Il-President Metsola lill-Kunsill Speċjali Ewropew: Ġurnata importanti għall-għaqda Ewropea 

 

Hi u tindirizza lill-mexxejja Ewropej waqt Kunsill Ewropew speċjali, il-President tal-Parlament Ewropew Metsola sejjħet għall-għaqda fl-appoġġ lill-Ukrajna, fir-rispons għall-isfidi tal-immigazzjoni u biex nibnu fiduċja fl-ekonomija Ewropea.


Illum hija ġurnata importanti għall-għaqda Ewropea. 

Dalgħodu, il-Parlament Ewropew kellu l-unur jilqa' lill-President Zelenskyy, eżempju awtentiku tal-qlubija, tal-kuraġġ u tar-reżiljenza tal-poplu Ukren. Il-President Zelenskyy tkellem fl-Emiċiklu tagħna, iżda kliemu dewa mal-Ewropa kollha. Il-messaġġ tiegħu kien wieħed qawwi ta' għaqda u tfakkira tal-fatt li l-battalja għall-Ukrajna mhijiex biss battalja għat-territorju iżda anki għad-difiża tal-valuri komuni tagħna. 

Għaddiet kważi sena minn meta r-Russja invadiet illegalment l-Ukrajna, Stat sovran u indipendenti. Għandna biex ikunu kburin bis-solidarjetà sħiħa tagħna mal-poplu Ukren

imma l-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja. Ma nistgħux inħallu l-għeja minħabba l-gwerra tagħmel tagħha – dan huwa dak li qed jittama l-Kremlin. Irid jeżawrixxi s-sistemi tagħna u l-paċenzja tagħna. 

L-Ukrajna għad għandna bżonn aktar appoġġ. 

L-Ukrajna għandha bżonn l-armi. F'din il-fażi li jmiss tal-gwerra, se jkun hemm bżonn armamenti aktar peżanti: jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-karrijiet armati, il-ġettijiet u s-sistemi ta' difiża għal distanzi twal, u f'dan ir-rigward jeħtiġilna ngħaġġlu. M'hemmx ħin għall-kompjaċenza.

B'hekk inkunu nistgħu ngħinu biex tinkiseb il-paċi. Paċi bid-dinjità. Paċi bil-libertà. Paċi bil-ġustizzja. 

L-Ukrajna hija l-Ewropa. Is-sena l-oħra, ħadna d-deċiżjoni storika li nagħtu lill-Ukrajna u lill-Moldova l-istatus ta' pajjiżi kandidati tal-UE. Ma kienx biss att simboliku, iżda rikonoxximent ċar tal-fatt li post l-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea. Jeħtiġilna nkunu lesti li mill-kliem ngħaddu għall-fatti. L-Ukrajna għamlet progress notevoli f'dak li għandu x'jaqsam mar-ritmu tar-riformi tagħha. U nittama li n-negozjati għall-adeżjoni jkunu jistgħu jibdew mill-aktar fis possibbli, dment li l-Ukrajna tissodisfa l-kriterji neċessarji kollha.

Is-sena l-oħra wrietna wkoll li nistgħu nkunu magħqudin biex nindirizzaw l-isfidi li joħolqu l-movimenti kbar ta' persuni. Urejna li dan nistgħu nagħmluh.

Sena wara l-oħra, leġiżlatura wara l-oħra, il-migrazzjoni għadha sfida rikorrenti għalina lkoll u, minkejja dan, ma rnexxilniex naqblu fuq approċċ sostenibbli fit-tul. 

Naf li kull wieħed minna għandu t-tentazzjoni jieħu azzjoni għal rasu. L-awtokrati dan jafuh u ċ-ċiniċi jittamaw li dan iseħħ. Huwa proprju f'dawn il-mumenti diffiċli li jeħtiġilna nirreżistu t-tentazzjoni. 

Ħaġa waħda hija ċara għalija: hemm sfidi li jirrikjedu risposta Ewropea. U jkunu kemm ikunu kumplessi u jkollhom kemm ikollhom dimensjonijiet, għandna – u nistgħu – insibu ftehimiet li jmorru ferm lil hinn mill-immedjat.

Bil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil, diġà għandna pjan: 

•    Dan l-aħħar kien hemm ħafna diskussjonijiet, bir-raġun, dwar it-tisħiħ tal-fruntieri esterni tagħna. Imma ma għandniex ninsew li diġà nistgħu nibdew nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet, mingħajr ma nikkompromettu l-integrità taż-żona Schengen, bi ftehim rigward ir-Regolament dwar il-Proċeduri tal-Ażil u dwar l-Iskrinjar.

•    Tkellimna dwar ir-riżoluzzjoni tal-problema tal-movimenti sekondarji u dwar is-solidarjetà effettiva. Iżda nistgħu nagħtu tweġiba lil dawn id-diskussjonijiet permezz ta' ftehimiet dwar Eurodac u r-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni. 

•    Tkellimna wkoll dwar id-dimensjoni esterna u l-isforzi tagħna mal-pajjiżi terzi ewlenin, diskussjoni diġà prevista fi ħdan ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni.  Hemm bżonn nitkellmu aktar dwar ir-ritorni. Għadhom ftit wisq dawk li għandhom u jistgħu jintbagħtu lura f'kundizzjonijiet ta' sikurezza, imma ma jintbagħtux. Dan hu diffiċli biex tispjegah liċ-ċittadini tagħna. Nistgħu nagħmlu aħjar. Nistgħu niżguraw li r-riżorsi tagħna jmorru lil dawk li l-aktar għandhom bżonnhom. 

•    Il-Patt dwar il-Migrazzjoni jista' saħansitra jmur lil hinn minn dawn il-kwistjonijiet: fil-forma olistika tiegħu, iqis ukoll is-sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' forza maġġuri u ta' ċirkostanzi mhux previsti oħrajn. 

Għalhekk ma nistgħux inressqu l-attenzjoni tagħna band'oħra mill-bżonn li: niffinalizzaw ir-riforma tal-qafas leġiżlattiv dwar l-ażil u l-migrazzjoni qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura. 

Dan hu l-impenn li ħa l-Parlament Ewropew u li ħadu l-ħames Presidenzi b'rotazzjoni tal-Kunsill fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej f'Settembru tas-sena l-oħra. Kwalunkwe dibattitu barra minn dan il-qafas ikun biss tentattiv li jdewwem, jew saħansitra jxekkel, din ir-riforma.

M'għandniex żmien x'nitilfu. Huwa indispensabbli li ż-żewġ koleġiżlaturi jibdew in-negozjati fix-xhur li ġejjin, bil-għan li jkollhom biżżejjed żmien biex isibu l-bilanċ tajjeb u jidentifikaw approċċ uman u ġust ma' min qiegħed ifittex protezzjoni, li jkun sod ma' dawk li ma għandhomx dritt għaliha u li jkun iebes ma' dawk li jisfruttaw lil min hu l-aktar vulnerabbli fil-pjaneta tagħna. 

U daqsi tafu li l-migrazzjoni hija biss waħda mill-isfidi li l-Ewropa għandha quddiemha bħalissa. F'dan il-perjodu ta' instabbiltà globali, ta' inflazzjoni għolja, prezzijiet tal-enerġija m'għola s-sema, industriji f'diffikultà u kontijiet li jgħakksu lill-familji, hemm bżonn li nisfruttaw l-akbar riżorsa tagħna. 

Din is-sena taħbat it-30 anniversarju tas-Suq Uniku tagħna. F'dan il-perjodu, kien hemm aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini, għall-impriżi u għall-konsumaturi milli qatt konna nobsru. Il-fatt li aħna l-akbar suq demokratiku uniku tad-dinja saħħaħ il-qagħda tagħna fid-dinja. Anki f'mument meta l-istil Ewropew tagħna ta' kif nagħmlu l-affarijiet qiegħed jiġi kkontestat, xorta għadna nistabbilixxu standards globali. Għaliex jafu li l-mudell tagħna ta' soċjetajiet miftuħa u ta' swieq miftuħa jaħdem. 

L-Ewropa toffri ħafna aktar minn kemm aħna stess naħsbu li għandha x'toffri.

U dan nistgħu niżviluppawh. Ejjew inħaffu l-investimenti fl-Ewropa biex nerġgħu npoġġu lill-ekonomija Ewropea f'perkors stabbli ta' tkabbir u nkunu saħansitra aktar kompetittivi. M'hemmx bżonn nibdew mill-bidu nett – il-finanzjamenti ta' NextGenerationEU għadhom disponibbli, flimkien ma' reviżjoni tal-QFP li se tħallina nerġgħu nqassmu l-finanzjamenti f'segmenti li kienu inqas prijoritarji meta kienu għaddejjin in-negozjati. 

Ġimgħa ilu biss, sirna nafu minn rapporti li l-impriżi tas-settur tal-enerġija u tal-elettriku qalgħu profitti rekord fl-2022. Issa wasal iż-żmien li ninsistu fuq l-idea ta' taxxa fuq il-profitti straordinarji mhux mistennija. 

Naf li diġà kienet ittieħdet deċiżjoni dwar dan imma jekk naħsbu li impriża tal-enerġija waħedha għamlet bejn wieħed u ieħor EUR 40 biljun fi dħul addizzjonali fi żmien meta ċ-ċittadini u l-impriżi għandhom bżonn l-appoġġ, huwa ċar għalija li għadhom wisq dawk li s-sistema mhijiex tgħinhom kif suppost. 

L-aħħar previżjonijiet jindikaw li l-Unjoni Ewropea se tkun tista' tuża aktar enerġija rinnovabbli fil-5 snin li ġejjin milli qatt għamlet f'dawn l-aħħar 20 sena. Il-bżonn ta' din it-tranżizzjoni mhuwiex theddida, iżda opportunità. 

Dalgħodu l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament tal-UE dwar il-Gass u dwar l-aħħar fajl kbir tal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55%", id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija. Ninsabu fl-aħħar fażijiet tat-tħejjija tal-qafas regolatorju meħtieġ għat-tranżizzjoni li qbilna fuqha fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima. 

Dak li l-Unjoni Ewropea jmissha tagħmel huwa li tipprova tikseb vantaġġ kompetittiv f'livell dinji billi żżomm mal-valuri demokratiċi tagħha mingħajr ma tinsa l-objettivi tal-aġenda dwar il-klima tagħna bis-saħħa tal-qafas regolatorju tagħna mfassal apposta. 

U b'hekk, dak li għedt f'Diċembru għandu jgħodd illum: jeħtiġilna nevitaw it-triq tan-niżla li twassal għal tellieqa tal-protezzjoniżmu. Ma għandniex bżonn li ningħalqu fina nfusna: l-ekonomija tagħna kibret tul is-snin proprju għaliex bqajna sodi biex nagħmlu bil-maqlub.

L-istil tagħna jaħdem.

Dan jgħodd ukoll għat-tentattiv tagħna li nżidu l-integrità, l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tagħna. F'dan ir-rigward huwa pjaċir tiegħi ngħarrafkom li lbieraħ filgħaxija adottajna l-ewwel miżuri tagħna u ninsab ċerta li se nkomplu nerġgħu nibnu l-fiduċja fil-Parlament u fil-proġett tagħna.

Nixtieq nikkonkludi billi nagħti ġieħ lil Nicos Anastasiades, li dalwaqt se jgħaddi lil ħaddieħor it-tmun tat-tmexxija ta' Ċipru wara li dam 10 snin President. Nirringrazzjak għall-impenn fil-proġett Ewropew, għall-paċi u għal dak kollu li għamilt għall-istabbilità tar-reġjun f'dawn l-aħħar għaxar snin. Is-suċċessur tiegħek mhux se jkollu biċċa xogħol faċli biex jilħaq il-livell tiegħek. 

Grazzi.

You may find here the transcriptions of her speech per language: