Il-messaġġ tal-President Metsola għall-bidu tas-sena 2023 

 

Fil-messaġġ għall-bidu tal-2023, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza li fis-sena l-ġdida, l-Ewropa tibqa' magħquda, tipproteġi l-valuri tagħha, u tkompli tappoġġja lill-Ukrajna.

Għeżież Ewropej,

Għal ħafna minna, il-bidu ta' Sena Ġdida huwa żmien ta' riflessjoni u li fih inħarsu lejn il-futur. Biex napprezzaw il-ħafna kisbiet tagħna u anke biex inqisu l-fallimenti okkażjonali. Biex nirriflettu fuq l-adegwatezza tal-''mod tagħna ta' kif nagħmlu l-affarijiet'' u nħarsu 'l quddiem lejn kif nistgħu nagħmlu l-affarijiet differenti u aħjar fis-sena l-ġdida. 

Is-sena 2022 kienet waħda diffiċli għall-Ewropa. Kellna niffaċċjaw il-konsegwenzi destabbilizzanti tal-pandemija, maltempata perfetta ta' tibdil fil-klima, żieda fl-inflazzjoni u tnaqqis fil-provvisti tal-enerġija. Dan kollu fil-kuntest ta' gwerra fil-kontinent tagħna minħabba l-invażjoni brutali tal-Ukrajna u l-inċertezza politika li huwa probabbli li timbotta aktar u aktar nies fil-kumdità tal-pożizzjonijiet estremi. 

Il-fatt hu li l-ebda pajjiż m'għandu l-abbiltà li jindirizza dawn il-kwistjonijiet waħdu. Imma flimkien mhux biss konna kapaċi nindirizzaw sfidi li apparentement ma setgħux jingħelbu, imma konna kapaċi nagħmlu dan malajr u b'mod effettiv. Fl-2023 jeħtieġ li nkomplu mexjin f'din it-triq ta' determinazzjoni u għaqda. 

Konxja li, minkejja dan kollu, il-maltemp għadu għaddej. Il-familji għadhom qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-ħajja. Iż-żgħażagħ għadhom inkwetati fuq il-preżent u l-futur tagħhom. U l-Ukreni qalbiena għadhom qed jirriskjaw ħajjithom fil-kampijiet tal-battalja għal-libertà tagħna. 

Imma jekk l-istorja, u b'mod partikolari din is-sena, urietna xi ħaġa, hi li l-Unjoni Ewropea toħroġ mill-kriżijiet aktar b'saħħitha u aktar magħquda. U għalhekk ninsab konvinta li flimkien nistgħu naslu. 

Fis-sena li ġejja hemm bżonn li niksbu r-riżultati. Jeħtieġ li niksbu r-riżultati fir-rigward tal-kompetittività tal-Ewropa. Dan ifisser li nerġgħu mmorru lura għal tkabbir, inġibu l-kontijiet tagħna taħt kontroll, nirreżistu kontra l-inflazzjoni, u niżguraw li t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jkomplu bis-serjetà. 

Dan ifisser li niżguraw li l-ekonomija, l-ambjent u s-sigurtà tagħna jitqiesu essenzjali b'mod indaqs. 

U, fl-2023, jeħtieġ li nirduppjaw l-isforzi tagħna biex nipproteġu l-valuri tagħna: il-libertà, id-demokrazija, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-istat tad-dritt. Dawn huma l-affarijiet li s-soċjetà miftuħa u s-swieq miftuħa tagħna huma msejsa fuqhom. Mingħajrhom, m'għandna xejn.    

Fuq kollox, se nkomplu nappoġġaw lill-Ukrajna. Għal paċi b'libertà, paċi b'dinjità u paċi b'sigurtà.

U għalhekk, jalla s-sena li ġejja tkompli turi l-forza tal-Ewropa li twassal għal progress, u li tgħin biex isseħħ bidla pożittiva. Li ninbidlu b'tali mod li nkunu kapaċi nindirizzaw aħjar il-problemi futuri. U, fuq kollox, biex bħala Ewropej, niftakru li dejjem se jkun hemm ħafna aktar x'jgħaqqadna milli x'jifridna.

Nawgura lil kulħadd is-Sena t-Tajba!