L-Ewropa teħtieġ li tieħdu sehem - Il-President Metsola ma' 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa fl-EYE fi Strasburgu 

 

Waqt li kienet qed tindirizza plenaria mimlija fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet l-Avveniment taż-Żgħażagħ Ewropej tal-2023, u laqgħet aktar minn 10,000 żagħżugħ u żagħżugħa. Hi u twieġeb għall-mistoqsijiet tal-udjenza, Roberta Metsola qalet li l-Ewropa trid tirriforma u tirriġenera, u għal dan iż-żgħażagħ għandhom isemmgħu leħinhom.

Bonġu lil kulħadd.

Merħba bikom fil-Parlament Ewropew u merħba bikom għall-inawgurazzjoni tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ 2023!

Kemm jien kuntenta li qiegħda hawn magħkom, fil-qalba tad-demokrazija Ewropea. Illum, intom, iż-żgħażagħ tal-Ewropa, qegħdin timlew bi ħġarkom din id-Dar – din il-Kamra – li fiha jittieħdu d-deċiżjonijiet u tiġi vvutata l-leġiżlazzjoni. Sew jekk ġejtu Strażburgu, sew jekk qegħdin issegwu online, nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom illum. 

Għandna l-opportunità li ningħaqdu llum fi Strażburgu, simbolu tar-rikonċiljazzjoni Ewropea, tar-rikostruzzjoni Ewropea.

Grazzi talli tappoġġaw lill-Ewropa. Grazzi talli tippromwovu l-ideali li tirrappreżenta l-Ewropa. Grazzi talli tiġġieldu għall-Ewropea li tridu taraw. 

Din hija l-Ewropa tagħkom. U hemm bżonn li nkunu onesti dwar dak li rridu naraw. Hemm bżonn inkunu onesti dwar l-oqsma li fihom ma għamilniex biżżejjed. Hemm bżonn inkunu onesti meta naħsbu li xi affarijiet jiffrustrawna wisq jew jieħdu wisq żmien. 
Hemm bżonn inkunu onesti wkoll dwar ir-riżultati li ksibna, li ma kinux ftit.

F’dawn l-aħħar snin, għexna pandemija globali, gwerra fil-kontinent tagħna, kriżi tal-enerġija, inflazzjoni u gwerra ċibernetika. U filwaqt li l-arloġġ tal-emerġenza klimatika jkompli jtektek, 

Jien kburija bil-mod kif l-Unjoni Ewropea kisbet ir-riżultati.  Ingħaqadna biex niddefendu l-valuri tagħna u l-istil ta’ ħajja tagħna. Ħloqna x-xogħol. Żammejna sod meta l-libertà u l-ġustizzja ġew mhedda bl-aktar mod brutali possibbli. Dik hi l-Ewropa li l-ġenerazzjoni tiegħi ġiet imwiegħda. Qabel ma sirt Membru tal-Parlament Ewropew, qattajt sigħat u ġranet sħaħ f’din is-sala nagħmel eżattament dak li se tagħmlu intom f’dawn il-jiem li ġejjin. Din hi l-Ewropa li jeħtiġilna ngħaddu issa lill-ġenerazzjoni li jmiss. 

B’dan ma rridx ngħid li l-Unjoni Ewropea hija perfetta, altru li mhijiex. Qed tevolvi u għandha bżonn il-kuraġġ li niżguraw li tevolvi, li tibqa’ adatta għall-iskop.  

Id-dinja qed tinbidel u jeħtiġilna nkunu lesti ninbidlu magħha. Jeħtieġ nagħmlu r-riformi. Jeħtiġilna nkomplu nisimgħu, inkomplu nispjegaw u nkomplu naġixxu. Ma nistgħux nibżgħu minnha l-bidla. 

Biex dan isir, l-Ewropa għandha bżonn li tieħdu sehem. Li ma tistkennux fil-kumdità taċ-ċiniżmu faċli jew tal-indifferenza. Li terġgħu tħaddnu s-sens ta’ tama u ta’ possibbiltà li l-Unjoni Ewropea toffri.

U dan hu eżattament dak li jirrappreżenta l-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ. Huwa l-avveniment l-aktar importanti tal-Parlament Ewropew. Ma tistgħux timmaġinaw kemm aħna entużjasti, kemm huma entużjasti l-kollegi tiegħi hawn preżenti, kemm nistennewh bil-ħerqa dan l-avveniment bħala wieħed li fih tiġu u titolbuna nagħtu kont ta’ għemilna. Għidulna x’jogħġobkom, iżda fuq kollox, għidulna x’ma jogħġobkomx. 

Fil-ġranet li ġejjin, 10 000 żagħżugħ u żagħżugħa se jinġabru fil-Parlament Ewropew u fl-EYE Village li jinsab qribna biex jiddiskutu u jsawru l-Ewropa li tridu taraw. U l-proċess mhux se jieqaf hawn: l-ideat u d-diskussjonijiet tagħkom se jinġabru fir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ u se jitqassam lill-Membri tal-Parlament Ewropew u jiġi ppreżentat lilhom waqt is-seduta ta’ smigħ ta’ din il-ħarifa tal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ.

Għalhekk, l-appell tiegħi lilkom huwa li tisfruttaw din l-opportunità biex tiddiskutu, tisimgħu, tagħmlu skambji, tibnu rabtiet u titgħallmu. Biex tiltaqgħu ma’ nies ġodda. Tkellmux biss lil sħabkom tal-vjaġġ. Tkellmux biss lil dawk li jitkellmu l-lingwa li tħossukom komdi biha. Il-ħbiberiji li jitwieldu hawn se ġġorruhom magħkom għal dejjem.

Lil uħud mill-Membri tal-Parlament Ewropew, kollegi tiegħi, ili nafhom 20 sena għaliex konna involuti fil-politika flimkien meta konna żgħażagħ. Konna nħobbuha l-Ewropa u konna nafu li l-Ewropa kienet fanal ta’ tama, viżjoni u fehim kif ukoll tolleranza u protezzjoni. U l-Ewropa għadha tirrappreżenta dawn l-ideali sal-ġurnata tal-lum.

Dan hemm bżonn niġġieldu għalih kuljum, biex b’hekk imbagħad tkunu tistgħu tieħdu din l-esperjenza magħkom f’pajjiżkom. U mbagħad se tieqfu u taħsbu: x’nista’ nagħmel issa? Nista’ noħroġ bħala kandidat? Se nivvota? Nispera li t-tweġiba tagħkom hija iva b’konvinzjoni kbira. Ħarsu ħarsa madwarkom. Ħbiebkom jivvutaw? Il-familji tagħkom jivvutaw? 

Fi żmien sena, se nivvutaw għall-Parlament Ewropew il-ġdid. Huwa l-Parlament Ewropew li għandu bżonn ikompli jikseb riżultati. U dan jista’ jagħmlu biss jekk jaħdem għall-proġett Ewropew, jekk ikompli jkun id-dar ta’ kulħadd, jekk ikompli jkun post fejn kulħadd jista’ jgawdi minnu, fejn kulħadd jista’ jħossu li għandu rwol fid-deċiżjonijiet li jittieħdu.

Għalhekk dan il-weekend intom il-persuni li għandkom il-kapaċità li tfasslu r-rotta tal-futur tal-Ewropa. Intom il-vuċi tiegħi, il-vuċi tal-kollegi tiegħi, il-vuċi ta’ kull ċittadin tal-Ewropa. 

Ħudu gost, għidu dak li tħossu, iddiskutu, għamlu mistoqsijiet u ħudu biċċa minn Strażburgu u mill-Ewropa magħkom f’pajjiżkom u kabbruha fi kwalunkwe post fejn tmorru lura.

Grazzi.