Fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tal-Politika Agrikola Komuni, waqt Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew ġiet organizzata ċerimonja li tfakkar il-politika li trasformat l-Ewropa. Fid-diskors tagħha, l-President Roberta Metsola tkellmet dwar is-suċċessi u l-isfidi li ġabet magħha din il-politika, waqt li saħqet li l-agrikultura hi settur strateġiku għall-ekonomija Ewropea.
© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Illum infakkru s-60 anniversarju tal-Politika Agrikola Komuni tagħna. Politika li ppermettitilna nżidu l-produttività, niżguraw id-disponibbiltà ta' ikel bi prezz raġonevoli u nipprovdu standards tal-għajxien ġusti għall-bdiewa.
Il-Politika Agrikola Komuni tagħna ttrasformat l-Ewropa.
Il-bdiewa tagħna mhux biss jipprovdulna s-sigurtà tal-ikel li neħtieġu – huma jesportaw ukoll prodotti agrikoli lejn pajjiżi terzi b'valur ta' madwar EUR 180 biljun. Il-prodotti ta' kwalità tal-Ewropa għenu biex jitimgħu lid-dinja.
Iżda rridu nikkunsidraw ukoll l-isfidi li għandna quddiemna. 11 % biss tal-maniġers tal-azjendi agrikoli fl-UE għandhom inqas minn 40 sena. Is-settur agrikolu tagħna għandu bżonn iddisprat ta' influss ta' bdiewa żgħażagħ tas-sengħa li jista' jagħti spinta lill-innovazzjoni. Jeħtieġ li nindirizzaw il-biedja b'perspettiva ġdida.
Jeħtieġ ukoll li nagħtu aktar attenzjoni lill-kwalità tal-prodotti tagħna u lis-sostenibbiltà tal-proċess tal-produzzjoni. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nħaffu u nintensifikaw l-isforzi tagħna biex nagħmlu l-biedja kemm jista' jkun favorevoli għall-ambjent. Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni flimkien mal-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" huma mfassla apposta għal dan il-għan.
Sfida oħra hija ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni li dalwaqt se twassal għal prezzijiet ogħla tal-ikel. Il-prezzijiet tal-fertilizzanti żdiedu bi 30 % mill-bidu tal-2022. Iż-żieda fl-ispejjeż tal-fjuwil qed tilħaq livelli rekord. Il-pressjoni inflazzjonarja qed ikollha effett enormi fuq il-ġestjoni ta' kuljum tal-10 miljun azjenda agrikola tagħna fl-UE.
U hawnhekk irrid nenfasizza t-tfixkil enormi tal-kummerċ taċ-ċereali bħala konsegwenza tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-imblokki tal-portijiet u n-nuqqas ta' kapaċità li jinstabu modi alternattivi għat-trasport ta' prodotti agrikoli lejn u mill-Ukrajna wasslu għal prezzijiet ogħla u sens ta' instabbiltà. Il-pressjoni li rriżultat fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel globali hija inkwetanti għall-aħħar. Jekk l-Ukrajna ma tkunx tista' taħdem l-għelieqi tagħha, se jkollna bosta snin ta' nuqqas ta' ikel f'livell dinji.
Dawn l-isfidi kollha jeħtieġu reazzjoni deċiżiva u soda mingħandna. L-agrikoltura hija settur strateġiku tal-ekonomija tagħna.
F'dan l-anniversarju importanti, ippermettuli ntemm l-intervent tiegħi billi nagħti ġieħ lin-nies kollha wara s-suċċess tal-Politika Agrikola Komuni tagħna. Il-bdiewa, il-familji tagħhom u l-ħaddiema anċillari l-oħra kollha li, xemx u xita, għamlu sforzi kbar fl-għelieqi, huma l-vera narraturi ta' din l-istorja ta' suċċess.