wara bħala l-konsulent legali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Fis-snin meta kienet studenta, ħadet sehem attiv fil-kampanja biex Malta ssir membru tal-Unjoni Ewropea u kellha rwol attiv f’diversi organizzazzjonijiet, fosthom bħala Segretarju Ġenerali tal-organizzazzjoni tal-Istudenti Demokratiċi Ewropej bejn l-2002 u l-2003. Il-President Metsola tħoss li r-referendum dwar l-adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea kien il-katalist għall-karriera politika tagħha f’età tant żgħira. Il-professjoni tagħha hija ta’ avukat, bi speċjalizzazzjoni fil-liġijiet u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. Ħadet sehem fi skambju ERASMUS fi Franza u ggradwat mill-Università ta’ Malta u mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges. Roberta Metsola twieldet fl-1979, miżżewġa lil Ukko Metsola u hija omm ta’ erba’ subien.