L-immigrazzjoni hija l-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna 

 

Illum il-Parlament Ewropew fakkar 10 snin mit-traġedja f'Lampedusa. Fid-diskors tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li qabel tmiem il-mandat irid jinstab ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Patt dwar l-Ażil u l-Migrazzjoni.

Illum niftakru fin-nawfraġju ta’ Lampedusa, li seħħ 10 snin ilu. Traġedja terribbli li ħasdet il-ħajja ta’ aktar minn 360 ruħ. 

U sfortunatament il-verità hi li n-nawfraġju tal-migranti tal-2013 altru li ma kinitx traġedja iżolata: minn dak iż-żmien ’l hawn, iċ-ċimiterju tal-Mediterran ħasad ħajjet eluf ta’ nisa, tfal u rġiel oħra. 

L-emerġenzi reċenti fuq il-gżira ta’ Lampedusa, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien l-oħra, ifakkruna li l-migrazzjoni hija l-isfida tal-ġenerazzjoni tagħna. 

L-Ewropa jeħtiġilha twieġeb b’mod li jkun ġust u uman ma’ dawk li qegħdin ifittxu protezzjoni, sod ma’ dawk li mhumiex eleġibbli u iebes max-xbieki kriminali li għadhom qed jisfruttaw lill-persuni vulnerabbli.

Issa li fadal biss sitt xhur minn meta jintemm il-mandat tagħna, għandna bżonn qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil qabel ma tintemm il-leġiżlatura. Għada f’dan l-emiċiklu se niddiskutu l-urġenza tal-adozzjoni tal-pakkett.

L-impenn tal-Parlament Ewropew biex tinstab it-triq ’il quddiem jibqa’ sod. Għal dawk kollha li tilfu ħajjithom, għall-vittmi kollha tal-isfruttament, għal dawk il-familji kollha li qatt mhuma se jerġgħu jingħaqdu. Il-Parlament Ewropew jiftakar fihom.