Il-Presidenza Ċeka tal-Kunsill tal-UE hi f'punt kruċjali tal-istorja Ewropea 

 

Il-Presidenza tar-Repubblica Ċeka tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bdiet fl-1 ta' Lulju 2022. Illum, il-Prim Ministru Ċek Petr Fiala ppreżenta l-programm ta' attivitajiet tal-Presidenza Ċeka. Fl-introduzzjoni tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar l-importanza tal-għaqda.

 

© Unjoni Ewropea |  Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tilqa' lill-Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka Petr Fiala 

Prim Ministru Fiala,
Għeżież kollegi, 

Fl-1 ta' Lulju lqajna lir-Repubblika Ċeka fit-tmun tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Illum, huwa ta' pjaċir għalina nilqgħu fostna lill-Prim Ministru Petr Fiala, biex jippreżenta l-programm ta' attivitajiet tal-Presidenza Ċeka.

Prim Ministru Fiala, għażiż Petr, merħba bik fil-Parlament Ewropew.

Bi gwerra illegali għaddejja fil-kontinent tagħna, il-Presidenza Ċeka waslet f'punt ta' żvolta fl-istorja. Il-passi li jmiss se jkunu deċiżivi għall-futur komuni tagħna.

Prim Ministru Fiala, inti – flimkien mal-Prim Ministri tal-Polonja u tas-Slovenja – kontu l-ewwel mexxejja Ewropej li, b'turija ta' solidarjetà, żortu Kiev taħt assedju. Nafu li l-għaqda Ewropea mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha ser tkun ċentrali għall-aġenda tal-Presidenza Ċeka.

Dan mhuwiex iż-żmien li nibqgħu lura mill-ambizzjonijiet tagħna. Jeħtieġ li nindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija. Huwa għalhekk li rridu naċċeleraw it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali. F'dan ir-rigward, il-Presidenza Ċeka tista' tafda fuq l-impenn ta' din il-Kamra li jsir progress fuq il-pakkett "Lesti għall-Mira ta' 55%" kif ukoll l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali. 

Prim Ministru Fiala, għażiż Petr, ftit ġimgħat ilu, ilqajt lili u lill-mexxejja tal-gruppi parlamentari fi Praga. Huwa f'dan l-ispirtu kostruttiv li l-Parlament Ewropew ser ikompli jaħdem mal-Presidenza Ċeka dwar il-ħafna inizjattivi importanti fuq il-mejda. F'isem din il-Kamra, nixtieqlek suċċess fis-sitt xhur li ġejjin.