Il-multilateraliżmu huwa l-akbar storja ta’ suċċess tad-diplomazija moderna  

 

Il-multilateraliżmu huwa l-akbar storja ta’ suċċess tad-diplomazija moderna  

New York  
 
 

Waqt Diskors Ewlieni fl-avveniment ‘Bidu Ġdid għall-Multilateraliżmu: ir-rwol tal-Parlamenti’, fi New York, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li jissaħħaħ mill-ġdid lill-multilateraliżmu u li jkun adattat biex jindirizza l-isfidi attwali.

       

Sinjuri,

Huwa unur għalija u għall-Parlament Ewropew li llum niftħu dan l-iskambju ta’ fehmiet.

Il-multilateraliżmu huwa l-akbar storja ta’ suċċess tad-diplomazija moderna.

Ilu pedament tal-paċi u l-prosperità madwar id-dinja għal għexieren ta’ snin. Iservi ta’ lqugħ kontra l-kunflitti u huwa s-sisien tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Dan huwa l-essenza ta’ dak li tirrappreżenta l-Unjoni Ewropea: Stati li jingħaqdu flimkien b’mod paċifiku biex isolvu d-differenzi tagħhom u jsegwu għanijiet komuni. U nistgħu nagħmlu dan kollu filwaqt li nippreservaw il-kulturi u l-identitajiet tal-pajjiżi, mingħajr ma nagħmlu lil kulħadd l-istess.

Inqis lill-Parlament Ewropew bħala estensjoni ta’ dak il-prinċipju. Huwa l-uniku Parlament elett direttament, multilingwi, multipartitiku u tranżnazzjonali fid-dinja. Post fejn jien u l-kollegi tiegħi ningħaqdu flimkien biex inwasslu soluzzjonijiet f’isem iċ-ċittadini li ftit xhur ilu tellgħuna biex nirrappreżentawhom, f’sebgħa u għoxrin pajjiż differenti ħafna.

Dan l-eżerċizzju kbir ta’ demokrazija huwa l-prodott tal-multilateraliżmu u huwa tassew eżempju ħaj għad-dinja.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet globali, il-multilateraliżmu huwa kruċjali biex jitrawmu l-kooperazzjoni u s-solidarjetà li neħtieġu biex niffaċċjaw sfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri politiċi jew ġeografiċi.

Sfidi bħall-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima, l-iżgurar ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni għal kulħadd u t-tisħiħ tal-ugwaljanza.

Dwar dan l-aħħar punt: bħala President tal-Parlament Ewropew, ridt insemmi wkoll l-impenn istituzzjonali tagħna għall-għanijiet tal-proġett HeForShe. Jikkonsisti f’kampanja li l-PE jista’ jkompli jinsisti fuqha u hija waħda mill-benefiċċji tanġibbli tal-multilateraliżmu li tmur lil hinn mid-diplomazija tradizzjonali iżda li jista’ jkollha impatt profond fuq il-Parlament Ewropew u n-NU li jaħdmu flimkien. Nistgħu nagħmlu aktar f’dan ir-rigward u naf li l-Membri tal-Parlament Ewropew li jinsabu hawnhekk huma impenjati daqsi biex din issir realtà.

Il-multilateraliżmu u l-istituzzjonijiet internazzjonali li jappoġġjawh jiffaċċjaw theddid, iżda l-qagħda f’saħħitha u soda tagħhom dejjem se tkun tiddependi minna.

Mhijiex utopja, irridu nimpenjaw ruħna wkoll għar-riflessjoni u l-introspezzjoni, bl-għarfien li r-rikonoxximent ta’ dak li nistgħu nagħmlu aħjar, se jagħmilna aktar b’saħħitna. Jekk ma nirrikonoxxux dan, nispiċċaw naqgħu lura aktar milli nimxu ’l quddiem.

Sinjuri, ir-riżultat tal-multilateraliżmu qatt ma jrid ikun id-denominatur komuni l-aktar baxx. Għall-kuntrarju, dan għandu jkun l-affermazzjoni mill-ġdid tal-istil tagħna. Il-fatt li nifhem li nista’ nkun Maltija u fl-istess ħin Ewropea, u li l-politiki tagħna mhux biss jirriflettu dan, iżda għandhom ikomplu jirriflettu dan.
Għandna nistinkaw għal aktar. Għandna nkunu aktar ambizzjużi. Iżda bl-istess mod, jeħtiġilna ma nibżgħux mir-riformi jew li nħaddnu ideat ġodda kostruttivi.

In-Nazzjonijiet Uniti, pereżempju, ilhom vuċi importanti għal għexieren ta’ snin, iżda huma wkoll jeħtiġilhom jevolvu. Il-kwistjonijiet li qed niffaċċjaw illum ivarjaw bil-kbir minn dawk li ffaċċjaw ta’ qabilna fil-passat, u s-sistema ta’ governanza globali l-ġdida trid tkun adatta għall-iskop tagħha biex tindirizza t-testijiet li se niffaċċjaw għada.

Fil-Patt għall-Futur, adottat dalgħodu minkejja li xi wħud ippruvaw iwaqqfuh, l-Istati Membri tan-NU bir-raġun jirrikonoxxu li d-diplomazija preventiva hija vitali biex jiġu solvuti l-isfidi multilaterali.

Hawn fejn jidħlu l-parlamenti. Għandna nikkontribwixxu għal dan l-isforz billi nisfruttaw l-għarfien espert tagħhom f’dak li jirrigwarda l-bini tal-kunsens u l-kompromess, is-sejbien ta’ ftehimiet u t-tħeġġiġ favur testi li huma ambizzjużi.

Eżempju eċċellenti huwa l-ħbiberija dejjiema u r-rispett reċiproku li jirfdu l-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

Din tlaqqa’ membri parlamentari, minn madwar id-dinja, u hija bbażata fuq valuri kondiviżi.

Il-Ftehim ta’ Samoa l-ġdid bejn l-UE u l-AKP jaqleb il-kliem f’azzjoni għall-pajjiżi u għaċ-ċittadini tagħna. Dan se javvanza l-Aġenda 2030 li tippromwovi l-paċi, is-sigurtà u l-prosperità, filwaqt li tiġġieled il-faqar u d-diżillużjoni.

Il-parteċipazzjoni attiva tal-parlamenti f’dawn il-proċessi se tkun essenzjali biex jissaħħaħ il-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli, inklużiv u effettiv.

Il-Parlament Ewropew stabbilixxa networks ma’ ħafna korpi leġiżlattivi, inklużi ħafna minn tagħkom hawnhekk, u ħoloq relazzjonijiet solidi ħafna li jmorru lura snin sħaħ u jrawwem networks b’saħħithom b’mod globali.

Il-multilateraliżmu parlamentari jaħdem u Assemblea Parlamentari tan-NU tkun pass fid-direzzjoni t-tajba. Din tkun tiffaċilita skambju strutturat ta’ ideat fost rappreżentanti eletti direttament minn madwar id-dinja. Tagħmel it-teħid tad-deċiżjonijiet aktar trasparenti, billi tqiegħed ir-responsabbiltà fuq spallejna, bħala membri eletti demokratikament, li nispjegaw x’nagħmlu u fuq xiex nivvutaw u x’niddeċiedu f’dawn il-fora.

Fis-seklu 20, il-multilateraliżmu offra tant lid-dinja u huwa tant promettenti għall-futur. Issa huwa l-mument li nagħtuh nifs ġdid. Biex ikun adatt għall-iskop tiegħu fl-isfidi attwali li għandna quddiemna.

U naf li flimkien jista’ jirnexxielna.

Grazzi.