Il-President Metsola tinawgura bust ta' John Hume 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola inawgurat bust ta' John Hume. Fid-diskors tagħha, hija faħħret lil John Hume għall-impenn tiegħu favur il-paċi.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tikxef il-bust ta' John Hume

Sinjuri,

Ħajtu kollha, John Hume kien ispirat mit-tema tar-rikonċiljazzjoni tal-belt ta' Strasburgu. Huwa u jitkellem fil-Parlament Ewropew dwar il-proċess tan-negozjati ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, qal dan: "Dak li qegħdin nagħmlu proprjament huwa li nsegwu l-eżempju ta' din l-istess belt fejn ninsabu". 

Meta fakkar il-ħerba li spiċċat fiha l-Ewropa fl-1945, bi Strasburgu fl-epiċentru tagħha, John żied jgħid: "Min seta' jobsor dak iż-żmien li llum kien se jkollna Ewropa għalkollox ġdida, li fiha aħna magħqudin u nirrispettaw id-differenzi tagħna."

Bħala l-President tal-Parlament Ewropew, nista' ngħidilkom li dan il-kliem għandu tifsira tant profonda, meta nippresjedi assemblea demokratika Ewropea li tlaqqa' f'post wieħed lir-rappreżentanti eletti minn 27 Stat Membru differenti biex jiddjalogaw fil-paċi.

Għal John Hume, il-belt ta' Strasburgu kienet "simbolu ta' tama". Iżda lil hinn minn dan, kien jemmen fil-ġid li din id-Dar setgħet iġġib, kif fil-fatt sar, lin-nies fil-komunità tiegħu u lill-Ewropej kollha. B'mod intelliġenti u effettiv, huwa uża l-Parlament Ewropew eżatt għall-iskop li nħoloq għalih: "biex issir ħidma fuq il-punti komuni", kif qal, u biex "nirrispettaw id-differenzi tagħna".

Pubblikazzjoni li tinkludi l-interventi l-aktar rilevanti ta' Hume meta kien Membru tal-PE hija disponibbli hawnhekk. Jiena u naqra s-siltiet mid-diskorsi tiegħu, laqatni d-djalogu kostruttiv tar-rikonċiljazzjoni li John Hume kien kapaċi jrawwem f'din id-Dar bejn ir-rappreżentanti tan-naħat kollha matul it-"Troubles" tal-Irlanda ta' Fuq. Bħallikieku l-Parlament Ewropew stess għamilha ta' Ombudsman jew ta' dar għall-medjazzjoni. 

U ppermettuli issa nsellem lix-xogħol kollu li għamel il-predeċessur tiegħu, l-ex President tal-Parlament Ewropew u l-President attwali tal-Fondazzjoni Jean Monnet, is-Sur Pat COX, li bla heda poġġa lid-diplomazija u lill-medjazzjoni fuq quddiem nett tal-attivitajiet kollha u għadu jiddefendi s-sostenn għad-demokrazija fid-dinja kollha, speċjalment fl-Ukrajna mill-2014.

Sew meta kien jiddiskuti mal-Membri Protestanti tal-PE mill-Irlanda ta' Fuq jew mal-Membri tal-PE mir-Renju Unit matul it-Troubles, John Hume kien jinkarna l-bżonn ta' djalogu kostruttiv u paċifiku f'dan il-Parlament Ewropew. 

Kien stqarr li biex tinnegozja l-paċi, "l-aktar pass diffiċli huwa l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għad-djalogu". L-isfida tikkonsisti proprju f'li tirrispetta d-differenza u tqarreb id-differenzi lejn xulxin, li tpoġġi flimkien, madwar l-istess mejda tan-negozjati.

John Hume kien bħalna jemmen b'konvinzjoni li d-demokrazija u d-djalogu kienu se jwasslu għall-paċi. Kien jemmen fl-umanità.

Fi kliemu stess: "Id-differenza hija l-essenza tal-umanità. Għalhekk, id-differenza qatt ma għandha tkun l-għajn tal-mibegħda jew tal-kunflitt. Proprju hemm jinsab prinċipju ferm fundamentali tal-paċi: ir-rispett tad-diversità." Dan il-kliem huwa prinċipju gwida anki llum. 

Hekk kif fis-snin 90 it-taħditiet ta' paċi kienu mexjin tajjeb dwar l-Irlanda ta' Fuq, John Hume kien inflessibbli dwar il-fatt li "ma nistgħux nerġgħu lura". 

Tfakkira lill-ġenerazzjoni tagħna fl-importanza li nħarsu l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira, li John Hume, flimkien mal-protagonisti kollha kkonċernati, kien strumentali biex ifasslu.

Għalhekk mhi sorpriża għal ħadd li John Hume rċieva, flimkien ma' David Trimble, il-Premju Nobel għall-Paċi fl-1998. Fl-1999, irċieva l-onorifiċenza ta' Uffiċjal tal-Leġjun tal-Unur, l-ogħla ordni tal-mertu tar-Repubblika Franċiża.

Hekk kif Bloomsday, il-ġimgħa d-dieħla, qiegħed joqrob, u billi din is-sena niċċelebraw il-100 sena mill-pubblikazzjoni tal-kapulavur ta' fama mondjali "Ulysses" ta' James Joyce, niftakru li John Hume rċieva wkoll il-Premju James Joyce li jagħti ġieħ lil dawk li kisbu suċċess straordinarju – bħal John Hume – fil-qasam partikolari tagħhom.

Irċieva bosta onorifiċenzi mid-dinja kollha. Iżda hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna niftakru li d-don tal-paċi llum ma nagħmluhx fatta. 

F'dan ir-rigward, nixtieq infaħħar ix-xogħol kontinwu tal-Fondazzjoni John & Pat Hume favur il-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Din inħolqot fl-2020 biex tikkommemora l-kontributi straordinarji li saru kemm minn John kif ukoll minn Pat Hume lill-komunitajiet lokali tagħhom, iżda fuq livell aktar ġenerali lil inħawi oħra fid-dinja tal-kunflitti.

"Ejjew ma ninsewx li l-Unjoni Ewropea hija l-aqwa eżempju, kif tgħallimna, fl-istorja tad-dinja tar-riżoluzzjonijiet tal-kunflitti." 

U wara din l-aħħar kwotazzjoni ta' John Hume, jien u t-Taoiseach issa se nikxfu flimkien l-iskultura ta' raġel kbir li jagħmel din id-Dar Ewropea tad-Demokrazija kburija għal dejjem.

Grazzi.