Hi u tindirizza lill-mexxejja tal-UE, il-President tal-Parlament Ewropew Metsola tenniet l-appoġġ bla waqfien tal-Parlament għall-Ukrajna. Hija appellat għal approċċ Ewropew koordinat biex tiġi żgurata l-integrità ta' Schengen.
L-għodwa t-tajba.
L-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew li attendejt għaliha bħala President tal-Parlament Ewropew saret fl-24 ta’ Frar 2022. Sa dak iż-żmien, forsi konna moħħna mistrieħ mingħalina li kien hemm linji fuq il-mappa li l-armati ma kinux se jibqgħu jaqsmu. Iżda l-invażjoni tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja f’dak il-jum infami biddlet kollox. Issa nafu li hemm limiti li l-Ewropa ma tistax taqsam. Jixraq li nirrepetuh, f’kuntest li fih l-għeja minħabba l-gwerra u l-propaganda u d-diżinformazzjoni tal-Kremlin jibqgħu jagħfsu bla heda fuq is-soċjetajiet tagħna. Minkejja dan kollu, għall-Ewropej tibqa’ ċara r-raġuni għala huwa essenzjali li nieqfu mal-Ukrajna. Id-determinazzjoni tal-Ewropa għadha qawwija u se tibqa’ qawwija.
Għaddew kważi 1 000 ġurnata mill-aggressjoni fl-Ukrajna. Din il-gwerra ma talbuhiex l-Ukreni, iżda daħlu għaliha b’kuraġġ straordinarju. Huma wisq in-nies li nqatlu. Huma wisq l-infrastutturi kritiċi tal-Ukrajna li sfaw fil-mira tal-attakki u spiċċaw terrapien. Huma wisq it-tfal li ma jistgħux imorru lura fi djarhom. Huma wisq l-ulied li qed ilestu ruħhom għal xitwa oħra fuq il-front.
Se nkomplu nieqfu mal-Ukrajna, u jeħtiġilna nagħmlu hekk. Bl-istess mod, jeħtieġ li nsaħħu l-isforzi tagħna favur il-paċi. Paċi b’għeruqha fil-libertà; li tkun ankrata fid-dinjità u mibnija fuq il-ġustizzja. Paċi li ma tkunx kapitolazzjoni. Paċi li tħares il-valuri tagħna. Kulma hu inferjuri għal dan, mhu paċi reali xejn.
Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-futur tal-Ukrajna u dwar it-tmiem ta’ din il-gwerra terribbli, jeħtieġ li nkunu ċari: Ukrajna b’saħħitha u sovrana biss tista’ tiksibha. Għalhekk il-Parlament Ewropew jibqa’ bil-konvinzjoni soda tiegħu, għalhekk sħaqna u se nibqgħu nisħqu: xejn dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna. Għalhekk ukoll inkomplu nappoġġjaw il-perkorsi Ewropej tal-Moldova, tal-Balkani tal-Punent u tal-Georgia u se nkomplu niddenunzjaw, b’mod inekwivokabbli u meta neċessarju permezz ta’ sanzjonijiet, it-tentattivi persistenti tar-Russja biex tiddestabbilizza r-reġjun.
Għaldaqstant, meta il-President Zelenskyy jitkellem dwar dak li l-poplu tiegħu għandu bżonn biex ikompli jiddefendi lilu nnifsu, dwar il-lakuni fis-sanzjonijiet tagħna li għad iridu jimtlew, dwar l-appoġġ finanzjarju, loġistiku, militari u umanitarju li hemm bżonn biex jinbnew il-bliet u l-irħula mill-ġdid, allura jeħtiġilna nisimgħu. U l-Parlament Ewropew dan jifhmu.
Għalhekk, l-ewwel ħaġa li għamilna fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kienet li nadottaw riżoluzzjoni li terġa’ tafferma l-appoġġ tagħna. Tlett ijiem ilu, il-Kumitat għall-Kummerċ tagħna vvota favur l-appoġġ għall-Ukajna b’self ta’ assistenza makrofinanzjarja eċċezzjonali li jlaħħaq il-EUR 35 biljun. Il-ġimgħa d-dieħla se nivvotaw b’mod definittiv fil-plenarja. Fuq livell politiku u tekniku, aħna kburin li xogħolna għamilnieh. U għamilnieh malajr.
