Sena mill-qtil ta’ Mahsa Amini, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fetħet is-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu fejn tenniet li l-Parlament qiegħed ma’ min jiġġieled għall-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà.
Għeżież kollegi,
Din il-ġimgħa, fis-16 ta’ Settembru, il-qtil ta’ Mahsa Amini fl-Iran jagħlaq sena.
Ippermettuli ntenni li l-Parlament Ewropew huwa kburi li jappoġġja lil dawk in-nisa u l-irġiel li, b’kuraġġ u bi sfida, qegħdin ikomplu jiġġieldu favur l-ugwaljanza, id-dinjità u l-libertà fl-Iran. Nappoġġjaw ukoll lil dawk li saħansitra mill-ħabs ikomplu jżommu ħaj il-moviment “Nisa, Ħajja, Libertà”: Narges Mohammadi, Bahareh Hedayat, Nasrin Javadi, Golrokh Iraee, Sepideh Gholian u ħafna, ħafna oħrajn.
Nikkundannaw bl-aktar mod qawwi għal darb’oħra r-reġim Iranjan talli ħa bħala ostaġġi lil ċittadini tal-UE u b’ċittadinanza doppja. Nitolbu b’mod partikolari l-ħelsien immedjat tal-uffiċjal tal-UE Johan Floderus u tal-Professur Ahmad Reza Djalali.
Għada, din il-Kamra se tfakkar u tagħti ġieħ lill-wirt li ħalliet Mahsa Amini u ta’ dawk kollha li ħallsu b’ħajjithom għal-libertà.