Il-President Metsola fil-Kunsill Ewropew: Is-Suq Uniku huwa l-akbar mutur ekonomiku tal-Ewropa 

 

It-tisħiħ tas-Suq Uniku jiżgura l-kompetittività, il-prosperità u t-tmexxija tal-Ewropa fix-xena globali, qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola fil-Kunsill Speċjali Ewropew.

Grazzi, Charles.

Sinjuri, il-lejla t-tajba.

Daqs 50 ġurnata oħra, mijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej se jkunu qed joħorġu jivvotaw. Kif tafu, qiegħda nżur lill-Istati Membri biex flimkien mal-Membri tal-PE nisimgħu liċ-ċittadini. Il-persuni li ltqajna magħhom semmewlna, fost il-prijoritajiet prinċipali tagħhom, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, is-sigurtà, it-tisħiħ tal-ekonomija u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.  

Dawn huma kwistjonijiet li għalihom iċ-ċittadini jistennew li niksbu riżultati, kif diġà għamilna fil-qasam tal-migrazzjoni. Għalhekk nilqa’ d-diskussjoni tagħna dwar il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u l-ispinta lill-kompetittività Ewropea bis-saħħa tal-analiżi ta’ Enrico Letta fir-Rapport ta’ Livell Għoli tiegħu dwar il-Futur tas-Suq Uniku. Dan kollu wasal f’mument kritiku. 

Għeżież kollegi,

Is-suq uniku huwa l-mudell tat-tkabbir esklużiv tal-Unjoni tagħna. Kien il-mutur qawwi tal-konverġenza u l-aktar riżorsa prezzjuża li għandna. Illum, iċ-ċittadini jistgħu jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jsiefru fejn jogħġobhom fl-Unjoni tagħna. Is-suq uniku jgħin lill-impriżi, kemm kbar kif ukoll żgħar, jiftħu negozju kull fejn jagħżlu li jiftħuh, u dan jagħtihom aċċess akbar għas-suq filwaqt li jrawwem il-kompetittività. Jippermetti wkoll lill-konsumaturi jkollhom għażliet usa’, bi prezzijiet orħos u b’ħarsien tal-konsumatur aktar b’saħħtu li jqis l-interessi tagħhom. Il-fatt li aħna l-akbar suq demokratiku uniku tad-dinja saħħaħ il-qagħda tagħna fid-dinja. 

Minkejja dan, maż-żmien ir-realtajiet ġeopolitiċi l-ġodda u l-isfidi dejjem aktar kumplessi ħarġu fid-dieher il-vulnerabbiltajiet tas-suq uniku tagħna. Kif nistgħu nagħmlu lill-Ewropa aktar kompetittiva, aktar innovattiva u aktar awtonoma? Kif nattiraw il-kumpaniji, noħolqu l-impjiegi u nżidu t-tkabbir ekonomiku?

Is-suġġett li qegħdin niddiskutu hawn illum mhuwiex ġdid. Għal aktar minn 30 sena, is-suq uniku kien proġett f’evoluzzjoni, marbut b’mod intrinsiku mal-prijoritajiet strateġiċi tal-UE. F’dan il-mument, jeħtieġ niftakru li l-proġett tas-suq uniku Ewropew huwa u dejjem kien profondament politiku. Nemmen li ż-żona ekonomika tagħna għad għandha l-potenzjal li twassal għal benefiċċji saħansitra akbar għaċ-ċittadini tagħna. Wasal il-mument li nġeddu l-impenn tagħna fih. 

Dan l-impenn ifisser li nespandu s-suq uniku tagħna b’tali mod li jitqiegħed fuq l-istess livell mal-bżonnijiet tal-kuntest attwali, speċjalment bit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħna. Nistgħu biss innaqqsu d-dipendenzi strateġiċi u fl-istess ħin nappoġġaw u nsostnu t-tkabbir ekonomiku billi nżidu l-produttività, inħaffu l-investimenti fil-kapaċitajiet industrijali tagħna, inkluż fil-grilji enerġetiċi intelliġenti, u nintegraw is-suq uniku għall-enerġija, għall-finanzi u għat-telekomunikazzjonijiet. Is-suq uniku huwa l-akbar mutur ekonomiku tagħna u dan jeħtieġ li jkun rifless fit-tisħiħ tal-komunitajiet tagħna. B’hekk nindirizzaw l-esklużjoni soċjali, kemm offline kif ukoll online.

Fil-prattika, dan se jirrikjedi aktar sforzi biex ikollna kundizzjonijiet ekwi. L-adozzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, tal-Att dwar is-Swieq Diġitali u tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali huma passi importanti fid-direzzjoni t-tajba. Iżda jinħtieġ livell indaqs ta’ impenn fir-rigward tal-enerġija u, f’sens aktar ġenerali, tat-tranżizzjoni ekoloġika. 

Minkejja li l-objettivi tagħna fil-qasam huma minn ta’ quddiem nett fid-dinja, u ta’ dan imissna u aħna kburin, ir-realtà hi li l-burokrazija żejda qiegħda żżommna lura. F’xi postijiet, pereżempju, il-fażijiet ta’ żvilupp biex jinbena park eoliku offshore jistgħu jieħdu l-istess żmien daqs il-bini ta’ park eoliku onshore mill-bidu sal-aħħar. Dan ifisser li, bħalissa, il-bini ta’ infrastruttura aktar effiċjenti fl-Ewropa huwa konsiderevolment anqas attraenti. 

Iżda apparti li hija xkiel għall-investimenti strateġiċi u għall-ambizzjonijiet klimatiċi tagħna, il-burokrazija hija wkoll ostaklu għall-inklużjoni soċjoekonomika. Id-dimostrazzjonijiet tal-bdiewa huma eżempju lampanti ta’ sitwazzjoni li fiha l-ambizzjonijiet tagħna ma kinux jaqblu mal-bżonnijiet u mal-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna. Din altru li mhijiex biss kwistjoni agrikola, u jeħtieġ li dan jiġi rifless fl-aġenda strateġika. 

Għalhekk dejjem sostnejt li biex taħdem, u huwa neċessarju li taħdem, it-tranżizzjoni ekoloġika trid tħaddan kull settur. Ma tista’ tħalli lil ħadd jibqa’ lura. Trid toffri inċentivi reali u xbieki ta’ sikurezza għall-industrija. Iċ-ċittadini għandu jkollhom fiduċja fil-proċeduri, u għandhom jifilħu jħallsu għalihom. Inkella, tirriskja li timbotta dejjem aktar lin-nies fil-kumdità tal-pożizzjonijiet estremi, paradossalment proprju fil-mument meta qed nitolbu lin-nies isostnu l-Ewropa. Ma nistgħux nippermettu li dan iseħħ.

Fattur ieħor li jxekkel il-progress ekonomiku huwa l-frammentazzjoni tas-settur finanzjarju tagħna u, f’livell aktar speċifiku, l-ostakli għall-flussi tal-kapital fl-Unjoni tagħna. Minkejja li f’dawn l-aħħar snin l-investimenti ekoloġiċi qabdu ritmu ġmielu, għad fadal distakk ta’ aktar minn €400 biljun fis-sena li jrid jimtela. Dan id-distakk, anki jiġi rrevedut l-approċċ tagħna rigward l-għajnuna mill-Istat, sempliċement ma jistax jimtela bil-finanzjamenti pubbliċi waħedhom. 

Il-moviment liberu tal-kapital huwa waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tas-suq uniku. Minkejja dan, wara għexieren ta’ snin ta’ integrazzjoni, għad hemm ostakli li jħallu impatt fuq il-kompetittività globali tagħna. 

Biex l-impriżi u l-industriji tagħna jkunu jistgħu jespandu u jkunu innovattivi, joħolqu l-impjiegi u jinċentivaw opportunitajiet ta’ ffrankar aħjar għaċ-ċittadini tagħna, jiġġeneraw il-ġid u jiżguraw il-kompetittività tal-Ewropa, hemm bżonn noħolqu l-oqfsa u l-kundizzjonijiet it-tajba għan-negozji l-ġodda u għall-SMEs biex jibqgħu fl-Ewropa. Dan ifisser li hemm bżonn inlestu l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħna. Kif għedt qabel, l-espansjoni tas-suq uniku dejjem kienet tiddependi mir-rieda politika. Reġa’ wasal il-mument li f’din il-kwistjoni nieħdu rajna f’idejna jew inkella nissugraw li nitilfu kollox.

B’hekk nistgħu nuru liċ-ċittadini li l-proġett tagħna huwa proġett li jagħti l-frott. Huwa l-mod kif nindirizzaw il-problemi reali u ntaffu l-isfidi li jsibu quddiemhom l-impriżi u l-familji fl-Ewropa kollha li jkollhom iħallsu kontijiet ogħla, iħabbtu wiċċhom ma’ swieq immobiljari inċerti, biex ma nsemmux dawk li bilkemm jaslu sal-aħħar tax-xahar. Huwa l-mod kif niżguraw kompetittività, prosperità u rwol ta’ tmexxija fit-tul fix-xena dinjija.

Fil-proċess li fih inqawwu l-impenn tagħna favur is-suq uniku, nirriformaw u nħejju ruħna għad-dinja li ngħixu fiha u li qed tinbidel, it-tkabbir tal-UE biex tilqa’ fiha l-Ukrajna, il-Moldova, il-Georgia u l-Balkani tal-Punent irid jibqa’ prijorità assoluta fl-aġenda strateġika u politika tagħna. U f’dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għall-Balkani tal-Punent tirrappreżenta pass fid-direzzjoni t-tajba. Turi għal darb’oħra li s-suq uniku jagħmilna aktar attraenti. Qiegħda tqarreb lejna l-alleati tal-Balkani tal-Punent u b’hekk qiegħda ssaħħaħ il-kontinent tagħna, l-Unjoni tagħna, l-istil Ewropew tagħna u lilna lkoll. Il-Parlament Ewropew dan fehmu. Għalhekk ingħaqadna biex adottajnieha fi żmien rekord.

Għeżież kollegi,

Bdejt l-intervent tiegħi llum billi semmejt dak li jinkwieta liċ-ċittadini tagħna. L-Ewropej iriduna nsaħħu wkoll l-istrutturi ta’ sigurtà u difiża tagħna biex nipproteġu l-paċi u d-demokrazija f’dawn il-ħames snin li ġejjin. Dak li qiegħed jiġri fil-fruntieri tagħna jrid jibqa’ prijorità fl-aġenda tagħna. 

Ir-Russja kompliet bl-attakki illegali u indiskriminati bla heda tagħha kontra l-Ukrajna. Diġà offrejna appoġġ sod lill-Ukrajna mil-lat politiku, diplomatiku, umanitarju, ekonomiku u militari. L-appoġġ tagħna għall-Ukrajna jrid jibqa’ sod. Hemm bżonn li nħaffu u nintensifikaw il-forniment ta’ tagħmir li jeħtieġu, anki fl-ambitu tad-difiża tal-ajru.

L-appoġġ tagħna ma jistax ibatti. 

L-istess jgħodd għat-tentattivi tar-Russja biex tgħawweġ in-narrattivi u ssaħħaħ l-opinjonijiet favur il-Kremlin qabel l-elezzjonijiet Ewropej li jmiss ta’ Ġunju permezz tad-diżinformazzjoni. Dan ma għadux biss theddida iżda possibbiltà; possibbiltà li jeħtiġilna nkunu lesti nikkuntrastawha. Dwar dan il-punt, ippermettuli nserrħilkom raskom għal darb’oħra li l-Parlament Ewropew jinsab lest jappoġġakom b’kull mod possibbli fir-respinġiment u fl-indirizzar ta’ kwalunkwe ndħil malizzjuż fil-proċessi deċiżjonali demokratiċi tagħna, kif dejjem għamel.

Rigward is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-attakki bla preċedent tal-Iran bid-droni u bil-missili fuq Iżrael jirriskjaw li jkomplu jħarrxu t-tensjonijiet fir-reġjun. Bħala Unjoni, se nkomplu naħdmu biex intaffu t-tensjonijiet u nimpedixxu li s-sitwazzjoni tiddeġenera f’aktar tixrid tad-demm. 

Is-sena l-oħra l-Parlament Ewropew ivvota bi ħġaru biex il-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika jitniżżel fil-lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi. Għadna nsostnu din il-pożizzjoni. U b’dawn l-iżviluppi inkwetanti, huma neċessarji u ġustifikati sanzjonijiet ġodda fil-konfront tal-Iran għall-programmi tiegħu rigward id-droni u l-missili. 

F’Gaża, is-sitwazzjoni għadha waħda ta’ disprament. Ippermettuli ntenni li l-Parlament Ewropew se jkompli jinsisti għal waqfien mill-ġlied. Se nkomplu nitolbu li jirritornaw l-ostaġġi li fadal filwaqt li nisħqu fuq il-fatt li Ħamas ma jistax jibqa’ jopera b’impunità. Dan huwa l-mod kif nippermettu li tidħol aktar għajnuna f’Gaża, kif insalvaw il-ħajja ta’ nies innoċenti u kif nippromwovu l-bżonn urġenti ta’ soluzzjoni ta’ żewġ Stati li tagħti prospettiva reali lill-Palestinjani u sigurtà lil Iżrael. 

Għeżież kollegi, 

Dan hu l-aħħar Kunsill Ewropew qabel l-elezzjonijiet ta’ Ġunju. Nixtieq nirringrazzjakom talli għamiltu dawn l-iskambji tant interattivi u ta’ dak kollu li diġà għamiltu biex tappoġġaw l-isforzi tagħna ħalli ċ-ċittadini joħorġu jivvotaw. U, serrħu raskom, il-Parlament se jkompli jaħdem sal-aħħar minuta tal-mandat biex jagħti soluzzjonijiet liċ-ċittadini Ewropej kollha.

You may find here the transcriptions of her speech per language: