Wasal iż-żmien! L-istatus ta' kandidat tal-UE jsaħħaħ l-Ukrajna u l-Ewropa - Metsola lill-mexxejja tal-UE 

 

Dan hu l-mument fejn irridu nibqgħu magħqudin. Waqt li ndirizzat lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet ukoll dwar il-klima, l-enerġija, l-inflazzjoni u l-impatt soċjali u ekonomiku tal-gwerra fl-Ukrajna.

© Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-Kunsill Ewropew

Dawn ix-xhur ma kinux faċli. Quddiemna għandna Russja aggressiva li kissret ir-regoli tal-logħba. Kull Stat – kull mexxej – jinsab taħt pressjoni bla preċedent:
-    b'inflazzjoni f'livelli li qatt ma rajna bħalhom qabel; 
-    bi kriżi tal-enerġija li tissarraf fi tnaqqis tal-offerta u f'żieda tal-kostijiet;  
-    bi skarsezzi tal-ikel li jissarrfu f'possibbiltà reali ta' karestija globali;
-    bl-impatt soċjali fuq dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna – proprju issa li ħerġin minn sentejn ta' pandemija – li qiegħed jaggrava kuljum; 
-    bil-fluttwazzjoni tas-swieq li tqanqal inċertezza; 
-    bid-diżinformazzjoni Russa li żżid il-populiżmu, in-nazzjonaliżmu u l-iżolazzjoniżmu. 

Dan hu mument li fih jeħtiġilna nibqgħu magħqudin. Mument li ma għażilniehx aħna, iżda ma għandniex għażla oħra ħlief dik li nkunu kapaċi naffrontawh.

Naf li m'hemmx tweġibiet jew deċiżjonijiet faċli, serrħu raskom li hemm dawk li huma żbaljati u li jeħtiġilna nevitaw.
 
Kienet tkun deċiżjoni storikament żbaljata jekk illum ma tajniex l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Ukrajna u lill-Moldova jew ma tajniex prospettiva ċara lill-Georgia.

Status ta' pajjiż kandidat 

Hija deċiżjoni ġustifikata, neċessarja, possibbli, u bi pjaċir nara li hemm kunsens madwar din il-mejda. Illum huwa jum storiku!

L-adeżjoni mal-UE mhix se ssir mil-lejl għan-nhar, dejjem konna onesti f'dan ir-rigward, iżda l-istatus ta' pajjiż kandidat se jagħti impuls lil aġenda ta' riformi bla preċedent, se jfisser l-aċċess għal programmi u, speċjalment, se jfisser li t-tama ta' dawk li qegħdin ibatu fl-Ukrajna, ta' dawk li qegħdin inkwetati fil-Moldova, tissarraf fi progress konkret. U jenħtieġ li ngħidu b'mod ċar li dan mhuwiex biss att simboliku, dan se jsaħħaħ lill-UE u se jsaħħaħ lill-Ukrajna u lill-Moldova. Se juri liċ-ċittadini tagħna, u lil tagħhom, li l-valuri tagħna huma aktar importanti mir-retorika, li t-tama tista' tagħti riżultati. U l-pajjiżi l-oħra li qegħdin jistennew – dawk tal-Balkani tal-Punent – ukoll jeħtieġ li jaraw li t-tama ġġib magħha r-riżultati. Wasal iż-żmien. 

Għeja relatata mal-gwerra

Ikun ukoll żbaljat jekk nassumu li l-opinjoni pubblika se tkompli tiggwida l-azzjonijiet tagħna f'appoġġ lill-Ukrajna jew jekk nissottovalutaw il-kobor tal-influwenza Russa.  Ikollna nagħrfu li qed tiżdied l-għeja kkawżata mill-inflazzjoni, li f'ħafna każijiet ir-reżiljenza taċ-ċittadini tagħna għall-impatt soċjali u ekonomiku qed tmajna u li jeħtieġ li nirduppjaw l-isforzi. Jeħtieġ li niġġieldu n-narrattiva tal-Kremlin u mhux nagħlfu l-biżgħat li jxerred.

Mhuwiex il-Patt Ekoloġiku li qed jgħolli l-prezzijiet jew li qed jiddetermina l-inflazzjoni li, f'xi każijiet, tilħaq madwar l-20%. Mhumiex is-sanzjonijiet tagħna li qegħdin ikollhom impatt fuq il-kapaċità tal-akkwist. Huwa l-Kremlin li jrid iżid l-influwenza tiegħu. Huwa għax iridu l-kumdità ta' Stati vassalli. Huwa għax mingħalihom li d-demokrazija hija kunċett fraġli u ddgħajjef l-Istati. Nafu li l-verità hija eżatt bil-maqlub.

Klima u enerġija

Tkun deċiżjoni żbaljata jekk nerġgħu lura mill-għanijiet klimatiċi tagħna fit-terminu medju u twil. Jeħtieġ assolutament ninħelsu mill-enerġija Russa, intemmu l-gżejjer tal-enerġija Ewropej u niżguraw l-indipendenza enerġetika tagħna – inkella xi tkun l-awtonomija strateġika? Bl-istess mod, ma nistgħux nerġgħu lura mill-kelma li tajna lil ġenerazzjoni. Hija kwistjoni li tirrigwarda s-sigurtà daqs kemm tirrigwarda l-ambjent. Għalhekk l-appell tiegħi huwa dak li niżguraw li l-miżuri immedjati u fit-terminu qasir ma jsirux, fit-terminu medju, normalità ġdida. 

Inflazzjoni, impatt soċjali u ekonomiku

Tkun deċiżjoni żbaljata jekk it-tħassib relatat maż-żieda tal-kostijiet u tal-inflazzjoni nwarrbuh bħala xi fenomenu li jgħaddi jew jekk nassumu li s-sitwazzjoni mhix se tmur għall-agħar. F'ħafna Stati għadna ma lħaqniex il-quċċata. Għandna bżonn approċċ sod, ċar u magħqud li juri s-solidarjetà tagħna f'dawn iċ-ċirkostanzi. Ma teżisti l-ebda soluzzjoni purament nazzjonali għall-impatt soċjali u ekonomiku li qegħdin inħabbtu wiċċna miegħu. Ma għandna neskludu l-ebda soluzzjoni.

Sanzjonijiet u għajnuna lill-Ukrajna

Parallelament, jeħtieġ li nħaffu l-forniment ta' għajnuna militari, umanitarja u finanzjarja lill-Ukrajna. U jeħtieġ li mmexxu 'l quddiem is-sanzjonijiet. 

Is-sanzjonijiet huma strument utli jekk implimentati sewwa u, f'dan ir-rigward, jeħtieġ li nagħtu bidu għall-pakkett li jmiss, nimlew il-lakuni u nestendu s-sanzjonijiet jekk neċessarju. U huwa neċessarju għax ir-Russja qiegħda tilgħab logħba u sserraħ fuq l-idea li se nkunu aħna l-ewwel li nċedu. Jilagħbu mħatra li l-pressjoni li jġiegħlu lis-soċjetajiet tagħna jġorru se tispiċċa biex tikser l-għaqda tagħna u se jkunu jistgħu jmorru lura f'era ta' purtieri tal-ħadid u sferi ta' influwenza. Ta' "aħna" kontra "huma", ta' "min hu l-aktar b'saħħtu jirbaħ hu". L-Ewropa mxiet wisq 'il quddiem biex tħalli dan iseħħ issa u l-pressjoni qed tikber anki fuq ir-Russja. 

Sigurtà tal-ikel

Jeħtiġilna nopponu l-propaganda Russa falza u ċinika li tagħti t-tort tal-kriżi tas-sigurtà tal-ikel li hemm riesqa lill-azzjonijiet tal-Ukrajna jew lis-sanzjonijiet tal-UE. It-tort hu kollu kemm hu tal-aggressur.

F'dan ir-rigward, ippermettuli nfaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-inizjattiva "Korsiji ta' Solidarjetà. Jenħtieġ li niżviluppawhom aktar u nindirizzaw ir-restrizzjonijiet loġistiċi. 

Migrazzjoni

Il-konfront qiegħed fuq il-Lvant, imma ma nistgħux nissottovalutaw l-impatt ta' din il-gwerra anki fuq il-ġirien tan-Nofsinhar tagħna. Jeħtieġ li nkunu lesti nagħtu l-għajnuna u ma nistgħux ninqabdu fuq sieq waħda meta l-flussi migratorji jerġgħu jibdew.  Ninsab inkwetata li f'qasir żmien se nħabbtu wiċċna ma' sitwazzjoni li hija prevedibbli għall-aħħar iżda waħda li għal darb'oħra se ssibna għalkollox mhux lesti. Fuq il-mejda għandna xi għażliet li jkunu jistgħu jgħinuna f'din ir-realtà ta' kriżi ġeneralizzata, fejn il-persuni vulnerabbli qed jintużaw bħala pedini fil-logħob ġeopolitiku.

Il-Futur tal-Ewropa

Dwar il-Futur tal-Ewropa:  Jeħtiġilna nkunu ambizzjużi. Nistgħu nqawwu l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi f'oqsma essenzjali bħas-saħħa, l-enerġija, id-difiża u l-valuri fundamentali. Il-Parlament lest jaġixxi kif jixhdu ż-żewġ riżoluzzjonijiet tagħna. Ma għandhomx jiġu injorati. Il-pass naturali li jmiss huwa l-organizzazzjoni ta' konvenzjoni. Naf li wħud minnkom hawn għandhom xi riżervi, imma dan hu l-mod kif nistgħu mmexxu 'l quddiem id-diskussjoni dwar il-proġett tal-UE tagħna. Jeħtiġilna nkunu lesti neżaminaw il-mod kif naħdmu u naraw fejn nistgħu nagħmlu aħjar.  

Il-Parlament Ewropew lest jilqa' għal dawn l-isfidi.  U lest jagħmel dan flimkien mal-istituzzjonijiet u mal-Istati Membri. 
 

You may find here the transcriptions of her speech per language: