Il-Parlament Ewropew jiċċelebra 70 sena 

 

Bħala parti mill-attivitajiet li jfakkru s-70 sena mill-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ndirizzat is-Sessjoni Plenaria fi Strasburgu. Fid-diskors tagħha, hi qalet li llum, aktar minn satt Kabel, hu importanti li nipproteġu l-vuċi demokratika taċ-ċittadini u l-valuri demokratiċi Ewropej li l-Parlament Ewropew jirrapreżenta.

© L-Unjoni Ewropea | Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Din il-ġimgħa, 70 sena ilu, fl-10 ta' Settembru 1952, hawnhekk fi Strasburgu, Paul-Henri Spaak ippresieda l-ftuħ tal-ewwel sessjoni li qatt saret tal-Assemblea Komuni tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Dan kien il-punt tat-tluq tal-parlament li niltaqgħu fih illum.

F'70 sena, l-Assemblea kibret u kompliet tissaħħaħ. Minn organu konsultattiv b'setgħat limitati, saret istituzzjoni vera li tħaddan id-demokrazija Ewropea u l-espressjoni tal-opinjoni pubblika Ewropea. 

Fl-1962, biddlet isimha u saret il-"Parlament Ewropew", pass ieħor biex issir l-uniku parlament tranżnazzjonali elett direttament, multilingwi u multipartitiku fid-dinja.

Maż-żmien, trattati konsekuttivi wasslu biex din il-Kamra – bit-tliet postijiet tax-xogħol tagħha fi Brussell, fil-Lussemburgu u fi Strasburgu – tiżviluppa f'forum b'saħħtu, indipendenti u politiku b'setgħat koleġiżlattivi u baġitarji li jħallu impatt fuq miljuni ta' ċittadini Ewropej.

Fl-Ukrajna għaddejja gwerra illegali li teqred, toqtol u ddgħajjef ir-rieda politika tal-poplu. Għaldaqstant, illum aktar minn qatt qabel aħna konxji mill-importanza li niddefendu l-vuċi demokratika taċ-ċittadini u l-valuri demokratiċi Ewropej li din il-Kamra tirrappreżenta.

U huwa għalhekk li, minn dan ix-xahar sas-sajf li jmiss, tal-2023, fil-Parlament Ewropew se jsiru għadd ta' avvenimenti kommemorattivi biex ifakkru s-70 anniversarju tal-Parlament Ewropew.

Għall-ewwel avveniment, fi tmiem din il-ġimgħa, il-Parlament Ewropew fi Strasburgu se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-edizzjoni tal-2022 ta' "Bibliothèques idéales" – "Ideal Libraries" b'intervisti, taħditiet dwar il-kotba u qari li se jsiru proprju hawnhekk. Għax il-kotba, l-arti u l-kultura Ewropej huma wkoll parti minn dak li jgħaqqad lill-Ewropa.

Avvenimenti oħra se jitħabbru fix-xhur li ġejjin u, b'mod partikolari, matul is-sessjoni plenarja ta' Novembru 2022 dan it-tragward ta' 70 sena għad-demokrazija Ewropea se jiġi rikonoxxut uffiċjalment.