Waqt l-inawgurazzjoni tal-bini Simone Veil fi Strasburgu mal-Prim Ministru ta’ Franza Élisabeth Borne, il-President tal-Parlament Ewropew onorat il-legat ta’ Simone Veil u l-kontribut tagħha għall-proġett Ewropew.
Grazzi, Onorevoli Prim Ministru, Sur President tar-Reġjun Grand Est, Sur President tal-Kollettività Ewropea ta’ Alsace, Sinjura President tal-Eurométropole, Sinjura Sindku, Onorevoli Membri, Sur Kummissarju, Onorevoli Ministru,
“Waqt id-deportazzjoni, irriflettejt li jekk xi darba jirnexxilna noħorġu ħajjin mill-kamp ma jmissniex infittxu vendetta ġdida fil-konfront tal-Ġermaniżi iżda nippruvaw niksbu rikonċiljazzjoni.”
Minkejja li kienet xhud u vittma tal-aktar kapitlu mudlam tal-istorja Ewropea, ix-Shoah, Simone Veil, patrijotta Franċiża u pijuniera Ewropea, kienet temmen fl-umanità u r-rikonċiljazzjoni bejn il-popli.
Kellha fidi ferma fil-possibbiltà li l-bniedem jitgħallem mid-diżastri tal-imgħoddi biex jibni ġejjieni aħjar għall-Ewropa.
Simone Veil saret l-ewwel President ta’ Parlament Ewropew elett b’vot universali dirett u l-ewwel President mara ta’ istituzzjoni Ewropea. Matul il-mandat tagħha, stinkat biex tibdel il-Parlament Ewropew f’attur politiku ġenwin mogħni b’leġittimità popolari.
Mhux biss bl-azzjoni tagħha ħalliet effett kbir fuq Franza, talli kellha wkoll impatt inalterabbli fuq il-kostruzzjoni Ewropea. Bl-istorja personali tagħha u l-wirt li ħalliet warajha, l-immortali Simone Veil saret tinkarna, flimkien ma’ oħrajn, il-proġett politiku li jinsab fil-qalba tal-ħidma tagħna. Hija mudell għal ħafna minna.
Jekk jien sirt l-iżgħar President fl-istorja tal-Parlament Ewropew, kien bis-saħħa tal-battalji li ġġieldet Simone Veil. Għaldaqstant, jiena konxja mir-responsabbiltà tiegħi lejha, lejn in-nisa kollha li se jiġu warajja u lejn il-proġett Ewropew tagħna.
Ħbieb,
L-akkwist tal-binja Simone Veil juri biċ-ċar l-impenn qawwi tal-Parlament Ewropew favur is-sede tiegħu fi Strażburgu – belt tal-paċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħajja demokratika Ewropea. Strażburgu, kif enfasizzajt fid-diskors inawgurali tiegħi, hija imperattiv demokratiku.
Dan għaliex il-preżenza tagħna f’din il-belt, f’Alsace, tattwa ġeografikament is-separazzjoni tas-setgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u tagħmel l-assemblea tagħna istituzzjoni ġenwina, fil-qrib u aċċessibbli, għas-servizz taċ-ċittadini.
Hemm is-simboli. U hemm l-atti. Din il-binja tixhed l-ambizzjoni tagħna biex niżviluppaw is-sede tagħna.
L-akkwist ta’ dan il-bini l-ġdid se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-approċċ globali li l-Bureau tal-istituzzjoni tagħna adotta fis-6 ta’ Lulju 2022 biex jottimizza l-funzjonament tas-sede tal-Parlament Ewropew fi Strażburgu.
Se jippermettilna nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna f’termini ta’ spazju addizzjonali u nappoġġjaw l-iżvilupp tal-attivitajiet parlamentari tagħna hawnhekk fi Strażburgu. Maż-żmien, il-binja Simone Veil se tilqa’ kważi seba’ mitt ruħ u se tintuża esklużivament mis-servizzi tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament.
Sinjuri,
Dan il-proġett ma kienx mill-aktar faċli biex jitwettaq, iżda meta jkun hemm ir-rieda, kull ostaklu jingħeleb.
F’dan ir-rigward, nixtieq insellem lil dawk li akkumpanjawni matul dan il-vjaġġ, il-Viċi Presidenti tagħna Rainer Wieland u Dita Charanzová, kif ukoll il-Kwesturi tagħna, Anne Sander u Fabienne Keller, li impenjaw ruħhom bis-sħiħ għas-suċċess ta’ dan il-proġett.
Id-determinazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali rappreżentati llum ikkontribwiet ħafna wkoll biex dan il-proġett jirnexxi. Nirringrazzja b’mod partikolari lill-President Frédéric Bierry talli dejjem emmen fil-proġett. Grazzi wkoll lil Roland Ries, ex sindku ta’ Strażburgu, talli kien mhux biss awdaċi iżda wkoll viżjonarju meta ppropona proġett bħal dan.
Fl-aħħar nett, dan il-proġett irnexxielu jitlesta wkoll bis-saħħa tal-kooperazzjoni eċċellenti bejn il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet Franċiżi. L-impenn bla heda tal-gvern tiegħek, Onorevoli Prim Ministru, fir-rigward tal-istituzzjoni tagħna qatt ma naqas.
Naċċertak ukoll mill-impenn tiegħi u dak tal-Parlament Ewropew biex inkomplu mmexxu ’l quddiem dik li diġà hija kooperazzjoni mill-qrib bejn Franza u l-istituzzjoni tagħna.
Grazzi.