Metsola lill-Kunsill Ewropew: “Ejjew niffukaw fuq il-kompetittività, is-sigurtà u d-difiża, u l-ugwaljanza soċjali”  

 

“Il-kompetittività, is-sigurtà u d-difiża huma messaġġi elettorali ċari li għandu jkollna fil-programm tal-UE”, qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola lill-Kunsill Ewropew.

Grazzi, Charles. 

Ippermettuli nibda billi ngħid li l-Parlament Ewropew jilqa’ l-patt ta’ kooperazzjoni l-ġdid fil-qasam tas-sigurtà bejn l-Ukrajna u l-Unjoni Ewropea. 

L-aħħar darba li kont Kiev, fid-9 ta’ Mejju, l-awtoritajiet Ukreni infurmawni bil-ħidma diliġenti u bir-riformi li saru bħala tħejjija għall-ftuħ ta’ dan il-kapitolu l-ġdid fir-relazzjonijiet tagħna. Ippermettuli wkoll ngħid li l-fatt li l-President Zelenskyy kien hawn biex jiċċelebra l-okkażjoni huwa valur simboliku importanti u jixhed l-impenn reċiproku tagħna fil-konfront tas-sigurtà komuni u tad-destin kondiviż tagħna. 

Il-pass li sar dan ix-xahar biex jibdew formalment it-taħditiet mal-Ukrajna u mal-Moldova għall-adeżjoni mal-UE huwa sinifikanti u importanti. Il-Parlament Ewropew sostna bil-kbir it-tnedija tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE. M’iniex se ntenni l-benefiċċji kollha ta’ dan l-istrument ġeopolitiku, l-aktar b’saħħtu li għandna. Nixtieq iżda niddedika minuta biex nirringrazzja lill-Presidenza Belġjana talli kkonvokat dawn l-ewwel konferenzi intergovernattivi, b’hekk għamlet pass strateġiku importanti għall-Unjoni Ewropea. Fiċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss tagħna trid tibqa’ prijorità assoluta t-tħejjija tal-Unjoni tagħna għat-tkabbir.

Għaddew ġimagħtejn u nofs mill-elezzjonijiet Ewropej. Illum nistgħu ngħidu li għandna stampa ferm aktar ċara tar-riżultati li ċ-ċittadini jistennew li niksbu f’dawn il-ħames snin li ġejjin. Issa l-isfida hija li dawn il-messaġġi elettorali jissarrfu fi programm politiku għall-Unjoni Ewropea. Programm li jkun serju, li jista’ jinkiseb u li jista’ jiġi implimentat. 

Ilkoll kemm aħna ħerġin minn perjodu twil ta’ kampanja elettorali, iċ-ċittadini tkellmu u issa għandna lkoll kemm aħna nixtarru l-messaġġi li bagħtu, dwar dak li jridu jaraw minna hawn.  

Iċ-ċittadini talbu li jiġu difiżi b’mod sod il-valuri tagħna u li s-sigurtà tibqa’ prijorità assoluta. Dan ifisser li l-appoġġ tagħna favur l-Ukrajna jrid jibqa’ għaddej. 

Ifisser ukoll li għandna naħdmu aktar biex inżidu l-kapaċità tal-Ewropa li tirreaġixxi għal kwalunkwe tip ta’ kriżi u biex inżidu l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Dan jeħtieġ neċessità urġenti li niżviluppaw politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tassew komuni. Politika li tikkomplementa lin-NATO mingħajr ma tikkompeti magħha. 

Fil-leġiżlatura attwali, diġà bdejna nibnu l-pedamenti. Ikkollaborajna biex inqawwu l-kapaċitajiet tagħna, innaqqsu d-duplikazzjonijiet u l-frammentazzjoni tal-industriji tad-difiża. Il-pass li jmiss huwa li nistabbilixxu bażi industrijali tad-difiża b’saħħitha. 

Dan naturalment jorbot mad-diskussjoni dwar il-kompetittività Ewropea, li mill-perspettiva ekonomika u politika hija ta’ importanza kritika. F’dawn l-aħħar snin, rajna bidla fil-mod kif il-potenzi ekonomiċi globali jinteraġixxu u jagħmlu kummerċ ma’ xulxin, fil-mod kif iqisu l-industriji tagħhom meta mqabbel mal-Ewropa. Dan jissottolinja l-bżonn li nsaħħu r-rwol tal-Ewropa fix-xena dinjija. 

Ma jfissirx li għandna ninqatgħu għalina. L-ekonomija tagħna ssaħħet tul is-snin proprju għaliex bqajna sodi biex nagħmlu bil-maqlub. Kummerċ miftuħ, ibbilanċjat u ġust li jkun ibbażat fuq regoli internazzjonali. Inwessgħu n-network tagħna tal-ftehimiet kummerċjali mas-sħab billi nikkonkludu u nirratifikaw dawk li jinsabu fil-fażi ta’ żvilupp. Jeħtieġ li nirduppjaw l-isforzi tagħna. 

It-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea se jirrikjedi wkoll li nespandu s-suq uniku b’tali mod li jitqiegħed fuq l-istess livell mal-bżonnijiet tal-kuntest attwali, speċjalment bit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħna. Nistgħu biss innaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u fl-istess ħin nappoġġaw u nsostnu t-tkabbir ekonomiku billi nżidu l-produttività u nħaffu l-investimenti fil-kapaċitajiet industrijali tagħna. 

Is-suq uniku huwa l-akbar mutur ekonomiku tagħna u dan jeħtieġ li jkun rifless fit-tisħiħ tal-komunitajiet tagħna. B’hekk liċ-ċittadini tagħna nagħtuhom it-tama li jkunu jistgħu jsibu djar adegwati. B’hekk nindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali, il-faqar interġenerazzjonali u l-esklużjoni soċjali li għadhom jolqtu lill-komunitajiet tagħna. 

Iċ-ċittadini jeħtieġu soluzzjonijiet politiċi u strateġiċi minna, u dawn għandhom prezz. Jekk irridu jkollna l-kapaċità u l-likwidità meħtieġa biex niffinanzjaw is-soluzzjonijiet li ċ-ċittadini qegħdin jitolbu minna, jekk irridu nkabbru l-ekonomiji tagħna u nħallsu lura d-dejn tagħna, għandna nfittxu bis-serjetà modi innovattivi biex inħeġġu l-investimenti kemm pubbliċi kif ukoll privati. 

L-ewwel żieda li qatt saret fil-limiti massimi fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit fit-tul attwali tal-UE kienet pass importanti fid-direzzjoni t-tajba, iżda mhux se jgħaddi wisq żmien qabel ma jkollna nippreparaw għall-QFP li jmiss. Jeħtieġ li niżguraw baġit li jkun adatt għall-iskop.

Jeħtieġ ukoll li jkollna diskussjoni adegwata dwar il-frammentazzjoni tas-settur finanzjarju tagħna u, f’livell aktar speċifiku, l-ostakli għall-flussi tal-kapital fl-Unjoni tagħna. Issa, nifhem li din mhijiex xi ħaġa ġdida imma ċertament saret xi ħaġa urġenti.  

Jekk irridu bis-serjetà nimmobilizzaw il-kapital privat biex jinvesti fil-prijoritajiet tagħna, biex jinċentiva lill-kumpaniji tagħna ħalli jibqgħu fl-Ewropa, allura jeħtieġ ukoll li nlestu l-unjoni bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħna. B’hekk insostnu t-tkabbir ekonomiku u noħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità u futur b’dinjità. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nitilfu l-okkażjoni, u lanqas intellfuha liċ-ċittadini tagħna. 

Iċ-ċittadini huma inkwetati dwar jekk jistgħux iħallsu l-kontijiet tagħhom. Jekk ikunux jistgħu jżommu l-impjieg tagħhom jew jekk hux se jkunu jistgħu qatt jifilħu jixtru darhom stess. Il-messaġġ elettorali, f’dan il-każ, għandu jservina ta’ spunt għal riflessjoni.


Hija r-responsabbiltà tagħna li jkollna t-tweġibiet għal dawk il-kwistjonijiet, liema tweġibiet għandhom ikunu msejsa fuq ambizzjoni u komprensjoni. Għaliex minkejja li l-objettivi tagħna huma minn ta’ quddiem nett fid-dinja, u ta’ dan imissna u aħna kburin immens, ir-realtà hi li l-piżijiet u l-burokrazija żejda qegħdin iżommuna lura. 

Kull regolament jaf ikun ġustifikat sewwa iżda meta nqisuhom kollha f’daqqa, hemm bżonn li noqogħdu attenti li niżguraw li dawn ma jaqbżux ċertu livell. Il-proposti tagħna jridu jaħdmu għall-familji, għall-industrija, għall-bdiewa. F’dak li għandu x’jaqsam mal-progress fit-tranżizzjoni ekoloġika u f’dik diġitali, ħadd ma għandu jitħalla lura. F’dan il-punt, l-implimentazzjoni hija kruċjali. Dan issa jrid ikun iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna. 

B’hekk inkunu nistgħu nqarrbu ftit aktar l-Ewropa lejn dik li ċ-ċittadini jixtiquha li tkun. Kif nistgħu nirriflettu dwar il-messaġġ li bagħtilna l-elettorat. Kif se niksbu Ewropa aktar b’saħħitha, aktar sikura, aktar ġusta u aħjar għall-Ewropej kollha. 

U programm b’saħħtu għandu bżonn tim b’saħħtu biex immexxina ’l quddiem. Ma jistax ikollna wieħed mingħajr l-ieħor. 

Il-ġimgħa li għaddiet kont diġà għarraftkom bil-passi li jmiss tal-Parlament Ewropew fil-proċess tal-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni li jmiss imma nixtieq naġġornakom fuq fuq dwar dan. Mill-aħħar darba li ltqajna, Charles Michel attenda għal-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament għall-konsultazzjonijiet mal-mexxejja tal-gruppi politiċi. Il-Parlament Ewropew għadu jsostni bil-qawwa l-proċess tal-kandidat ewlieni u nikkonfermaw li l-Partit Popolari Ewropew għal darb’oħra huwa l-akbar grupp politiku fil-Parlament Ewropew. 

Se nirrispettaw il-proċess skont ir-regoli u wara li tikkomunikawlna l-isem tal-Kunsill Ewropew, se nistiednu lill-persuna tiltaqa’ mal-mexxejja tal-gruppi nhar it-Tlieta. L-għan ta’ dan huwa li jiġi ddeterminat il-kandidat li kapaċi jifforma l-maġġoranza kwalifikata meħtieġa fil-Parlament biex isir il-President tal-Kummissjoni li jmiss. Kandidat li għandu programm politiku u li huwa kapaċi jifhem il-messaġġi elettorali ewlenin u jirrifletti l-fehmiet tal-maġġoranza tal-Kamra.

Ippermettuli nerġa’ nassigurakom li jien u l-kollegi tiegħi ninsabu lesti biex immexxu l-proċess ’il quddiem mingħajr intoppi għall-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni l-ġdid malli l-Kunsill Ewropew iressqilna l-kandidat u, imbagħad, għas-seduti ta’ smigħ tal-Kummissarji.

Grazzi.

You may find here the transcriptions of her speech per language: