Stqarrija dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru mill-awtoritajiet Belġjani 

 

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamlet din l-istqarrija fil-ftuħ tas-Sessjoni Plenarja fi Strasburgu.

Għeżież kollegi,

Naħseb li ma tkunx eżaġerazzjoni jekk ngħid li dawn kienu fost l-itwal jiem tal-karriera tiegħi. Irrid nagħżel kliemi b’attenzjoni, b’mod li ma jipperikolawx l-investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin u bl-ebda mod ma jippreġudikaw il-preżunzjoni ta’ innoċenza.

U hekk ser nagħmel. Jekk ir-rabja u n-niket tiegħi u jidhrux jekk jogħġobkom kunu żguri li qiegħdha nħoss dawn is-sentimenti ħafna. U jiena wkoll determinata biex din il-Kamra toħroġ mill-kriżi aktar b’saħħitha.

Tagħmlux żball.

    Il-Parlament Ewropew qed jiġi attakkat.
    Id-demokrazija Ewropea qed tiġi attakkata.
    Il-mod tal-ħajja tagħna ibbażat fuq soċjetajiet miftuħa, ħielsa u demokratiċi qed jiġi attakkat.

L-għedewwa tad-demokrazija li għalihom l-eżistenza stess ta’ dan il-Parlament hija theddida, ma jieqfu quddiem xejn. Dawn l-atturi malinni, marbuta ma’ pajjiżi terzi awtokratiċi allegatament użaw NGOs, Unions, individwi, assistenti u MPE biex irażżnu l-proċessi tagħna.

Il-pjanijiet malizzjużi tagħhom fallew. Is-servizzi tagħna, li jiena kburi ħafna minnhom, ilhom jaħdmu mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji biex ikissru dan in-netwerk kriminali allegat għal xi żmien.

Aġixxejna flimkien mal-awtoritajiet biex niżguraw li l-passi legali kollha jiġu rispettati, li l-informazzjoni kollha tiġi ppreservata u li, fejn meħtieġ, it-tagħmir tal-IT ikun sigur, l-uffiċċji jiġu ssiġillati u tfittxijiet fid-djar ikunu jistgħu jitwettqu. Akkumpanjajt imħallef u l-pulizija Belġjani kif mitlub mill-kostituzzjoni Belġjana għal tfittxija fid-djar fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.

Bħala miżura ta’ prekawzjoni, għal darb’oħra b’rispett sħiħ għall-preżunzjoni tal-innoċenza, neħħejt il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-Viċi President in kwistjoni u ikkonvenejt laqgħa straordinarja tal-Konferenza tal-Presidenti biex inniedi proċedura taħt l-Artikolu 21 biex il-mandat tagħhom bħala Viċi President jintemm fi sforz biex tiġi protetta l-integrità ta’ din il-Kamra.

Kelli wkoll inħabbar il-ftuħ tal-mandat ta’ negozjar fuq ir-rapport dwar l-eżenzjoni mill-viża mal-Qatar u l-Kuwajt. Fid-dawl tal-investigazzjonijiet, dan ir-rapport għandu jintbagħat lura lill-kumitat.

Naf ukoll li m’aħniex fi tmiem it-triq u se nkomplu ngħinu fl-investigazzjonijiet, flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, sakemm ikun hemm bżonn. Il-korruzzjoni ma tistax tirbaħ u żvolġejna r-rwol tagħna biex niżguraw li dawn il-pjanijiet ma jkunux jistgħu jimmaterjalizzaw.

Nixtieq inkun ċara, l-allegazzjonijiet mhumiex dwar ix-xellug jew il-lemin jew it-tramuntana jew in-nofsinhar. Dan huwa dwar it-tajjeb u l-ħażin u nappella biex tirreżistu t-tentazzjoni li tisfruttaw dan il-mument għal xi gwadann politiku.

Jiena fil-politika, bħal ħafna minnkom hawn, biex niġġieled il-korruzzjoni. Biex niddefendi l-prinċipji tal-Ewropa. Dan huwa test tal-valuri tagħna u tas-sistemi tagħna u, kollegi, ippermettuli nassigurakom li se niffaċċjaw dan it-test kompletament.

    M’hu ser ikun hemm l-ebda impunità. Xejn. Dawk responsabbli ser isibu li dan il-Parlament jinsab fuq in-naħa tal-liġi. Jiena kburija bir-rwol u l-assistenza tagħna f’din l-investigazzjoni.
    M’hu ser ikun hemm l-ebda ħabi. Se titnieda inkjesta interna biex niksbu l-fatti kollha relatati mal-Parlament u biex inħarsu lejn kif is-sistemi tagħna jistgħu jsiru aktar reżistenti.
    M’hu ser ikun hemm ebda sitwazzjoni fejn kollox jibqa’ kif inhu. Ser inniedu proċess ta’ riforma biex naraw min għandu aċċess għall-bini tagħna, kif dawn l-organizzazzjonijiet, l-NGOs u n-nies huma ffinanzjati, x’rabtiet għandhom ma’ pajjiżi terzi, se nitolbu għal aktar trasparenza dwar il-laqgħat ma’ atturi barranin u dawk marbuta magħhom. Aħna se nbiddlu dan il-Parlament u din il-belt u għandi bżonn l-għajnuna tagħkom biex nagħmel dan.
    Aħna se nipproteġu lil dawk li jgħinuna biex nikxfu l-kriminalità u se naħdem biex jissaħħu s-sistemi tal-whistleblowers tagħna.
    Imma għandi ngħid ukoll li filwaqt li nistgħu dejjem infittxu li nżidu d-deterrenti, u t-trasparenza, dejjem se jkun hemm xi wħud li dejjem ser ikunu lesti jieħdu riskju għal borża flus. Li huwa essenzjali hu li dawn in-nies jifhmu li se jinqabdu. Li s-servizzi tagħna jaħdmu u li dawn se jiffaċċjaw il-firxa sħiħa tal-liġi. Kif ġara f’dan il-każ.

Dawn huma żminijiet diffiċli għalina lkoll, iżda jiena konvinta li jekk naħdmu flimkien nistgħu noħorġu aktar b’saħħitna.

Lilkom, kollegi tiegħi, li għextu miegħi dawn il-jiem, ippermettuli ngħid mill-ġdid kemm jien diżappuntata — naf li lkoll għandna l-istess sentiment.

Lil dawk l-atturi malinni, f’pajjiżi terzi, li jaħsbu li jistgħu jixtru dak li jridu. Li jaħsbu li l-Ewropa hija għall-bejgħ. Li jaħsbu li jistgħu jieħdu f’idejhom l-NGOs tagħna. Ippermettuli ngħid li se jsibu dan il-Parlament jimblukkalhom triqthom.

Aħna Ewropej. Nippreferu nbagħtu l-bard milli ninxtraw.