Li rrid ngħid huwa li għalija u għall-Parlament Ewropew, kien importanti li nkun hawn illum biex nissottolinja l-urġenza fid-diskussjonijiet u fid-deċiżjonijiet tagħna u nissottolinja l-importanza li nsibu soluzzjonijiet li ma jikkompromettux il-valuri tagħna.
L-istess jgħodd meta niġu biex niddiskutu dwar il-Lvant Nofsani.
Il-ġimgħa l-oħra fi Strażburgu, fakkarna l-ewwel anniversarju tal-attakki terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru ta’ Ħamas f’Iżrael. Xejn ma jista’ qatt jiġġustifika x’ġara dakinhar. Sena wara, il-feriti għadhom fondi u kienu ftit wisq l-ostaġġi li setgħu jmorru lura għand l-għeżież tagħhom.
L-attakki tas-7 ta’ Ottubru qanqlu ċiklu ta’ gwerra, mewt u qerda li rriżulta f’eluf ta’ vittmi f’Gaża. Wisq tfal mhuma se jsiru qatt adulti. Wisq nies issa jafu x’inhi l-gwerra.
Hija katastrofi umanitarja tal-waħx u jeħtiġilna nintensifikaw l-isforzi tagħna biex intaffu t-tbatija li hemm, inkella nirriskjaw nitilfu ġenerazzjoni oħra.
L-isforzi ta’ tfixkil u destabbilizzazzjoni tal-Iran, reġim li ilu jiżra’ ż-żerriegħa tal-firda fir-reġjun kollu, xejn m’għamlu ħlief li aggravaw is-sitwazzjoni.
Biż-żieda fit-tensjonijiet ta’ dan l-aħħar fil-Libanu, u issa bl-involviment ukoll tal-Forza Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu, huwa fundamentali iżjed minn qatt qabel li nsibu soluzzjoni sostenibbli u nsibuha b’urġenza.
L-Ewropa għandha rwol x’tiżvolġi hawn u ma nistgħux ninqabdu mhux ippreparati.
Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija ċara. L-appelli tagħna għall-ħelsien immedjat tal-ostaġġi li fadal se jibqgħu sodi. L-appelli tagħna għal waqfien mill-ġlied se jibqgħu deċiżi. L-isforzi tagħna għal tnaqqis tat-tensjonijiet se jibqgħu b’saħħithom. U l-ħidma tagħna għal paċi reali, dinjituża, sostenibbli u fit-tul fir-reġjun, abbażi ta’ żewġ Stati li tagħti prospettivi reali lill-Palestinjani u sigurtà lil Iżrael, se tibqa’ sfiqa.
Għax, f’mumenti bħal dawn, mhux biżżejjed nagħmlu appelli għall-paċi imma jeħtieġ nieħdu miżuri reali u konkreti biex intaffu t-tensjonijiet. L-istess jgħodd għas-Sudan. Bħalissa s-Sudan jinsab fl-eqqel tal-akbar kriżi ta’ persuni spostati fid-dinja, u l-ġuħ fil-pajjiż laħaq livelli liema bħalhom. Il-perkors lejn il-paċi fil-pajjiż għandu jgħaddi mid-djalogu kostruttiv, u permezz ta’ dan l-impenn biss nistgħu nittamaw li niksbu waqfien mill-ġlied sostenibbli.
Ma nistgħux ninjoraw il-katina ta’ reazzjonijiet ikkawżata mill-instabbiltà. X’jiġri fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika ta’ Fuq jew ikun fejn ikun qrib il-fruntieri tagħna, ma jibqax maqtugħ għalih iżda jħalli konsegwenzi fuq l-Ewropa. Fl-ebda qasam dan ma hu aktar evidenti milli f’dak tal-migrazzjoni.
Jeħtieġ li mmorru lil hinn minn soluzzjonijiet ta’ malajr. Il-migrazzjoni hija problema Ewropea li teħtieġ approċċ Ewropew. L-ebda Stat Membru ma għandu jħoss li tħalla waħdu biex isib tarf dawn il-pressjonijiet.
Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil tal-UE, li kmieni din is-sena adottajna wara deċennju ta’ impass politiku, jurina triq għall-ġejjieni. Iżda mhuwiex se jaħdem jekk, fiż-żminijiet diffiċli, nikkompromettu dak li bnejna flimkien. Jekk ma jitħalliex jiġi jimplimentat.
Għalhekk huwa importanti li nqawwu l-isforzi biex nimplimentaw il-Patt malajr. Dik hi t-tweġiba li nistgħu nagħtu lill-komunitajiet tagħna meta jisfaw taħt pressjoni.
It-tweġiba hija l-qafas tagħna li lkoll kemm aħna qbilna fuqu, li jipproteġi l-fruntieri tagħna iżda li jkun ukoll ġust ma’ dawk eleġibbli għall-protezzjoni, ikun sod ma’ dawk li mhumiex eleġibbli u li għandhom jittieħdu lura malajr u fis-sigurtà, u li – ħaġa kruċjali – ikun iebes max-xbieki tat-traffikar, anki mal-Istati malizzjużi bħar-Russja u l-Belarussja li jużaw theddid ibridu, jisfruttaw lil dawk vulnerabbli u jużaw lill-migrazzjoni bħala arma.
In-natura ta’ dan it-theddid ibridu teħtieġ li nsibu soluzzjonijiet kreattivi. Jeħtiġilna nagħtu risposta lil dawk l-atturi li jippruvaw jabbużaw mis-sistemi li bnejna għat-titjib tal-bniedem, kontra dik l-istess umanità li suppost jipproteġu. U dan nistgħu nagħmluh fir-rispett tal-valuri u tal-oqfsa ġuridiċi tagħna.
Għalhekk ukoll, min ġietlu miċħuda l-applikazzjoni għall-ażil, jeħtieġ jintbagħat lura malajr u fis-sigurtà. B’hekk nistgħu niddedikaw riżorsi lil dawk li tassew għandhom bżonnhom. B’hekk intaffu l-pressjoni politika u soċjali li lkoll kemm aħna għandna quddiemna.
Il-Parlament Ewropew lest jagħmel dak kollu li jista’ biex jgħinkom f’dan il-proċess. Hemm bżonn nagħtu possibbiltà lill-Patt dwar il-Migrazzjoni: billi nimplimentawh kif ukoll nintegrawh meta jkun neċessarju. Il-Parlament diġà ħa nota tal-ittra tal-President von der Leyen, li tirrappreżenta punt ta’ tluq validu għad-diskussjonijiet tagħna. Nafu wkoll li l-Kummissjoni tista’ tressaq proposti oħra u aħna disposti u lesti nagħmlu l-parti tagħna.
Il-fattur li jħoll u jorbot f’dan l-aspett hija l-kooperazzjoni. Is-soluzzjoni reali hija soluzzjoni Ewropea: soluzzjoni li tkun wiesgħa, olistika u sostenibbli. Għax approċċ Ewropew koordinat biss jista’ jiżgura l-integrità taż-żona Schengen tagħna.
Ċerta li dawn il-kwistjonijiet se jkunu parti ċentrali tal-proċess ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew fil-konfront tal-Kummissarji nnominati l-ġodda, u l-ewwel seduti ta’ smigħ tagħhom se jibdew, b’impenn serju, fl-4 ta’ Novembru.
Il-Parlament se jagħmel xogħlu, il-proċess se niħduh b’serjetà kbira u nittama li se nkunu f’pożizzjoni li napprovaw Kulleġġ ġdid ħalli jkun insedjat fil-bidu ta’ Diċembru.
Grazzi.
You may find here the transcriptions of her speech per language: