L-Ewropa hi tama u opportunità  

 

L-Ewropa hi tama u opportunità  

Brussell  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet aktar minn 1,200 żagħżugħ u żagħżugħa fil-Parlament Ewropew, u ndirizzat l-attività Level Up organizzata mill-Forum taż-Żgħażagħ Ewropew. Fid-diskors tagħha, hi nkoraġġiet iż-żgħażagħ mill-Ewropa kollha biex imexxu l-kelma tal-Ewropa kull fejn ikunu.

       

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola maż-żgħażagħ
waqt l-avveniment Level Up! fil-Parlament Ewropew fi Brussell

Bonġu,

Qed nieħu gost narakom hawnhekk, daqstant numerużi. Merħba bikom fil-Parlament Ewropew. Huwa tassew pjaċir għalija li nkun nista' nilqagħkom f'din il-Kamra. 

Din hija Dar id-Demokrazija Ewropea, mhux biss tal-isem. Hija verament id-Dar fejn id-demokrazija hija valur importanti. U ma hemm xejn li jimmotivani aktar f'dak li nagħmel minn meta nitkellem maż-żgħażagħ. 

Għax il-ġenerazzjoni tagħkom hija kburija b'dak li ksibna aħna l-Ewropej, tammetti l-fallimenti tagħna u l-frustrazzjonijiet okkażjonali tal-proċeduri tagħna, iżda l-ewwel u qabel kollox, intom motivati u għandkom ir-rieda li ttejbu l-affarijiet. Li tintroduċu bidla. U r-rwol tagħkom fit-tiswir tal-futur komuni tagħna huwa essenzjali. 

Għalhekk iddeċidejna li l-2022 tkun is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ. Sena li għandha tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ tal-Ewropa, tinvesti fihom, u tkompli tagħmel dan. Iżda huwa wkoll il-mod tagħna kif insaħħu r-rwol taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, b'aktar opportunitajiet biex dak li jkun jitkellem direttament ma' min jieħu d-deċiżjonijiet, kif rajna fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Nemmen li din is-sena kienet eżempju tajjeb tar-rieda tagħna li nisimgħukom, li rridukom issawru l-futur li fih tixtiequ taraw l-Ewropa. Li rridu naġixxu u nagħmlu l-affarijiet flimkien magħkom. Madankollu, inħossni konvinta dwar il-fatt li dan irid ikun biss il-punt tat-tluq. L-impenji meħuda u l-wegħdiet li saru jeħtieġ li jitwettqu.

Nassigurakom li l-Parlament Ewropew, l-istituzzjoni li tiegħu għandi mhux biss il-privileġġ iżda wkoll ir-responsabbiltà li mmexxi, għandu kull intenzjoni li jagħmel dan.

Illum, f'din id-Dar, hawn aktar minn 1,200 attivist li ġejjin mill-Ewropa kollha. Se tqattgħu dawn il-jumejn li ġejjin tieħdu sehem f'workshops, titgħallmu, tipprattikaw, tiskambjaw u tagħmlu konnessjonijiet ma' xulxin. L-ewwel ħaġa li nixtieqkom tagħmlu hija li meta tħarsu madwarkom, taċċertaw ruħkom li ma tpoġġux biss maġenb min diġà tafu. Kunu ċerti li ma tpoġġux biss maġenb persuni li ġejjin mill-istess pajjiż tagħkom. 

Madwarkom hawn l-aktar Ewropej motivati u impenjati. Ġenerazzjoni ta' min jixtieq iġib il-bidla. Iżda biex tagħmlu dan, tridu tkunu lesti tiddefendu l-valuri li temmnu fihom, tieħdu r-riedni f'idejkom, tkunu ta' servizz, tmexxu u tħallu impatt reali fil-komunitajiet tagħkom.

L-avveniment Level Up! iħaffef il-bidla. Inqdew b'dan l-avveniment biex l-attiviżmu tagħkom jingħata spinta 'l quddiem. Użaw din l-opportunità biex tiltaqgħu ma' kemm tistgħu nies, issaħħu l-ħiliet tagħkom, tgħinu anke lil dawk li qatt ma ltqajtu magħhom qabel biex itejbu l-ħiliet tagħhom.

Dan il-proġett huwa l-avveniment ewlieni tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, u r-riżultat ta' opportunità dejjiema bejn din id-Dar, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Xi snin ilu qattajt ħafna żmien fil-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. U huwa wkoll eżempju tal-impenn reali li din id-dar ħadet fir-rigward taż-żgħażagħ. 

F'dawn l-aħħar snin, wessajna b'mod sinifikanti l-offerta tagħna għaż-żgħażagħ, l-attivitajiet u l-opportunitajiet li noffru lil individwi, organizzaturi, edukaturi, attivisti tad-diżabilità żgħażagħ.

Forsi nnutajtu meta qsamtu l-Esplanade Simone Veil intom u deħlin fil-bini, fil-passerelle tistgħu tagħtu daqqa t'għajn lill-programmi tagħna taż-żgħażagħ, bħall-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ li organizzajna s-sena l-oħra – u li se jkollna ieħor fl-2023 – jew is-seminars taż-żgħażagħ. Issa tistgħu tiksbu wkoll stampa ġenerali tal-opportunitajiet kollha li l-Parlament Ewropew joffri liż-żgħażagħ fuq il-Youth Hub online tagħna.

Iżda llum huwa dwar il-ħiliet u t-tkabbir tagħkom. Għax li jkollkom il-kompetenzi tagħna fuq l-istess livell illum huwa aktar importanti fl-Ewropa minn qatt qabel. Nittama li jkun xi jkun il-gwadann tagħkom fil-jumejn li ġejjin, tiħduh lura f'pajjiżkom, taqsmuh ma' sħabkom u, flimkien, tqegħduh fil-prattika. Għax, fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini huma fil-qalba tad-demokrazija Ewropea, u mingħajr l-impenn kontinwu tagħkom, il-forza tagħha ssir fraġli. 

Bdejt billi għidt li din hija dar id-demokrazija. Mingħajr eżerċizzju demokratiku, din id-dar ma tkunx teżisti.

Tinsabu hawn fiil-preżent. Tiddeċiedu l-preżent tagħkom. U żżommuni responsabbli ta' dak li nagħmel fil-preżent. U lill-kollegi tiegħi, u lir-rappreżentanti tagħkom, lil dawk li tivvutawlhom, iżżommuhom responsabbli ta' dak li qed jiġri fil-preżent. Jekk m'intomx sodisfatti b'dak li qed jagħmlu, oħorġu intom bħala kanditati għall-elezzjoni. Tridu żżidu ma' dak li qed jagħmlu? Oħorġu intom bħala kandidati għall-elezzjonijiet. U mbagħad issibu ruħkom f'sitwazzjoni li fiha tridu toħorġu bi programm, li fiha tridu turu kif l-Ewropa wessgħet il-possibbiltajiet u qabżet il-limiti ta' kulħadd, li ħolqot kundizzjonijiet ekwi għal kulħadd. Li xorta waħda għadha tista' toffri kundizzjonijiet ekwi għal kull min jgħix f'pajjiżi li jixtiequ jsiru membri tal-Unjoni Ewropea.

Użaw din l-opportunità llum, sabiex tkunu tistgħu xxerrdu u taqsmu ma' ħaddieħor dak li l-Ewropa twiegħed u dak li l-Ewropa temmen fih. Biex tagħmlu dan, nitlobkom tiġġieldu għal dak li twiegħed l-Ewropa u xxerrduh kull fejn tmorru.

Grazzi ħafna u ħudu gost.