Fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu, il-Parlament Ewropew ta ġieħ lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.
Fis-26 ta’ April id-dinja ngħaqdet f’luttu għall-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku. Jien flimkien ma’ wħud minnkom irrappreżentajna lil din l-istituzzjoni fil-funeral tal-Papa f’Ruma, fejn mijiet ta’ eluf inġabru biex jikkommemoraw it-telfa tiegħu u jagħtu ġieħ lill-wirt li ħallielna.
Il-Papa Franġisku se jibqa’ mfakkar għat-tmexxija tiegħu li kienet ta’ ispirazzjoni, għall-awtorità morali tiegħu u għall-ġentilezza tiegħu. Kien jaħtaf kull okkażjoni biex isemma’ leħnu favur dinja aktar umana, aktar paċifika u magħquda. Fl-2014, il-Qdusija Tiegħu indirizza lil din il-plenarja u talab li l-Membri kollha “jaħdmu biex l-Ewropa terġa’ tiskopri r-ruħ tajba tagħha”.
U proprju fl-okkażjoni taż-żjara tiegħu, il-Papa Franġisku kiteb messaġġ fil-ktieb li jiġbor fih il-firem u l-ħsibijiet tal-ogħla personalitajiet li żaru l-istituzzjoni fl-istorja tagħha. Nixtieq naqsam magħkom il-kliem li ried jiddedikalna: “Nawgura li l-Parlament Ewropew ikun dejjem aktar is-sede fejn kull Membru tiegħu jikkontribwixxi biex l-Ewropa, konxja tal-passat tagħha, tħares b’fiduċja lejn il-futur biex tgħix b’tama l-preżent.”
Filwaqt li din il-Kamra tibki t-telfa tiegħu, niftakru wkoll fl-appell tiegħu għall-azzjoni u għall-kollaborazzjoni ta’ kuljum għal Ewropa aħjar, aktar kompassjonevoli u aktar kuraġġuża. Nistidinkom issa tingħaqdu miegħi f’minuta silenzju.