L-Ewropa sserraħ fuq il-Latvja, bħalma l-Latvja tista' serraħ fuqna  

 

L-Ewropa sserraħ fuq il-Latvja, bħalma l-Latvja tista' serraħ fuqna  

Strasburgu  
 
 

Hi u tilqa' lill-President tal-Latvja Egils Levits fil-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Latvja hi simbolu ta' tama, ta' trasformazzjoni, tal-kapaċità ta' nazzjon li jinħeles mill-awtoritarjaniżmu. Iż-żewġ Presidenti kkonfermaw l-appoġġ sħiħ lill-Ukrajna.

       

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tilqa' lill-President tal-Latvja Egils Levits
fil-Parlament Ewropew fi Strażburgu

Għeżież kollegi, 

Illum, huwa ta' pjaċir għalina nilqgħu fostna lill-President tal-Latvja: Egils Levits.

President Levits, aħna onorati li se tindirizza lid-Dar tad-Demokrazija Ewropea ftit żmien qabel l-anniversarju tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna.  

Mill-24 ta' Frar 2022, il-ġurnata li fiha r-reġim ta' Putin attakka illegalment u brutalment lill-Ukrajna, Stat sovran, il-Latvja kienet fuq quddiem nett biex issawwar il-politika tal-UE u wriet appoġġ sod għall-kawża Ukrena u solidarjetà mal-poplu Ukren.

M'hemmx dubju li d-dinja nbidlet wara 356 jum ta' gwerra fil-kontinent tagħna.

U ninsab kuntenta li, matul dan il-perjodu ta' bidla, l-Unjoni Ewropea tista' sserraħ moħħha minn membri bħal-Latvja. Il-Latvja, min-naħa tagħha, tista' sserraħ fuq l-Unjoni Ewropea wkoll. 

Nafu li flimkien l-Unjoni Ewropea se tibni Unjoni tassew ta' sigurtà u difiża.

President Levits, pajjiżek jaf sewwa, kif taf inti stess, xi jfisser li tkun taħt pressjoni politika minn reġim awtoritarju oppressiv.

L-Unjoni Ewropea tagħna trid tibqa' l-garanzija li dak li ġara fl-imgħoddi ma jkun jista' qatt jerġa' jiġri fil-ġejjieni. Il-ġenerazzjoni preċedenti ħattet ħitan u ċarrtet purtieri fl-isem tal-libertà u tad-demokrazija. Dan hu dak li wirtet l-Ewropa u issa sta għalina nippreservawh.

Il-Latvja hija simbolu ta' tama, ta' trasformazzjoni u hija prova ħajja ta' poplu u tal-kapaċità ta' nazzjon li jegħleb id-diffikultajiet, li jinħeles mill-awtoritariżmu u jingħaqad ma' Unjoni bbażata fuq valuri komuni ta' ġustizzja, libertà u demokrazija. 

L-għaqda Ewropea għandha toħroġ rebbieħa.

Għaliex l-għaqda biss se tippermetti lill-Ewropa tilqa' l-isfidi ta' żmienna. 

President Levits, nagħtik il-kelma.