L-Ewropa se tilqa’ l-isfida tat-terroriżmu  

 

L-Ewropa se tilqa’ l-isfida tat-terroriżmu  

Strasburgu  
 
 

Fil-Jum tat-Tifkira tal-UE għall-Vittmi tat-Terroriżmu, il-President tal-Parlament Ewropew onorat il-memorja tal-vittmi waqt avveniment solenni fi Strasburgu. Fl-indirizz tagħha, qalet li l-Ewropa qatt mhi se tittollera t-terroriżmu li huwa attakk fuq is-sigurtà tagħna, fuq il-valuri tagħna l-Ewropej u l-paċi.

       

L-Eċċellenza Tiegħek, President tar-Repubblika,
Sur Kummissarju,
Onorevoli Ministri,
Sinjura Sindku ta’ Strażburgu,
Onorevoli Membri,
Sinjuri, vittmi tal-attentati, qraba u għeżież tal-vittmi,

Il-mibegħda ma għandhiex fruntieri. Kemm jekk f’Madrid jew Mannheim, kemm jekk f’Pariġi jew Brussell, il-familji, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet tagħna sfaw vittmi tat-terroriżmu.

Iżda lanqas il-memorja ma għandha fruntieri. U lkoll kemm aħna għandna d-dover u r-responsabbiltà li niftakru, li nittrażmettu, li nikkommemoraw u li ma ninsew qatt.

Lilkom hawn preżenti llum – Anna, Federica, Michel, Wolfgang, superstiti, qraba u għeżież – irrid ngħidilkom li l-Ewropa kollha tagħtikom l-appoġġ tagħha. Illum, l-Ewropa kollha qed tħoss l-uġigħ u n-niket tagħkom. It-tbatija tagħkom hija t-tbatija tagħna. Is-swied il-qalb tagħkom huwa s-swied il-qalb tagħna. U l-korla tagħkom hija l-korla tagħna wkoll.

Kull sena, fil-11 ta’ Marzu, fl-Ewropa nonoraw it-tifkira tal-vittmi tat-terroriżmu. Iżda nafu li ma tgħaddix ġurnata waħda – anzi, ma tgħaddix sekonda waħda – li ma tħossux il-vojt li ħallew warajhom l-atti tal-waħx. U hawnhekk nixtieq nagħti ġieħ. Lill-qlubija tagħkom. Lid-dinjità tagħkom. Lill-forza li biha ġġorru t-tifkira ta’ dawk li sfajtu mċaħħdin minnhom.

Meta tiġri traġedja, ta’ spiss jingħad li “m’hemmx kliem”. Madankollu, żewġ kelmiet jidwu fija:  Qatt. Iżjed. L-ebda kelma ma tista’ ġġib lura lil dawk li ħadulna. Iżda l-azzjonijiet tagħna, iva, jistgħu jevitaw li familji oħra jsofru l-istess uġigħ.

Huwa għalhekk li dan il-jum ta’ tifkira jrid ikun ukoll jum ta’ impenn. Impenn assolut għall-ġlieda bla heda kontra t-terroriżmu.

L-Ewropa qatt mhi se ċċedi. L-Ewropa taġixxi.

Aħna naħdmu flimkien mal-Istati Membri tagħna u ma’ sħabna fid-dinja kollha biex niġġieldu r-radikalizzazzjoni, nantiċipaw it-theddida terroristika, nilqgħu għall-attakki u nħarsu liċ-ċittadini tagħna.

It-terroriżmu huwa daqqa ta’ ħarta għas-sigurtà tagħna, għall-valuri Ewropej tagħna, għall-paċi fis-soċjetajiet tagħna u għall-koeżistenza armonjuża bejn iċ-ċittadini tagħna. Qatt ma aħna se nittollerawh.

Għalhekk illum, quddiemkom, insostni bil-qawwa li l-għajta “qatt iżjed” ma tridx tkun wegħda fiergħa. L-għajta “qatt iżjed” hija ġurament. Hija responsabbiltà. Hija dover. U l-Ewropa se żżomm kelmitha.

Grazzi.