Illum, il-Parlament Ewropew iċċelebra 70 sena. Fid-diskors tagħha waqt ċerimonja speċjali fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ddeskriviet l-Ewropa bħala t-tweġiba għall-mistoqsijiet tan-nies. “Tissimbolizza t-tama u l-kuraġġ.”
Prim Ministri, Speakers u Presidenti tal-parlamenti nazzjonali, Għeżież kollegi,
Fl-1952, hawnhekk fi Strażburgu, Paul-Henri Spaak ippresjeda l-ftuħ tal-ewwel sessjoni li qatt saret tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Kienet il-punt tat-tluq tal-attività plenarja ta' din l-istituzzjoni.
F'70 sena, l-Assemblea kibret u kompliet tiżviluppa. Fl-1962, bidlet isimha u saret il-"Parlament Ewropew". Fl-1973, fetaħ l-ewwel emiċiklu istituzzjonali tiegħu fil-Lussemburgu, fejn għad hemm ħafna membri tal-persunal. Maż-żmien, l-attività tal-kumitati parlamentari u tal-gruppi politiċi kibret fi Brussell, hekk kif iż-żieda fis-setgħat ġabet magħha r-responsabbiltà li jiġi eżerċitat iżjed skrutinju fuq l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
Din l-istituzzjoni tinkarna r-rikonċiljazzjoni Ewropea. Huwa importanti li llum ninsabu hawn fl-Alsace bħala simbolu ħaj tat-triq twila li għamilna. Is-simboliżmu huwa importanti imma din il-Kamra tirrappreżenta ħafna iktar.
Mas-snin, trattati konsekuttivi ppermettew lid-dar tad-demokrazija tagħna tiżviluppa f'forum b'saħħtu, indipendenti u politiku, b'setgħat koleġiżlattivi u baġitarji li jħallu impatt fuq miljuni ta' ċittadini Ewropej. Dan jipproteġi l-aqwa interessi taċ-ċittadini. Dan jirrifletti u jamplifika l-vuċi ta' 500 miljun ruħ.
Illum, il-Parlament Ewropew sar l-uniku parlament tranżnazzjonali elett direttament, multilingwi u multipartitiku fid-dinja.
Is-705 membri eletti direttament tiegħu huma l-espressjoni tal-opinjoni pubblika Ewropea.
Fl-Ukrajna għaddejja gwerra illegali li teqred, toqtol u ddgħajjef ir-rieda politika tal-poplu. Għaldaqstant, b'hekk nerġgħu niftakru fl-importanza li niddefendu l-vuċi demokratika taċ-ċittadini u l-valuri demokratiċi Ewropej li din il-Kamra tirrappreżenta.
U għalhekk huwa importanti li niċċelebraw is-70 anniversarju tal-Parlament Ewropew.
Huwa importanti li nieqfu u nirriflettu fuq dak li ksibna. Ksibna li l-Ewropej fittxew u sabu kompromess u ngħaqdu sabiex flimkien jadottaw aġenda komuni għall-ġid tagħna lkoll.
Ksibna li l-ispazju komuni tagħna għamilnieh ftit iktar sigur, ftit iktar ġust u ftit iktar ugwali.
Ksibna l-ħolqien ta' unjoni ta' drittijiet, ta' valuri, ta' solidarjetà, ta' ugwaljanza, ta' paċi – ta' tama.
Mill-irmied tal-gwerra, sibna l-għerf, il-kuraġġ u l-umanità li nagħżlu li nkunu magħqudin, li nħottu l-ħitan u ngħaqqdu l-popli u n-nazzjonijiet. Flimkien nistgħu nkomplu l-missjoni tagħna biex nindirizzaw l-inugwaljanzi ġenerazzjonali, niġġieldu kontra l-faqar paralizzanti, inżommu lilna nfusna 'l bogħod mill-periklu u niżguraw is-sigurtà tagħna, niżguraw l-ugwaljanza tal-opportunitajiet, niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, niddefendu n-nisa, nuru lill-komunità LGBTIQ li din tassew hija żona ħielsa, noħolqu qafas għall-prosperità u għat-tkabbir ekonomiku, negħlbu t-tibdil fil-klima, nikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi – biex niżguraw dinjità għal kulħadd.
M'iniex hawn biex ngħid li aħna perfetti, li m'aħniex. Il-proċeduri tagħna xi kultant iqanqlu frustrazzjoni. Il-progress mhux dejjem isir biżżejjed malajr, jew b'biżżejjed intensità jew b'biżżejjed faċilità.
Jeħtiġilna nkomplu nagħmlu riformi u nagħmlu pressjoni favur tibdil pożittiv, ġurnata wara l-oħra.
Iżda jiena kburija b'dak li ksibna, bl-istil tagħna, bl-Ewropa li hija fanal tad-difiża tad-demokrazija. Bil-mod kif qatt ma konna indifferenti. Bil-mod kif qatt ma ħarisna band'oħra.
Ħbieb, l-Ewropa hija t-tweġiba għal tant mistoqsijiet li jsirulna mill-popli tagħna. Hija stil ta' ħajja u mod ta' kif ngħixu.
Mhux b'kumbinazzjoni li l-bandiera tal-UE ttellgħet fuq Kherson wara tant xhur ta' okkupazzjoni brutali. Ittellgħet għax hija simbolu ta' tama, ta' kuraġġ u ta' fiduċja.
Dan hu l-wirt tal-Ewropa. Il-wirt ta' din il-Kamra. Il-wirt li ħallewlna dawn l-aħħar 70 sena.
Huwa f'din il-kapaċità li l-Membri ta' dan il-Parlament – li għandi l-unur nippresjedi – jiltaqgħu biex jivvutaw demokratikament kull xahar fi Strażburgu.
Huwa għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li dan il-parlament huwa fuq quddiem nett fil-ġlieda tal-popli ġirien li qegħdin jissieltu għad-demokrazija.
U biex nonoraw il-bżonnijiet li għandhom bħalissa ċ-ċittadini Ewropej tagħna, li ntlaqtu b'mod iebes mill-inflazzjoni u mill-għoli tal-ħajja, se nkomplu nfittxu – ripetutament – soluzzjonijiet għall-isfidi komuni tagħna.