Il-Parlament Ewropew lest biex jimpenja ruħu, tgħid il-President Metsola lill-Kunsill Ewropew  

 

Il-President tal-PE Metsola enfasizzat l-akbar impenn tal-Parlament biex jiżgura t-tmexxija bla xkiel tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss.

Grazzi Charles u l-lejla t-tajba lil kulħadd.

Għaddiet ġimgħa u ftit minn mindu ċ-ċittadini Ewropej marru jivvutaw biex jeleġġu s-720 Membru tal-Parlament Ewropew li se jirrappreżentaw l-interessi tagħhom fil-ħames snin li ġejjin. Issa għandna stampa ferm aktar ċara tar-riżultat tal-elezzjonijiet u ta’ kif se tkun l-għaxar leġiżlatura tal-Parlament Ewropew. Il-konklużjoni prinċipali hija li ċ-ċentru pro-Ewropa u kostruttiv żamm. 

Nibda billi nirreferi fil-qosor għall-parteċipazzjoni tal-votanti. Kif tafu, f’dawn l-aħħar xhur il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-kollegi u l-persunal investew ħafna ħin, enerġija u riżorsi biex jippruvaw jgħollu r-rata ta’ parteċipazzjoni f’dawn l-elezzjonijiet. Bħala parti mill-kampanja tagħna “Uża l-vot tiegħek”, għalija kien kemm responsabbiltà kif ukoll pjaċir inżur il-pajjiżi tagħkom biex nipprova nikkonvinċi lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ, għaliex huwa importanti l-vot tagħhom. Nixtieq nirringrazzjakom kollha għall-appoġġ mhux biss istituzzjonali iżda wkoll personali tagħkom biex tgħinuna nirnexxu f’dan. 

Fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024 kellna l-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni ta’ votanti f’dawn l-aħħar 30 sena u f’aktar minn nofs l-Istati Membri tal-UE (14 biex inkun eżatta), ir-rata ta’ parteċipazzjoni għoliet ukoll meta mqabbla mal-2019. Iżda filwaqt li hu minnu li r-rata ta’ parteċipazzjoni kienet kemxejn ogħla milli kienet fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019, huwa wkoll minnu li r-rata ta’ parteċipazzjoni għadha baxxa wisq f’ħafna postijiet. Naturalment, dan jista’ jiġi parzjalment spjegat mill-apatija elettorali f’ċerti Stati Membri. Iżda forsi l-aktar fattur li influwenza r-rata ta’ parteċipazzjoni tal-votanti kien fir-realtà d-dati li fihom saru l-elezzjonijiet, li lkoll nafu li saru aktar tard mis-soltu. Fil-futur, nipproponi li diġà nibdew neżaminaw id-dati għall-elezzjonijiet Ewropej futuri biex nevitaw li terġa’ tiġri l-istess problema.

Għadna qed nistennew li taslilna n-notifika uffiċjali tar-riżultati, iżda s’issa, 55% jew 396 membru huma ġodda, jiġifieri ma kinux diġà Membri tal-PE fid-disa’ leġiżlatura. Il-proporzjon ta’ membri “ġodda” meta mqabbla ma’ dawk “rieletti” huwa anqas milli kien ħames snin ilu, iżda naturalment għadu perċentwal għoli. Il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-Parlament li għadu kemm ġie elett huwa madwar 60% għall-irġiel u 40% għan-nisa, bejn wieħed u l-ieħor l-istess proporzjonijiet bħalma kienu fl-2019. 

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-passi li jmiss tagħna, huwa importanti li nisħaq fuq ir-rwol li t-Trattati jagħtu lill-Parlament fil-proċess tal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss. 

L-Artikolu 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-Parlament Ewropew jeleġġi l-President tal-Kummissjoni b’maġgoranza tal-membri tiegħu u li, qabel dan, il-Kunsill Ewropew, meta jipproponi kandidat, iqis l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Id-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta’ Liżbona tgħid ukoll li, flimkien mal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew għandu d-dmir li jiżgura li l-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jimxi tajjeb billi jagħmel il-konsultazzjonijiet meħtieġa. Jien u Charles diġà tkellimna dwar dan fis-7 ta’ Ġunju u t-tnejn li aħna qbilna fuq il-bżonn li l-istituzzjonijiet rispettivi tagħna jikkollaboraw mill-qrib fil-kuntest tal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss.

Bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni interna tal-Parlament Ewropew, il-Konferenza tal-Presidenti ltaqgħet il-ġimgħa li għaddiet biex tivvaluta l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej. Waqt dik il-laqgħa, maġġoranza tal-mexxejja tal-gruppi politiċi kkonfermat il-proċess tal-kandidat ewlieni u lkoll kemm aħna qbilna li, wara r-riżultati tal-elezzjonijiet, il-Partit Popolari Ewropew għal darb’oħra hu l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. L-akbar grupp politiku kkonferma wkoll li l-kandidata ewlenija tiegħu għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni li jmiss hija l-President fil-kariga bħalissa.

Rigward il-passi li jmiss: Charles Michel diġà ġie mistieden jattendi għal-laqgħa li jmiss tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament Ewropew tal-Ħamis li ġej. Se jerġa’ jiġi mistieden jattendi għal-laqgħa tal-mexxejja tal-gruppi politiċi tagħna tas-26 ta’ Ġunju, għal konsultazzjoni finali qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew tagħna li se jsir fis-27 u fit-28 ta’ Ġunju. F’każ li jkun hemm qbil fuq kandidat għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni li jmiss, il-mexxejja tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew ikunu disponibbli biex jiltaqgħu ma’ dik il-persuna għal skambju ta’ fehmiet waqt il-laqgħa tagħhom tat-2 ta’ Lulju. 

Ejjew inkunu ċari: l-għan aħħari ta’ dan il-proċess huwa li jiġi ddeterminat il-kandidat li kapaċi jifforma l-maġġoranza kwalifikata meħtieġa fil-Parlament biex isir il-President tal-Kummissjoni li jmiss. Ninsabu lesti biex nimxu ’l quddiem fil-proċess mingħajr dewmien malli l-Kunsill Ewropew iressaq il-kandidat tiegħu. 

Ippermettuli nagħmel appell wieħed. Nifhem li d-dibattitu li għaddej jirrigwarda l-karigi, ir-rwoli u l-kandidati. Dan huwa importanti, saħansitra ta’ importanza kritika. Iżda hemm bżonn niżguraw ukoll li l-messaġġ li jasal lin-nies ma jkunx biss relatat ma’ personalitajiet u ftehimiet li ntlaħqu, iżda wkoll relatat mar-riflessjoni dwar il-messaġġ li bagħtilna l-elettorat. 

Ir-riżultati tal-elezzjonijiet juru li maġġoranza taċ-ċittadini tagħna talbet li jiġu difiżi l-valuri tagħna u li s-sigurtà tibqa’ prijorità assoluta. Dan ifisser li l-appoġġ tagħna favur l-Ukrajna jrid ikompli. Għal dak li għandu x’jaqsam mat-tranżizzjoni doppja, din jeħtiġilha tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Il-Patt Ekoloġiku jeħtieġ li jkun mutur tat-tkabbir ekonomiku mingħajr piżijiet u mingħajr burokrazija. Hemm bżonn li nħallu warajna l-“modalità kriżi” u nibdew naħsbu fil-bogħod. Dan ifisser li nibnu fuq l-akbar riżorsa li għandna: is-suq uniku, u nagħtu prijorità lill-kompetittività tal-UE. B’hekk insaħħu r-rwol tal-Ewropa fid-dinja. 

Ippermettuli nikkonkludi billi ntenni l-kooperazzjoni sħiħa u l-aktar impenn qawwi min-naħa tal-Parlament Ewropew biex jiżgura li l-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea jimxi tajjeb. Fil-Parlament Ewropew, il-ħidma tagħna diġà bdiet, u se tkompli, f’dan ir-rigward.

Grazzi.
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: