Post il-Moldova hu fil-familja Ewropea 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-President tal-Moldova Maia Sandu fil-Parlament Ewropew. Waqt Session Plenarja, il-President Metsola rringrazzjat lill-President Sandu għall-kuraġġ u t-tmexxija waqt l-invażjoni llegali ta’ Putin fl-Ukrajna, li għandha impatt kbir fil-Moldova.

©  L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President tal-Moldova Maia Sandu

Sinjura President, 
Għeżież kollegi,

Magħna llum għandna lill-President tal-Moldova, Maia Sandu.

President, ippermettili nibda billi nirringrazzjak talli aċċettajt l-istedina tagħna biex tkellem lill-Parlament Ewropew. Huwa unur tagħna li nilqgħuk fostna llum fil-Parlament tagħna.

Nixtieq ukoll nirringrazzjak għall-kuraġġ tiegħek waqt l-invażjoni inġusta u illegali tar-Russja fil-konfront tal-Ukrajna li tant kellha impatt fil-fond fuq il-Moldova.

Nirringrazzjak għall-isforzi ta' pajjiżek u għall-impenn personali tiegħek biex tiġi sostnuta viżjoni ta' futur Ewropew għal pajjiżek minkejja d-diffikultajiet kollha. Nafu kemm il-pandemija tal-COVID, l-istrumentalizzazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u l-gwerra vera u proprja tal-Kremlin kontra l-Ukrajna, meqjusin flimkien, laqtuh fil-fond lil pajjiżek. 

L-impenn tal-Moldova fir-rigward tal-proġett Ewropew huwa apprezzat. Ninsabu magħqudin fl-impenn tagħna favur iż-żamma tal-paċi fl-Ewropa u l-valuri komuni tagħna ta' demokrazija u stat tad-dritt. Għalhekk hija r-rieda tagħna li nsawru triq li fiha l-Moldova ma tħosshiex waħedha. 

Irrid ukoll infaħħar l-isforzi tiegħek, u dak tal-poplu tal-Moldova, biex tilqgħu fostkom 450 000 Ukren li għaddew mill-Moldova u talli ftaħtu darkom u qalbkom beraħ għal 90 000 rifuġjat li fittxew kenn f'pajjiżkom. Għandna nuru, u lesti nuru, l-istess grad ta' solidarjetà ma' pajjiżek. Kif diġà għamilna, jeħtiġilna nkomplu ngħinuh politikament, finanzjarjament u bi kwalunkwe assistenza oħra meħtieġa biex jiġġieled kontra l-konsegwenzi tal-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna. 

President, aħna lesti wkoll nappoġġawk meta tibda l-proċess ta' applikazzjoni għall-istatus ta' pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE. 

Nafu li l-Moldova qiegħda ddur fuqna b'determinazzjoni. Kull pajjiż għandu jsegwi l-perkors tiegħu, il-kalendarju tiegħu, iżda m'għandniex nibżgħu nużaw il-forza tal-Ewropa biex intejbu ħajjet in-nies, biex inbiddlu l-ġenerazzjonijiet. Għalhekk hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tibgħat sinjal politiku ċar u sod li nirrikonoxxu l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Moldova u l-isforzi tagħha fl-implimentazzjoni tar-riformi importanti li jqarrbu lill-Moldova lejna.  

Il-Moldova tagħmel parti mill-familja Ewropea.

Għażiża President, għażiża Maia, nagħtik il-kelma.