Il-President Metsola u l-President Sánchez jonoraw il-legat ta' Clara Campoamor  

 

Il-President Metsola u l-President Sánchez jonoraw il-legat ta' Clara Campoamor  

Brussell  
 
 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-President tal-Gvern Spanjol Pedro Sánchez onoraw il-legat ta' Clara Campoamor, li kellha rwol kruċjali biex tagħti vuċi lin-nisa fi Spanja. Mill-lum, il-Parlament Ewropew għandu binja fi Brussell imsemmija għal Clara Campoamor.

       

© L-Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola mal-President tal-Gvern Spanjol Pedro Sánchez

President Sánchez, 
Mistednin distinti,

Huwa pjaċir tiegħi nkun hawn illum, flimkien mal-President tal-Gvern Spanjol, Pedro Sánchez, u ma' Membri prominenti Spanjoli tal-Parlament Ewropew maġenbi, biex nonoraw il-wirt li ħallitilna mara Spanjola kbira: Clara Campoamor. Bħala avukat u politiku, żvolġiet rwol kruċjali biex tagħti vuċi lin-nisa fi Spanja u, għaldaqstant, anki vuċi lin-nisa fl-Ewropa.

U għalhekk li fil-Jum Internazzjonali tal-Mara tas-sena li għaddiet, il-Bureau ta' dan il-Parlament Ewropew iddeċieda li jsemmi waħda mill-binjiet tiegħu stess "binja Clara Campoamor". Imma din mhijiex binja bħall-oħrajn.

Din il-binja Clara Campoamor tilqa' fiha l-biċċa l-kbira tal-persunal tar-riżorsi umani tagħna hawn Brussell. Din il-binja hija l-ewwel punt ta' riferiment għall-kollegi reklutati ġodda. Proprju hawn, fi spazji ta' ħidma kollaborattiva ta' din id-dar li reġgħet inbniet fl-2019, jiġu milqugħa l-membri l-ġodda tal-persunal tal-Parlament Ewropew. 

Proprju f'din il-binja titħejja s-Selezzjoni tat-Talenti. U hekk kif il-membri tal-persunal tagħna javvanzaw fil-karrieri tagħhom, huwa l-persunal tar-riżorsi umani f'din il-binja li se jgħinu lill-kollegi f'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħlim u l-iżvilupp, mal-mobilità u mal-benesseri. Huwa wkoll proprju hawn fejn se jitolbu informazzjoni dwar il-faċilitajiet tal-indukrar tat-tfal fi Brussell.

Dan kollu jfisser li s-servizzi f'din il-binja Clara Campoamor huma radikati fl-ugwaljanza, fl-inklużjoni u fid-diversità. Valuri li tant kienet tgħożż Clara Campoamor. Valuri umani li tant jgħożż ukoll dan il-Parlament. 

Jixraq għalhekk li nonoraw lil Clara Campoamor hawn fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Żvolġiet rwol kruċjali biex il-prinċipju ta' premura jrabbi l-għeruq fis-soċjetà tagħna, kif ukoll biex issir il-ġlieda favur id-demokrazija, fi żmien meta – inqas minn 100 sena ilu – id-dritt fundamentali tal-vot f'numru wisq kbir ta' postijiet kien għadu miċħud lin-nisa abbażi tal-ġeneru! 

Campoamor kellha raġun meta qalet: "In-nisa jikkontribwixxu għal aktar minn nofs in-nazzjon u mhuwiex possibbli li ssir ħidma leġiżlattiva serja mingħajr aktar minn nofs in-nazzjon". U għalhekk issieltet favur l-ekwità u l-ġustizzja.

It-triq tal-politika għan-nisa għadha ferm aktar iebsa, iżda jekk illum ninsab hawn quddiemkom bħala President tal-Parlament Ewropew, huwa bis-saħħa tal-wirt li ħallewlna nisa b'saħħithom li ġew qabli. Huwa bis-saħħa ta' Clara Campoamor u ta' bosta oħrajn li bla heda ssieltu biex isawru l-Ewropa, sabiex tkun post aħjar għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

B'dan nikkonkludi u nagħti l-kelma lill-President tal-Gvern Spanjol, is-Sur Pedro Sánchez, biex jaqsam kelmtejn magħna.

Grazzi.