Il-President Metsola nediet proċedura urġenti għat-tneħħija tal-immunità ta' żewġ Membri tal-Parlament Ewropew 

 

Il-President Metsola nediet proċedura urġenti għat-tneħħija tal-immunità ta' żewġ Membri tal-Parlament Ewropew, wara talba mill-awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani.

Ittieħdu l-ewwel passi proċedurali u l-President se tħabbar it-talba fil-plenarja fl-ewwel opportunità possibbli fis-16 ta' Jannar. It-talba mbagħad tintbagħat lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (il-Kumitat JURI) għal proposta għal deċiżjoni.

"Sa mill-ewwel mument, il-Parlament Ewropew għamel dak kollu fis-setgħa tiegħu biex jgħin fl-investigazzjonijiet, u se nkomplu niżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità. Dawk responsabbli se jsibu dan il-Parlament man-naħa tal-liġi. Il-korruzzjoni ma tistax tirbaħ, u aħna se nagħmlu kulma nistgħu biex niġġildulha," qalet il-President Metsola.

Il-President Metsola se telenka wkoll l-intenzjonijiet tagħha għal riformi fil-ġimgħat li ġejjin, inkluż riforma sħiħa tar-regoli kurrenti u titjib tas-sistemi interni, inkluż dwar l-infurzar.

Il-proċedura tat-tneħħija tal-immunità

Kif previst fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew (l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9), it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jitħabbru mill-President fil-Plenarja u mbagħad jintbagħtu lill-Kumitat kompetenti (il-Kumitat għall-Affarijiet Legali (il-Kumitat JURI)).

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali (il-Kumitat JURI) jaħtar rapporteur, il-kawżi jiġu ppreżentati f'laqgħa tal-kumitat u jaf issir seduta ta' smigħ.

L-abbozz ta' rapport jiġi diskuss u ssir votazzjoni dwaru fil-Kumitat JURI. Il-Kumitat jadotta rakkomandazzjoni biex il-Parlament kollu japprova jew jirrifjuta t-talba. Il-kawżi kollha tal-immunità jiġu kkunsidrati bil-magħluq.

Ir-rakkomandazzjoni mbagħad tiġi sottomessa lill-Plenarja. Jekk tiġi adottata mill-Plenarja (maġġoranza sempliċi), il-President immedjatament tikkomunika d-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru/i kkonċernat/i u lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-President talbet lis-servizzi u lill-kumitati kollha biex jagħtu prijorità lil din il-proċedura sabiex tiġi konkluża sat-13 ta' Frar 2023.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: