Metsola fl-EUCO: L-Ewropa għandha taħtaf dan il-mument 

 

Waqt il-Kunsill Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola appellat lill-Ewropa biex turi tmexxija dwar it-tkabbir, appoġġ lill-Ukrajna u l-baġit fit-tul tal-UE

Bonġu lil kulħadd.

Fit-23 ta’ Ġunju 2022 ilħaqna tragward importanti għall-proġett Ewropew tagħna. Dakinhar dan il-Kunsill laħaq qbil storiku biex jagħti l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna u lill-Moldova u biex jagħti prospettiva Ewropea ċara lill-Georgia. 

F’din is-sena u nofs, l-Ukrajna malajr għamlet progress biex tilħaq l-objettivi kollha tagħha billi adottat il-leġiżlazzjoni u r-riformi neċessarji, saħansitra f’kundizzjonijiet mill-aktar imwiegħra. 

L-istess jgħodd għall-Moldova. 

Għeżież kollegi, 

Ninsabu fuq l-għatba ta’ mument storiku ieħor għall-Unjoni tagħna u sta għalina niddeċiedu jekk din l-opportunità storika naħtfuhiex jew inkella tibqax imfakkra bħala falliment storiku. 

Id-distanza bejn is-suċċess u l-falliment spiss ħafna hija estremament qasira. 

Wasal issa ż-żmien li nżommu dak li wegħedna, li nuru għaqda u solidarjetà, li nuru kuraġġ u determinazzjoni, li nuru li minn din is-sitwazzjoni jista’ jgawdi kulħadd. 

Il-pass li jmiss huwa l-ftuħ tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE mal-Ukrajna u mal-Moldova. 

Nifhem li din hija deċiżjoni epokali, deċiżjoni mhix faċli għal xi wħud li jinsabu madwar din il-mejda, u dan nirrispettah. Iżda mhijiex deċiżjoni bbażata fuq il-konvenjenza politika. Hija deċiżjoni bbażata fuq il-mertu, fuq ir-rispett tal-kriterji tagħna u fuq il-fatt li kull nazzjon għandu t-triq tiegħu stess biex jilħaq l-objettivi li aħna stess niffissawlu. 

Is-sitwazzjoni ġeopolitika dinjija tfisser li hemm ukoll prezz xi nħallsu għan-nuqqas ta’ azzjoni. 

Kif għedt ilbieraħ waqt is-Summit UE-Balkani tal-Punent, quddiemna għandna mument propizju biex naħtfu din l-opportunità storika. Ma għandniex nitilfuha. 

Ippermettuli ngħid li ninsabu lesti li nagħmlu l-parti tagħna biex inħejju lill-ġirien tagħna għall-adeżjoni. Il-Parlament Ewropew u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna diġà għandhom relazzjonijiet b’saħħithom. Biss biss dan l-aħħar iffirmajna Memorandum ta’ Qbil imġedded għas-sostenn għad-demokrazija parlamentari bejn iż-żewġ parlamenti tagħna. Dan huwa mod prattiku ta’ kif il-Parlament Ewropew jista’ jgħin lill-Ukrajna tħejji ruħha għall-adeżjoni mal-UE fil-futur. 

L-istess jgħodd għall-Moldova. Il-programmi tagħna ta’ sostenn għad-demokrazija u s-sħubija stretta mal-Parlament tal-Moldova diġà qed juru kemm huma utli għat-triq Ewropea tal-Moldova. 

It-tkabbir huwa l-aqwa investiment ġeopolitiku, strateġiku u orjentat lejn il-futur li għandna. Il-kapaċità ta’ trasformazzjoni tiegħu hija magħrufa sewwa fostna. Tkabbir meritokratiku jsaħħaħ il-kontinent tagħna, l-Unjoni tagħna u l-istil ta’ ħajja tagħna. 

Fil-Balkani tal-Punent, irridu noqogħdu attenti li ma mmewtu la l-ambizzjonijiet u lanqas il-motivazzjoni taż-żewġ naħat. Ilkoll kemm aħna rajna d-deklin preokkupanti tas-sentimenti pro-Ewropeisti fir-reġjun, anki fost iż-żgħażagħ. It-tama trid tissarraf f’riżultati konkreti, inkella tisfa fix-xejn. 

Kull pajjiż kandidat se jkollu jimxi fit-triq tiegħu, ibbażata fuq il-mertu, lejn l-adeżjoni. Mhix se tkun faċli u, kif bosta minna hawn jistgħu jiftakru u jikkonfermaw, se tieħu wkoll iż-żmien. 

Iżda filwaqt li huma qegħdin jagħmlu r-riformi u l-bidliet, aħna għandna nkunu lesti nagħmlu l-istess. Dan ifisser inkomplu d-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea – ibda l-ewwel nett bid-dħul tar-Rumanija u tal-Bulgarija fiż-żona Schengen. 

Fil-ġejjieni, il-kontribut tal-Parlament Ewropew f’dawk li huma riformi, spjegat fid-dettall fir-rapport tagħna dwar il-bidla fit-trattati, joffri bażi tajba għal din ir-riflessjoni. Nittama li dan jiġi diskuss f’laqgħa li jmiss. 

Sadattant, tkompli l-gwerra fl-Ukrajna. Jeħtieġ li nibqgħu nżommu sod fl-appoġġ politiku, militari, umanitarju u finanzjarju tagħna, anki meta qed isir aktar diffiċli. Huwa obbligu mhux biss morali iżda wkoll strateġiku. Huwa wkoll strateġiku l-fatt li nilħqu qbil dwar il-Faċilità għall-Ukrajna, li tammonta għal 50 biljun oħra, li l-Parlament Ewropew ivvota għaliha f’Ottubru. Għaliex dan jirrigwarda kemm l-investimenti kif ukoll it-tkabbir ekonomiku għall-Ukrajna u għall-Ewropa. 

Il-Faċilità għall-Ukrajna se tkun ta’ għajnuna għall-irkupru, għar-rikostruzzjoni u għall-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, li jfisser anqas appoġġ baġitarju għall-futur. 

L-għan tagħna li nsiru aktar b’saħħitna, aktar magħquda u aktar kompetittivi f’dinja dejjem aktar differenti u ostili għandu jintrifed minn biżżejjed riżorsi. U għal bosta għadu jidher bħallikieku qegħdin sempliċement nipposponu l-bżonn inevitabbli li nagħmlu għażliet finanzjarji ibsin. 

Il-pandemija, l-invażjoni tal-Ukrajna, it-tibdil fil-klima, il-kriżi tal-enerġija u tal-għoli tal-ħajja kollha kemm huma kellhom ir-riperkussjonijiet tagħhom. Iż-żieda fir-rati tal-imgħax għolliet l-ispejjeż tas-self fl-ambitu ta’ NextGenerationEU. Il-QFP tagħna wasal sal-limiti tiegħu minħabba l-kompiti l-ġodda li qbilna fuqhom flimkien. Għalhekk dan il-Kunsill Ewropew jeħtieġ li jilħaq ftehim. Ftehim li jirrispetta l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew bħala awtorità baġitarja kif stabbilit fit-Trattati. Ftehim li jsib soluzzjoni strutturali għall-ġestjoni tal-ispejjeż tas-self, u l-progress f’dawk li huma riżorsi proprji huwa parti minn din is-soluzzjoni. Ftehim li jżomm il-valuri komuni tal-Unjoni u li ma jagħmilx kompromessi fuq l-istat tad-dritt. Ftehim li jiżgura li l-UE tkun tista’ tirrispondi b’mod effikaċi għall-kriżijiet u għaċ-ċirkostanzi mhux mistennija. U ftehim li ma jkomplix iqaċċat ir-riżorsi għall-programmi emblematiċi, li, għal bosta, huma l-wiċċ viżibbli tal-Unjoni Ewropea. 

Għalhekk il-Parlament Ewropew tenna l-appelli tiegħu għal reviżjoni tal-QFP u għalhekk ninsabu lesti nkomplu din id-diskussjoni. 

Eżatt kif ġara meta lħaqna ftehim dwar l-ewwel Att fid-dinja dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika li l-Parlament ivvota għalih jumejn ilu. Kif, flimkien, qed jirnexxilna nqawwu l-indipendenza enerġetika tagħna u nagħtu inċentivi għall-enerġija nadifa. Meta adottajna leġiżlazzjoni dwar il-ħżin tal-gass u dwar it-tnaqqis tad-domanda għall-gass u meta ninsabu pass biss ’il bogħod mir-riforma tas-swieq tal-elettriku tagħna. Kif, f’livell dinji, ninsabu fuq quddiem nett f’dawk li huma politiki klimatiċi progressisti bbażati fuq is-suq. 

Ksibna riżultati li kienu jidhru impossibbli. U dan nistgħu nerġgħu nagħmluh. 

L-istess jgħodd għall-impenn tagħna fil-Lvant Nofsani, fejn jeħtieġ li nagħmlu aktar biex nindirizzaw il-qagħda umanitarja f’Gaża, u s-sitwazzjoni li nqalgħet wara l-attakk terroristiku tas-7 ta’ Ottubru f’Iżrael u fil-Lvant Nofsani b’mod ġenerali. L-Unjoni Ewropea tista’ tiżvolġi rwol ewlieni biex tiġi ttraċċata t-triq ’il quddiem, biex jiġi ppjanat il-ġejjieni, biex tingħata għajnuna għar-rikostruzzjoni, biex jiġi konsolidat in-nazzjon u biex tinstab l-istabbilità reali, sostenibbli u dejjiema bbażata fuq soluzzjoni ta’ żewġ Stati. Anki fiċ-ċpar tal-gwerra hemm bżonn li nitkellmu dwar il-paċi, dwar il-mod kif insalvaw il-ħajja ta’ nies innoċenti, kif inwaqqfu t-terroriżmu u dwar ir-rispett tad-dritt internazzjonali, dwar il-mod kif nistgħu nagħtu nifs lill-Palestinjani u tama lill-Iżraeljani, illum. Jeħtieġ ukoll li niżguraw li x-Xatt tal-Punent ma jsirx post ta’ kriżi reġjonali ġdid. 

Ippermettuli nagħlaq billi nagħmel l-aħħar appell rigward il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Ninsabu f’pożizzjoni eqreb milli konna għaxar snin ilu. Jiena fiduċjuża. Jeħtieġ li napprofittaw mir-ritmu tal-progress. Qbil fuq dan il-pakkett qabel l-aħħar tas-sena jkun ifisser rebħa deċiżiva għaċ-ċentru pro-Ewropeista kostruttiv qabel il-bidu tas-sena tal-elezzjonijiet Ewropej. Nistgħu nuru li l-Ewropa għandha s-soluzzjonijiet għall-problemi li jinteressaw liċ-ċittadini tagħna. 

Għeżież kollegi, 

Tinsab fuq spallejna r-responsabbiltà biex nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba, anki jekk ikunu diffiċli, biex immexxu ’l quddiem dawn il-kwistjonijiet, biex insibu kompromessi. Għalhekk, wara kollox, dħalna fil-politika, biex nirbħu l-battalji li jidhru impossibbli...sakemm, naturalment, jintrebħu. Għandna bagalja sħiħa ta’ esperjenza u ħidma leġiżlattiva li diġà wettaqna flimkien. 

L-Ewropa wriet li tista’ taqdi rwol ta’ tmexxija, li tista’ tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji u llum tista’ terġa’ taqdih dan ir-rwol. 

You may find here the transcriptions of her speech per language: