Il-Parlament jilqa' lill-Maestà Tiegħu r-Re tal-Belġjani 

 

Hi u tilqa' lill-Maestà Tiegħu r-Re tal-Belġjani, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Belġju kellu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-Unjoni tagħna, dejjem ħares l-ideali Ewropej u favur il-valuri Ewropej.

Maestà,
Għeżież kollegi,

Illum il-Parlament Ewropew huwa onorat biż-żjara tal-Maestà Tiegħu, ir-Re tal-Belġjani.

Maestà, is-sena li għaddiet kien pjaċir għalija u għall-kollegi tiegħi niċċelebraw flimkien miegħek f’Laeken is-70 anniversarju tal-Parlament Ewropew. Din is-sena, huwa privileġġ għalina fil-Parlament Ewropew li nilqgħuk fostna fl-emiċiklu tagħna ta’ Brussell matul il-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. 

Brussell – il-qalba tal-Ewropa – tilqa’ fi ħdanha ħafna mill-istituzzjonijiet Ewropej u hija d-dar tal-Parlament Ewropew. Aħna grati li ninsabu hawn u eluf ta’ Ewropej li jaqdu l-Ewropa huma kburin li jqisu lill-Belġju bħala darhom. 

Il-Belġju – membru fundatur tal-Unjoni Ewropea – żvolġa rwol ta’ tmexxija fl-iżvilupp tal-Unjoni tagħna. Dejjem ipproteġa l-ideali Ewropej u ddefenda l-valuri Ewropej. 

F’Jannar li għadda, iż-żjara f’dan il-Parlament tal-Prim Ministru tal-Belġju, Alexander De Croo, kienet opportunità biex tiġi delinjata l-importanza tal-Presidenza Belġjana. Tagħlaq ċiklu leġiżlattiv intens li dam 5 snin, ikkaratterizzat minn sfidi liema bħalhom. Jiena kburija bil-mod kif il-Parlament Ewropew daħal għalihom.

Ovvjament, il-Parlament tagħna għad għandu volum ta’ xogħol qawwi f’din is-seduta plenarja tal-lum kif ukoll sal-aħħar nett ta’ din il-leġiżlatura, biex liċ-ċittadini Ewropej inkomplu nagħtuhom, kif għamilna sa issa, is-soluzzjonijiet li jistennew mill-Unjoni Ewropea tagħna.
 
F’60 ġurnata mil-lum, il-poplu Belġjan, u għall-ewwel darba anki ż-żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena, se jkunu mistiedna jivvotaw għat-22 Membru tal-Parlament Ewropew li se jirrappreżentaw l-interessi tagħhom u jiggwidaw l-Ewropa għall-ħames snin li ġejjin. Nafdaw fihom biex iwasslu l-messaġġ li l-Ewropa hija importanti, kif inhuma importanti s-70 sena tad-demokrazija tal-Parlament Ewropew, li trid tiġi difiża aktar.

Ippermettuli nilqa’ wkoll lill-istudenti ta’ dawn l-iskejjel: GO! Atheneum ta’ Halle, l-Institut Saint-Boniface Parnasse ta’ Ixelles u s-Sacré-Cœur ta’ Jette, li jinsabu fil-gallarija diplomatika. Ġew fid-Dar tad-demokrazija Ewropea tagħna proprju llum għaż-żjara tal-Maestà Tiegħek.

Maestà, ippermettili nagħlaq billi nirringrazzjak tal-impenn personali, tad-dedikazzjoni għas-servizz pubbliku u tal-eżempju tiegħek. 

Nagħtik il-kelma.